Is-sena tal-vaċċin! Imma se nispiċċawha kif bdejniha: nieħdu l-vaċċin u l-każi sploduti

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta fl-aħħar sena li tista’ tgħid se tispiċċa kważi kważi kif bdiet u dan minkejja li kienet is-sena tat-tilqima 

Nitfakru qisu lbieraħ meta l-gazzetta ILLUM, fl-aħħar gazzetta għall-2020, iddeskriviet is-sena li għaddiet bħala “s-sena tal-pandemija.” Forsi konna żbaljati. Vera li s-sena li għaddiet issakkarna ġewwa għal diversi ġimgħat għax ħadd ma kien jaf x’inhu dan l-imbierek Covid-19, iżda x’aktarx li din id-deskrizzjoni, tapplika aktar għall-2021 li wasalna biex intemmu. 

Bdejna s-sena b’ħafna ottimiżmu hekk kif fl-aħħar jiem tal-2020 waslet l-ewwel konsenja tal-vaċċin u minnufih beda t-tilqim, iżda l-Covid-19 ma tantx ħalliena bi kwietu. Kellna nerġgħu ndaħħlu restrizzjonijiet, ħafna stabbilimenti reġgħu għalqu u ħafna reġgħu ssakkru ġewwa sakemm irranka t-tilqim. 

Ftaħna għas-sajf, iżda l-każi malajr reġgħu żdiedu. Malta kienet pronta twieġeb b’miżuri b’saħħithom fuq l-ivjaġġar biex jieqfu jiġu importati każi minn barra, anke għax pajjiżi oħra, ħdejn Malta, kienu u sa ċertu punt għadhom lura fit-tilqim. 

Fis-sajf ħadna n-nifs. Il-każi naqsu u gawdejna kemm flaħna iżda t-tama li l-agħar tal-Covid-19 kien għadda malajr spiċċat fix-xejn. Bdejna bil-booster għax l-effett tat-tilqima beda jonqos, il-każi splodew mhux biss f’Malta imma fil-bqija tal-Ewropa u d-dinja u spiċċajna biċ-ċirasa fuq il-kejk, il-famuż Omicron. 

It-tama li bdejna s-sena biha, malajr spiċċat fix-xejn, b’diversi pajjiżi Ewropej jerġgħu jdaħħlu miżuri u saħansitra anke lockdowns nazzjonali. S’issa, aħna l-Maltin, erġajna twikkejna bil-maskra. Imma kif ngħidu: aħjar uff milli aħħ! Il-maskra għenitna u se jkollna nsellmu s-sena biha wkoll. 

F’dawn il-paġni, se nagħtu ħarsa lejn il-pandemija u kif din affetwatna matul l-aħħar sena. 

Jibda t-tilqim u joffri tama li l-affarijiet se jmorru għall-aħjar 

'L-ewwel ma wasal kien il-vaċċin ta' Pfizer.'
'L-ewwel ma wasal kien il-vaċċin ta' Pfizer.'

Kif spjegat qabel, anke jekk f’Jannar tas-sena li għaddiet, is-sitwazzjoni ma kienet xejn feliċi, għax il-każi kienu qed jiżdiedu, wasal it-tilqim u beda joffri tama li l-affarijiet kienu se jmorru għall-aħjar. 

Malta bdiet toffri l-vaċċin mal-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea iżda tista’ tgħid li ġriet b’kulħadd, anke meta bdew jaslu vaċċini oħra li kienu bdew jiġu approvati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina. L-ewwel ma wasal kien il-vaċċin ta’ Pfizer, kważi xahar wara tal-Moderna, imbagħad l-AstraZeneca u fl-aħħar il-Johnson & Johnson

L-ewwel li tlaqqmu kienu l-anzjani, dawk li jaħdmu fl-isptarijiet u dawk li huma l-aktar vulnerabbli u ftit ftit, il-programm tat-tilqim beda jinfetaħ għall-bqija tal-popolazzjoni. 

Fi żmien erba’ xhur, jiġifieri f’Mejju, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li Malta laħqet l-immunità tal-massa, hekk kif 70% tal-popolazzjoni kienet ħadet imqar doża waħda. Malta kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li laħqet din il-mira importanti.  

Hemm pajjiżi li sal-lum il-ġurnata għadhom lanqas waslu għaliha u issa ma kellhomx triq oħra ħlief li jagħmlu jew inkella jikkunsidraw, it-tilqim obbligatorju.  

