Rekord assolut ta' każi: 362 każ ġdid u erbat imwiet fl-aħħar 24 siegħa

Sa issa ngħataw 86,854 doża u 30,329 ingħataw it-tieni doża

Malta esperjenzat rekord assolut ta' każi fl-aħħar 24 siegħa b'362 każ ġdid.  Dan wara li aktar kmieni din il-ġimgħa tħabbru 336 każ, li kien rekord ukoll.  Dan ifisser li l-każi attivi issa qabżu t-3,000 - preċiżament 3,128 każ attiv.  Dawn irriżultaw minn 4,146 swab test. 

Intant fl-aħħar 24 siegħa tilfu ħajjithom erba' persuni li kienu pożittivi għall-Covid-19, għal total ta' 325.  Il-vittmi huma żewġ nisa ta' 68 u 76 sena u żewġ irġiel ta' 75 u 64 sena. 

Intant fl-istess perjodu ta' ħin fiequ 230 persuna. 

Sa issa ngħataw 86,854 doża u 30,329 persuna ingħataw it-tieni doża. 

Iktar kmieni illum il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar numru ta' miżuri u restrizzjonijiet fid-dawl ta' dawn iż-żidiet li issa ilhom jiġu reġistrati għal dawn l-aħħar ġimagħtejn.  Fost il-miżuri hemm l-għeluq ta' ristoranti, kiosks, kafetteriji u snack bars filwaqt li se jitwaqqfu l-viżti kollha fl-Isptar.

Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jitlob li ssir inkjesta indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' irregolaritajiet fl-għoti tal-vaċċin.  

 

More in Politika