Ġirja bejn it-tilqim u l-varjant Delta ... Jinxtered aktar malajr iżda l-vaċċin jista’ jasal qablu!

X’inhu l-varjant Delta? Kemm hu aktar trasmissibbli? Kif jista’ jkun evitat? Min hu l-aktar f’riskju? Il-vaċċin jaħdem kontrih? X’qed jiġri f’pajjiżi oħra?

 

L-ewwel tar-Renju Unit, imbagħad l-Afrikan u issa qed jerfa’ rasu, partikolarment fl-Ewropa, il-varjant Indjan, jew aħjar il-varjant Delta kif qed jissejjaħ biex ma nitfgħux dell ikrah fuq pajjiżi. Malli l-każi jibdew jonqsu u nibdew nieħdu r-ruħ, iqum xi varjant u malajr kulħadd jaqbad jippanikja. Imma dan il-varjant Delta huwa inkwetanti? Għandna għaliex nippanikjaw? Se nerġgħu mmorru lura? Qed jinfirex u kif?

Nibdew inwieġbu l-mistoqsijiet ftit ftit. Jidher li qed jinxtered mhux ħażin. Fil-fatt, skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, minn meta ġie indentifikat l-ewwel darba fl-Indja, illum dan il-varjant inxtered f’minn tal-inqas 85 pajjiż (x’aktarx aktar). 

Fost il-pajjiżi li l-aktar qed jinfirex fih, hemm ir-Renju Unit. Sa nofs Ġunju, 99% tal-każi l-ġodda fir-Renju Unit kienu kkawżati minħabba dan il-varjant. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, qed ibassar li sal-aħħar ta’ Awwissu, dan il-varjant se jkun responsabbli għal 90% tal-każi fl-Ewropa.

Fil-fatt, epidemjoloġisti qed ibassru wkoll li dan il-varjant jaf iwassal għat-tielet mewġa ta’ infezzjonijiet u għalhekk qed issir enfasi kbira fuq il-programm tat-tilqim, li lilhinn minn Malta, għadu lura minn dawk mixtieq.

Huwa aktar trasmissibbli

Jekk hemm xi ħaġa ċerta dwar dan il-varjant hija li huwa aktar trasmissibbli minn varjanti oħra. Dan ġie kkonfermat ukoll mill-Kap Eżekuttiv tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, Tedros Adhanom Ghebreyesus.

L-ewwel u qabel kollox tajjeb li wieħed jifhem li kwalunkwe virus (mhux il-Covid-19 biss) jinbidel kontinwament b’dak il-proċess naturali li jissejjaħ mutazzjoni, fejn ikollok bidla fl-istruttura tal-ġene.

Xi drabi dawn il-varjanti ta’ virus jisparixxu waħedhom iżda oħrajn jippersistu u jsiru dominanti. Għalhekk ma kinitx sorpriża li anke l-Covid-19 jiżviluppa dawn il-varjanti.

Il-varjanti kollha, esperjenzaw bidliet f’dik li tissejjaħ ‘spike protein’ jiġifieri dik ix-xewka li jkun hemm fil-virus u li ‘taqbad’ maċ-ċelloli umani

Fil-każ tal-varjant Delta ġew innotati diversi mutazzjonijiet, fosthom waħda li tissejjaħ L452R u li tgħin biex il-virus jinfetta aktar malajr iċ-ċelloli umani. 

Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-varjant Delta huwa trasmissibbli bejn 40% u 60% aktar mill-varjant li kien instab l-ewwel darba fir-Renju Unit. 

“Skont l-evidenza xjentifika, il-varjant Delta huwa trasmissibbli aktar mill-varjanti l-oħra li hawn fiċ-ċirkolazzjoni bħalissa,” qalet Andrea Ammon, Direttur Ġenerali tal-ECDC.

Il-vaċċin jipproteġina?

Biex inwieġbu din il-mistoqsija, il-gazzetta ILLUM se tkompli tikkwota lill-ECDC li spjega kif l-ewwel studji juru li persuni li jkunu ħadu biss doża waħda tal-vaċċin huma ħafna aktar f’riskju minn dawk li jkunu ħadu ż-żewġ dożi.