Il-każi f’Malta jiżdiedu ... ifeġġ l-ewwel varjant inkwetanti 

'Il-varjant tar-Renju Unit, li tlaqqam Alpha.'
'Il-varjant tar-Renju Unit, li tlaqqam Alpha.'

Anke jekk il-vaċċin wasal lejn l-aħħar ta’ Diċembru u t-tilqim beda jirranka f’Jannar li għadda, fl-ewwel ġimgħat tas-sena, il-każi bdew jiżdiedu drastikament.  

Kien hemm diversi raġunijiet li waslu għaż-żieda fil-każi. L-ewwel u qabel kollox kien għadu kemm għadda l-istaġun tal-Milied, meta ħafna aktar nies iltaqgħu flimkien. Anke jekk kien hemm restrizzjonijiet fuq il-ġemgħat fuq barra, diversi persuni xorta waħda ltaqgħu fid-djar. 

Iżda forsi aktar minn hekk, kien hemm il-varjant tar-Renju Unit, li tlaqqam Alpha u li beda jinxtered mhux ħażin fl-Ewropra u kien daħal Malta wkoll.  

Fil-fatt, f’Diċembru tas-sena li għaddiet, ir-Renju Unit tista’ tgħid li kien fl-istess sitwazzjoni li jinsab fiha llum minħabba l-varjant Omicron. Il-varjant Alpha, li nstab għall-ewwel darba f’Kent, beda jiġri mhux ħażin u dan wassal biex il-Gvern Ingliż jimponi lockdown f’diversi partijiet tal-Ingilterra. 

Prim Ministru viżibilment inkwetat ... jitħabbru aktar restrizzjonijiet 

'Robert Abela kien deher viżibilment għajjien u t-tensjoni bdiet tagħmel tagħha.'
'Robert Abela kien deher viżibilment għajjien u t-tensjoni bdiet tagħmel tagħha.'

Iż-żieda fil-każi f’Malta ppersistiet b’ħafna jikkritikaw il-Gvern li ma beda jagħmel xejn dwar dan. Madanakollu, fl-4 ta’ Marzu, il-Gvern ma kellu l-ebda triq oħra ħlief li jdaħħal fis-seħħ miżuri ġodda. 

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela kien deher viżibilment għajjien u t-tensjoni bdiet tagħmel tagħha. Ħafna kienu qed jaħsbu li issa li wasal il-vaċċin, is-sitwazzjoni se taqleb għall-aħjar mil-lejl għan-nhar. Minkejja dan, fl-10 ta’ Marzu, Malta rreġistrat rekord ta’ 510 każi f’24 siegħa.  

Issa kien ċar, li l-varjant Alpha kien ir-raġuni wara ż-żieda qawwija fl-infezzjonijiet. Fil-fatt, f’dak iż-żmien, kien hemm biss tliet pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea li kellhom rata ta’ infezzjonijiet akbar minn dik ta’ Malta. 

Madanakollu, l-ewwel sinjali pożittivi tal-vaċċin bdew jidhru. Anke jekk il-każi żdiedu, fl-ITU ma kien hemm l-ebda anzjan jew anzjana li kellhom aktar minn 80 sena, bil-virus jibda jaffettwa inqas lil dawk li kienu mlaqqma biż-żewġ dożi. 

Fost affarijiet oħra, għalqu r-ristoranti, il-knejjes u anke l-ħwienet mhux essenzjali, inkluż dawk tas-sbuħija. 

Il-ħaddiema tas-settur pubbliku reġgħu bdew jaħdmu mid-dar u s-settur privat kien imħeġġeġ jagħmel l-istess. 

L-ivjaġġar lejn Għawdex ukoll kien limitat. Issa ħadd ma seta’ jaqsam bejn il-gżejjer jekk mhux għal raġunijiet essenzjali.  

Sadanittant, stabbilimenti tad-divertiment u anke l-bars baqgħu magħluqa.  

Fi kliem sempliċi, konna erġajna spiċċajna f’lockdown parzjali. 

L-Arċisqof iwissi ... ‘Mhux se niċċelebraw Għid ieħor hekk’ 

'Waqt il-Quddiesa ta' Ħamis ix-xirka, l-Arċisqof kien ċar u tond.'
'Waqt il-Quddiesa ta' Ħamis ix-xirka, l-Arċisqof kien ċar u tond.'

