L-ewwel żewġ każi ta' Omicron f'Malta hekk kif in-numri jkomplu telgħin

Id-Deputat PM Chris Fearne jħabbar kif 90% ta' dawk ta' aktar minn 70 sena huma mlaqqmin bil-booster, 80% ta' dawk bejn 60 u 69 sena huma mlaqqmin

Waqt Konferenza tal-Aħbarijiet dalgħodu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar illi hawn l-ewwel żewġ każijiet tal-Omicron f'pajjiżna, b'Fearne jgħid illi dan jirrifletti l-ewwel każi ftit ġranet ilu - sakemm fil-fatt saru t-testijiet u rriżulta li huma każi Omicron. 

Fearne qal li allura huwa ċar li parti sostanzjali miż-żieda fil-każi tal-Covid-19 fl-aħħar jiem huwa riżultat tal-Omicron, b'żieda oħra llum fil-każi ġodda - anke jekk il-każijiet fl-Isptar jibqgħu relattivament baxxi meta kkumparati mal-każi attivi, bi tliet każi biss fl-ITU. 

Huwa qal li l-Gvern iżda se jżomm kawtela għax fakkar li ħafna drabi jkun hemm tliet ġimgħat bejn iż-żieda fil-każijiet u ż-żieda fil-każi fl-Isptarijiet. 

Id-Deputat PM fakkar li dan il-varjant jinxtered malajr aktar, imma sa issa ma jirriżultax li huwa aktar qawwi minn varjanti oħrajn filwaqt li d-dożi booster qed jaħdmu kontra dan il-varjant partikolari, li jaf l-oriġini tiegħu fl-Afrika ta' Isfel. 

Fearne kompla jgħid li dan il-varjant mistenni jsir dak dominanti, kif fil-fatt huwa f'ħafna pajjiżi madwarna. "Kellna dożi aktar milli kellna bżonn u allura pajjiżna huwa preparat u lest biex inlaqqmu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu. Diġà għandna 182,000 persuna li ħadu l-Booster - li bdejna nagħtu b'antiċipazzjoni għal dak li qed jiġri issa," qal Fearne.

Huwa żvela kif 90% ta' dawk ta' aktar minn 70 sena huma mlaqqmin bil-booster, 80% ta' dawk bejn 60 u 69 sena huma mlaqqmin, 55% ta' dawk bejn 50 u 59 sena ħadu t-tielet tilqima wkoll. Huwa jgħid li dan juri illi l-aktar persuni vulbnerabbli ġadu dan il-booster. 

Intant illum ukoll Chris Fearne ħabbar numru ta' restrizzjonijiet, fosthom li mis-17 ta' Jannar biex tkun tista' tidħol f'diversi postijiet irid bilfors ikollok ċertifikat validu tal-Vaċċin. Ħabbar ukoll li sa issa l-pjan huwa li l-iskejjel jiftħu b'mod normali wara l-vaganzi tal-Milied. 

Intant l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta ħabbret li qed tikkanċella l-attivitajiet tagħha għall-Ewwel tas-sena. 

More in Politika