Il-vaċċin AstraZeneca issa se jibda' jingħata lil dawk taħt is-70 sena wkoll

Se jibdew jintbagħtu l-ittri lil dawk li huma minn 60 sena 'l fuq biex jingħataw il-vaċċin

Il-vaċċin tal-Astra Zeneca
Il-vaċċin tal-Astra Zeneca

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret illi wara evidenza xjentifika li saret u fuq il-bażi ta' din l-istess evidenza, il-vaċċin AstraZeneca se jibda issa jingħata wkoll lil dawk il-persuni ta' taħt is-70 sena, b'dawk allura ta' bejn 60 u 70  sena jibdew jirċievu l-appuntamenti.  Gauci fakkret li dan huwa grupp "kbir ħafna" ta' nies u allura l-appuntamenti se jintbagħtu ftit, ftit.

Gauci spjegat illi l-appuntamenti se jingħataw skont il-post minn fejn qed isir it-tilqim. 

Sal-lum ingħataw kważi 90,000 doża tal-vaċċin fil-pajjiż bi ftit aktar minn 31,000 persuna jieħdu t-tieni doża wkoll u allura jkunu aktar preparati kontra l-virus.  

"Bħalissa għaddejjin tajjeb bil-programm ta' vaċċinazzjoni u qed nistennew li jkollna wkoll il-vaċċin ta' Johnson&Johnson - imma sadanittant għandna l-varjant li qed jinxtered sew," fakkret Gauci. 

Hija fakkret ukoll illi fid-dawl tal-imxija tal-Covid-19 wieħed għandu jibqa' jaħsel idejh, jilbes il-maskra u jżomm kemm jista' jkun mal-clutser tiegħu.  Dan minkejja li Gauci qalet  illi skont ir-regoli li issa tħabbru persuni li jiltaqgħu ġewwa jistgħu jkunu biss ġejjin minn erba' familji differenti. 

Fakkret kif it-trażmissjoni baqgħet l-akbar fost ir-residenzi u wara fost laqgħat soċjali, li jinkludu ħruġ fi stabbilimenti u ristoranti.  "Peress li l-varjant jittieħed aktar aħna qed nippruvaw nikkontrollaw kemm jista' jinfirex bil-miżuri," qalet is-Supretendent.  

Ilbieraħ il-Gvern ħabbar numru ta' miżuri u restrizzjonijiet hekk kif il-każi tal-virus laħqu numri rekord

More in Politika