Wara Milied mhux daqstant tajjeb, iż-żieda fil-każi u anke dawn ir-restrizzjonijiet ġodda, ħassru wkoll diversi attivitajiet oħra. Ibda bil-Karnival (anke jekk il-farmhouses f’Għawdex kienu mifqugħa bin-nies) u spiċċa bl-Għid il-Kbir. 

Għal sena oħra, il-Knisja ma setgħetx tiċċelebra l-akbar festa tagħha bil-knejjes miftuħa. Għat-tieni darba, il-knejjes baqgħu żarmati u l-vari tal-Ġimgħa l-Kbira, ħlief xi tnejn, baqgħu merfugħa. 

Kien żmien diffiċli ħafna, speċjalment għad-dilettanti li jħobbu dan iż-żmien. 

Waqt il-Quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka, l-Arċisqof Charles Scicluna kien ċar u tond. Filwaqt li saħaq li l-Knisja se tkompli tikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa, wissa li l-paċenzja qed tintilef u li mhux se terġa’ tiċċelebra Għid bil-bibien magħluqa. 

Insista li mhuwiex aċċettabbli li l-Insara ma jiltaqgħux biex jiċċelebraw l-Għid il-Kbir minħabba n-nuqqas ta’ prudenza ta’ xi wħud. Saħaq ukoll li mhuwiex sew li dawk li jemmnu jispiċċaw jagħmlu sagrifiċċji minħabba xi wħud li qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-pandemija. 

“Erġajna spiċċajna minn fejn bdejna minħabba n-negliġenza u n-nuqqas ta’ prudenza,” insista waqt li saħaq li dawk li ċaħdu lill-Insara milli jiltaqgħu fil-knejjes fit-tlett ijiem tal-Għid, għandhom jerfgħu r-responsabbilità. 

Kien insista wkoll li filwaqt li s-saħħa hija importanti u essenzjali, daqstant ieħor hija l-qima lejn Alla, anke jekk saħaq li mhux fl-istess livell tal-banek tal-lottu jew inkella s-supermarkets. 

Ħa l-opportunità biex iħeġġeġ lil kulħadd biex jieħu l-vaċċin u saħaq li dan huwa “dmir morali,” ta’ kull ċittadin.  

April jidħol u nerġgħu nibdew nieħdu ftit tar-ruħ 

'It-tama kienet li dan kien l-aħħar sforz.'
'It-tama kienet li dan kien l-aħħar sforz.'

F’April is-sitwazzjoni bdiet taqleb għall-aħjar. Il-programm tat-tilqim kien mexa ġmielu u beda jħalli effetti pożittivi. Għalhekk, għal darb’oħra, ir-restrizzjonijiet setgħu jibdew jitneħħew.  

It-tama kienet li dan kien l-aħħar sforz u li ma kienx hemm bżonn aktar restrizzjonijiet, għax issa ħafna kienu wkoll imlaqqma.  

Madanakollu, l-awtoritajiet kienu kawti ħafna. Ir-restrizzjonijiet bdew jitneħħew ftit ftit. Fil-fatt, meta r-ristoranti reġgħu fetħu, fl-10 ta’ Mejju, għall-bidu riedu jagħlqu bilfors fil-5pm u wara jservu biss takeaway. 

Kien fl-24 ta’ Mejju meta r-ristoranti tħallew jiftħu sa nofsilejl anke jekk mal-imwejjed setgħu jpoġġu biss erba’ persuni. Dakinhar setgħu jiftħu wkoll il-gyms.  

Ġie ppubblikat ukoll għall-ewwel darba ċ-ċertifikat tal-vaċċin li issa seta’ jgħin biex jinfetħu wkoll ċertu attivitajiet soċjali. 

Mis-7 ta’ Ġunju wara xhur bil-bibien magħluqa, setgħu jiftħu wkoll il-bars u l-każini, fost affarijiet oħra. 

Nibdew nisimgħu b’varjant ieħor! Issa kien imiss id-Delta 

'Bdejna nisimgħu b'varjant ieħor, id-Delta, li oriġina mil-Indja.'
'Bdejna nisimgħu b'varjant ieħor, id-Delta, li oriġina mil-Indja.'

