Ċertifikat tal-vaċċin validu biex tidħol f'barijiet, ristoranti, każini u aktar mis-17 ta' Jannar

L-istabbilimenti kollha jridu jgħalqu fis-1:00a.m - Il-miżuri jibqgħu fis-seħħ sas-17 ta' Jannar

Biex tmur ristorant irid ikollok ċertifikat validu mis-17 ta' Jannar
Biex tmur ristorant irid ikollok ċertifikat validu mis-17 ta' Jannar

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne illum ħabbar sett ta' restrizzjonijiet ġodda hekk kif il-pajjiż - bħall-Ewropa kollha madwarna - qed jesperjenza żieda fil-każi tal-Covid-19 minħabba l-Omicron. Fil-fatt l-istess Fearne ħabbar illum ukoll illi ġew reġistrati l-ewwel żewġ każi tal-varjant Omicron. 

Intant huwa ħabbar li mis-17 ta' Jannar biex persuna tkun tista' tidħol f'postijiet bħal barijiet, snack bars, każini, ristoranti, ċinemas u teatri fost oħrajn - li se jibqgħu miftuħin għall-pubbliku - bilfors trid turi ċertifikat tal-vaċċin validu. Huwa spjega li ċertifikat idum validu sa tliet xhur wara t-tieni doża u sa disa' xhur wara d-doża booster. 

Huwa ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej l-avvenimenti kollha li qed isiru jridu jkunu ta' persuni bilqiegħda, skont il-protokolli u allura attivitajiet bilwieqfa ma jistgħux jiġu organizzati sas-17 ta' Jannar 2022, meta allura jidħol fis-seħħ l-obbligu taċ-ċertifikat validu li għandna kemm semmejna. Avvenimenti li huma ppjanti li jsiru bilwieqfa, bilfors jridu jsiru avvenimenti bilqiegħda, bit-tiġijiet u funerali jistgħu jibqgħu jsiru dejjem fl-osservanza tal-protokolli preżenti. 

Intant il-Gvern mhuwiex qed jippjana li jagħlaq l-iskejjel u għalhekk sa issa, l-istudenti mistennijin jerġgħu lura fuq il-bankijiet tal-iskola wara l-vaganzi tal-Milied. 

Fearne ħabbar ukoll li minn nhar it-Tnejn li ġej sas-17 ta' Jannar l-istabbilimenti jridu jgħalqu l-bibien fis-1:00 a.m.

 

More in Politika