Minkejja li f’Malta s-sitwazzjoni bdiet tirritorna lura għan-normal u anke fil-bqija tal-Ewropa s-sitwazzjoni kienet bdiet tistabilizza ruħha, bdejna nisimgħu b’varjant ieħor, din id-darba d-Delta, li oriġina mill-Indja

L-aħbarijiet li bdejna naraw mill-Indja ma kienu xejn sbieħ. Il-varjant beda jinfirex b’rata mgħaġġla ħafna. Rajna ritratti u filmati ta’ nies fl-Indja, pożittivi għall-Covid-19, mixħuta mal-art għax fl-isptarijiet ma kienx hemm biżżejjed sodod.  

Irriżulta li dan il-varjant huwa aktar trasmissibbli minn varjanti oħra. Ma damx ma daħal fl-Ewropa u f’Malta wkoll u eventwalment sar il-varjant dominanti. Madanakollu konna għadna kemm ħadna l-vaċċin, l-immunità kienet għadha b’saħħitha u għalhekk, anke jekk il-każi bdew jiżdiedu, fl-isptarijiet ma bdewx jiżdiedu l-pazjenti. 

Iżda diversi pajjiżi reġgħu bdew jinkwetaw, anke għax kienu għadhom lura fit-tilqim ħdejn Malta. Pajjiżi oħra bdew jieħdu prekawzjoni. L-Iżrael, li kien l-ewwel li warrab il-maskri, anke fuq ġewwa, reġa’ introduċihom. 

L-aktar li nxtered malajr kien fir-Renju Unit. Il-każi żdiedu b’mod drastiku. Fil-fatt, il-varjant Delta kien ħa lill-Ingliżi għas-sitwazzjoni (f’termini ta’ numri) li kienu fiha f’Jannar li għadda, bid-differenza li r-rata tal-imwiet baqgħet baxxa, għax fit-tilqim kienu mxew. 

Minkejja dan, pajjiżi oħra ma ħadux riskju. Il-Ġermanja, li kienet fetħet il-fruntieri tagħha beraħ għal ħafna turisti mlaqqma, ħalliet lir-Renju Unit barra mil-lista. Malta bdiet taċċettaw wkoll turisti Ingliżi li jkollhom f’idhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin u ma bdietx taċċetta li dawn jidħlu b’sempliċiment PCR test.  

Lulju! L-istudenti tal-Ingliż jirranġawna għall-frisk 

'B'kollox kienu nstabu każi f'disa skejjel tal-Ingliż'
'B'kollox kienu nstabu każi f'disa skejjel tal-Ingliż'

Bħall-bqija tal-pajjiżi, Malta bdiet tesperjenza mill-ġdid żieda fil-każi ta’ Covid-19. Il-varjant Delta beda jinxtered u beda jsir dominanti. Iżda kienu l-istudenti tal-Ingliż li rranġawna għall-frisk. Ma ninsewx, ħafna minn dawn, il-maġġoranza tagħhom Taljani, kienu għadhom ma tlaqqmux meta ġew Malta. 

B’kollox kienu nstabu każi f’disa’ skejjel tal-Ingliż u kien hemm jiem fejn il-maġġoranza ta’ każi ġodda, kienu fost studenti tal-Ingliż. Sal-21 ta’ Lulju kien sar magħruf li kwart tal-każi attivi f’Malta, jew aħjar 500 każ, kienu studenti tal-Ingliż

Il-Ministeru għat-Turiżmu kien spiċċa fil-mira ta’ kritika qawwija minħabba l-iskema li permezz tagħha, studenti barranin li ġew Malta biex jistudja l-Ingliż, kienu qed jingħataw €300 f’vouchers biex jonfqu fil-ħwienet. 

Malta taċċetta biss turisti mlaqqma kompletament 

'Malta ma kinitx se taċċetta turisti li ma jkollhomx ċertifikat tal-vaċċin.'
'Malta ma kinitx se taċċetta turisti li ma jkollhomx ċertifikat tal-vaċċin.'

Hekk kif il-każi żdiedu u rriżulta li dawk li mhumiex imlaqqma kienu wara ż-żieda fil-każi, l-awtoritajiet tas-saħħa kienu ħabbru li mill-Erbgħa 14 ta’ Lulju, Malta ma kinitx se taċċetta turisti li ma jkollhomx ċertifikat tal-vaċċin. 

Malta kienet l-ewwel pajjiż li talbet biss ċertifikat tal-vaċċin u li ma aċċettatx li turisti jidħlu biss b’PCR test.  

Kienu għalqu wkoll l-iskejjel tal-Ingliż. 

Anke jekk il-każi kienu żdiedu sostanzjalment, dawn kienu l-uniku żewġ miżuri li ddaħħlu hekk kif is-sitwazzjoni f’Mater Dei, partikolarment fl-ITU baqgħet waħda tajba ħafna. Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, wara disa’ xhur, kienet tneħħiet ukoll il-maskra għal dawk il-persuni li huma mlaqqma kompletament.  

Kien ġie spjegat kif qabel wasal il-vaċċin, 20 minn kull 100 persuna bil-Covid-19 kien qed ikollhom bżonn kura fl-isptar. Bil-vaċċin, żewġ persuni minn kull 100 morda bil-virus, kien qed ikollhom bżonn kura fl-isptar. 

Malta jkollha sajf tajjeb iżda l-artisti jibdew joqomsu 

'Kienu qed jaraw il-ħajja tirritorna lura iżda huma ma setgħu jorganizzaw xejn.'
'Kienu qed jaraw il-ħajja tirritorna lura iżda huma ma setgħu jorganizzaw xejn.'

Eventwalment, il-każi bdew jonqsu u minn hemm u minn hawn, kellna sajf tajjeb. Anke jekk ħafna attivitajiet, bħall-festi ma sarux u l-istabbilimenti tad-divertiment kienu għadhom magħluqa, il-Maltin raw kif igawdu s-sajf. 

Xahar wara l-ieħor, hekk kif aktar pajjiżi bdew miexja fit-tilqim, it-turisti f’Malta bdew jiżdiedu u n-negozju beda jieħu ftit tar-ruħ. 

Kien għalhekk li l-artisti bdew joqomsu. Kienu qed jaraw il-ħajja tirritorna lura għan-normal iżda huma ma setgħu jorganizzaw xejn. Il-gazzetta ILLUM kienet fuq quddiem biex titkellem ma’ artisti u anke ma’ DJs lokali u internazzjonali dwar din is-sitwazzjoni. 

L-argument li kienu qed jagħmlu, partikolarment l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, kienet li meta żdiedu l-każi, ħadd ma seta jipponta subajgħ lejn din l-industrija, għax kienet wieqfa għal kollox. 

Huma kienu qed jitolbu għal pjan gradwali biex jibdew jiftħu ftit ftit.  

Il-kampanja Restart kienet ilha tipproponi ftuħ gradwali mill-14 ta’ Ġunju għall-attivitajiet ta’ divertiment. Kienu qed isemmu kontinwament dak li seħħ fir-Renju Unit. Minkejja li l-każi baqgħu għolja, f’Lulju, tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha, bl-ebda limitu fuq attivitajiet tal-massa. 

Kienu qed isemmu wkoll parties kbar li saru f’Liverpool bi prova. Kull min attenta ntalab jagħmel test għall-Covid-19 qabel u anke xi jiem wara. Minn 13,000 persuna li attendew, madwar 11 biss kienu rriżultaw pożittiv u dan minkejja li ma kienx hemm distanza soċjali u lanqas ilbies tal-maskri. 

Iżda Malta kellha tistenna ftit taż-żmien mhux ħażin. L-attivitajiet b’udjenza bilwieqfa bdew fis-7 ta’ Settembru anke jekk kien hemm ħafna protokolli li riedu u li suppost għadhom iridu jimxu magħhom. Fost dawn, l-udjenza trid tkun maqsuma fi gruppi ta’ 100.  

L-immunità tibda tonqos! Jasal żmien il-booster! 

'Malta fost l-ewwel pajjiżi li bdiet tamministra l-booster.'
'Malta fost l-ewwel pajjiżi li bdiet tamministra l-booster.'

Is-sajf għadda u l-awtoritajiet tas-saħħa bdew jindunaw li l-immunità biż-żewġ dożi tal-vaċċin bdiet tonqos, hekk kif reġgħu bdew jiżdiedu l-każi fid-djar tal-anzjani, li kienu minn tal-ewwel li ħadu t-tilqima f’Jannar u Frar. 

Għalhekk, Malta kienet fost l-ewwel pajjiżi li bdiet tamministra l-booster. Dan beda jingħata mis-6 ta’ Settembru. Mal-anzjani bdew jieħdu l-booster il-persuni vulnerabbli li minħabba l-kundizzjonijiet jew inkella l-kura li qed jirċievu, ma bnewx biżżejjed immunità b'saħħitha kontra l-virus. 

Wara dawn, il-booster beda jingħata lill-anzjani kollha li għandhom 'il fuq minn 70 sena. Sa dak iż-żmien, kien intqal li l-booster ma hemmx bżonn jingħata lill-bqija tal-popolazzjoni. 

Jibda jissemma l-imbierek Omicron! Jinfirex malajr 

'Jibda jissemma varjant ieħor, din id-darba kien imiss l-Omicron.'
'Jibda jissemma varjant ieħor, din id-darba kien imiss l-Omicron.'

Iżda hekk kif beda joqrob żmien il-festi, jibda jissemma varjant ieħor. Din id-darba kien imiss l-Omicron. Dan ġie identifikat għall-ewwel darba fl-Afrika ta’ Isfel u r-risposta ta’ Malta kienet immedjata. Għalqet minnufih l-ivjaġġar lejn l-Afrika ta’ Isfel u pajjiżi oħra fil-viċin. 

Sadanittant, Malta fetħet it-tilqim bil-booster għall-bqija tal-popolazzjoni u mnalla anke għax l-effettività taż-żewġ dożi, quddiem dan il-varjant, jidher li tonqos ftit mhux ħażin. Komplew jitlaqqmu l-anzjani, il-fronliners, l-għalliema u anke l-forzi tal-ordni. Sal-lum, il-booster qed jingħata lil dawk li għandhom aktar minn 35 sena. 

Minkejja dan, l-Omicron ġera aktar minn sajjetta u f’kemm ilni ngħidlek għamel ħerba sħiħa mill-Ewropa, partikolarment fir-Renju Unit. 

Il-każi jiżdiedu fl-Ewropa kollha u mhux minħabba l-Omicron biss 

'Omicron beda jinstab fl-Ewropa ... Delta reġa' beda jgħolli rasu.'
'Omicron beda jinstab fl-Ewropa ... Delta reġa' beda jgħolli rasu.'

Malli wasal Novembru, il-każi bdew jiżdiedu madwar l-Ewropa kollha. Anke jekk l-Omicron beda jinstab f’pajjiż wara l-ieħor, ma kienx hu waħdu r-raġuni wara din iż-żieda.  

Il-varjant Delta reġa’ beda jgħolli rasu anke għax kien hemm pajjiżi li baqgħu lura fit-tilqim u anke għax l-immunità, fost dawk li kienu ilhom li tlaqqmu, bdiet tonqos. 

Wara sajf tajjeb, meta kulħadd kien qed jaħseb li l-pandemija issa hija xi ħaġa tal-passat, pajjiżi kellhom jerġgħu jibdew idaħħlu r-restrizzjonijiet u saħanistra jmorru lura mill-wiegħda tagħhom u jerġgħu jimponu lockdowns nazzjonali fi żmien il-Milied. 

Hekk kif ħafna minn dawn il-pajjiżi kienu dawk li baqgħu lura ħafna fit-tilqim, bdiet id-diskussjoni dwar jekk it-tilqim għandux isir obbligatorju. L-Awstrija kienet l-ewwel li għamlet dan u jidher li l-Ġermanja se tkun qed issegwiha. 

Tal-festi jipprotestaw u l-każi f’Malta jisplodu. Mill-ġdid bil-maskra 

'kienu qed jistennew li l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla kienet se sservi ta' prova.'
'kienu qed jistennew li l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta' Bormla kienet se sservi ta' prova.'

Hekk kif Malta issa laqqmet 95% tal-popolazzjoni tagħha u miexja ġmielha bil-booster, kulħadd kien qed jistenna li jkomplu jonqsu r-restrizzjonijiet. L-uniku attivitajiet li għadhom mhux qed isiru huma l-festi. 

Id-dilettanti bdew isemmgħu leħinhom u kienu qed jistennew li l-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla kienet se sservi ta’ prova. Iżda għalxejn. Dawn id-dilettanti ngħataw biss purċissjonjiet ridotti bil-Bambin. 

Minkejja r-rata ta’ tilqim u anke l-booster, il-każi f’Malta splodew, anke jekk is-sitwazzjoni f’Mater Dei baqgħet stabbli. Il-maskri jerġgħu jsiru obbligatorji u hekk se ntemmu s-sena kif bdejniha. 

Minjaf x’inhu ġej għalina fis-sena l-ġdida? Se neħilsu mill-pandemija? 

More in Politika