Fil-fatt, l-ECDC qiegħed ibassar li dan il-varjant se jkun qed jinfirex ħafna matul is-sajf, speċjalment fost adoloxxenti u ż-żgħażagħ li jkunu għadhom ma ħadux it-tilqima kompluta.

Propju għalhekk li din il-ġimgħa, fil-Parlament, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne appella biex kull min għadu ma resaqx għall-vaċċin, jagħmel dan mill-aktar fis possibbli.

Apparti minn hekk, fil-ġranet li għaddew, issa li l-eżamijiet spiċċaw, il-programm tat-tilqim infetaħ ukoll għal dawk li għandhom bejn tnax u sittax-il sena.

L-aħbar it-tajba hija li sa issa, kollox jindika, li t-tilqima kompluta toffri protezzjoni qawwija anke kontra dan il-varjant u l-konsegwenzi li jista’ jġib miegħu.

Fil-fatt, minn studji li saru fl-Istati Uniti, jirriżulta li f’dawk l-istati fejn it-tilqim għadu lura, il-varjant Delta huwa aktar preżenti minn dawk l-istati fejn il-maġġoranza tal-popolazzjoni hija mlaqqma.

Imma jekk f’Malta l-progamm tat-tilqim mexa ġmielu, ma jfissirx li l-istess jista’ jingħad għall-pajjiżi Ewropej. Fil-fatt, 30% tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea li għandha aktar minn 80 sena għadha mhijiex imlaqqma kompletament u lanqas 40% ta’ dak li għandhom ‘il fuq minn 60 sena.

Fil-fatt, l-ECDC qed tappella biex il-pajjiżi jħaffu kemm jista’ jkun il-proċess tat-tilqim. Appellaw ukoll li bħalissa huwa kruċjali li bejn l-ewwel u t-tieni doża jinżamm l-interval minimu li huwa awtorizzat. 

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Ministru Chris Fearne saħaq li Malta qed tħares lejn il-mira li tlaqqam 85% tal-popolazzjoni tagħha biex issaħħaħ l-immunità tal-massa aktar, partikolarment minħabba dan il-varjant.

L-aħħar figuri juru kif aktar minn 82% tal-adulti Maltin ħadu mqar doża waħda tal-vaċċin, filwaqt li aktar minn 73% huma mlaqqma kompletament.

Madanakollu, wieħed jeħtieġ iżomm f’moħħu wkoll li l-ebda vaċċin ma hu 100% effettiv u għalhekk, persuni li jkunu tlaqqmu kompletament, xorta waħda għandhom ċans (anke jekk żgħir) li jimirdu bil-virus.

Minkejja dan, il-fatt li persuna tkun imlaqqma, jgħinha biex jekk tieħu l-virus, ma tiżviluppax sintomi severi u kapaċi tfieq aktar malajr.

Imma dan il-varjant huwa aktar perikoluż?

Sa issa ma hemm l-ebda evidenza xjentifika li turi li l-varjant Delta huwa aktar perikoluż mill-Covid-19 ‘normali’ jew inkella l-varjanti l-oħra.

Madanakollu, jibqa’ l-fatt li aktar ma jinxtered, aktar hemm ċans li jkun hemm nies li jimirdu serjament, oħrajn li jkollhom bżonn kura fl-isptar u oħrajn li jitilfu ħajjithom.

Kif spjegat aktar qabel, il-varjant Delta huwa ħafna aktar trasmissibbli mill-varjanti l-oħra u għalhekk dan ir-riskju jiżdied, b’mod partikolari għal dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima jew inkella għadhom mhux imlaqqma kompletament.

Studju li sar fost aktar minn ħames miljun persuna fl-Iskozja sab ukoll li l-varjant Delta jista’ jikkawża aktar infezzjoni severa u għalhekk jiżdied iċ-ċans li persuna jkollha bżonn kura fl-isptar. 

Madanakollu, mill-evidenza li teżisti sa issa, ma jidhirx li dan qed jikkawża aktar imwiet mill-varjanti l-oħra. Ovvjament, it-tilqim jista’ jkun li qed jilgħab parti importanti.

Fil-fatt, anke jekk fir-Renju Unit, il-każi żdiedu drastikament fl-aħħar jiem, għal-livelli ta’ Jannar li għadda, ir-rata tal-imwiet bħalissa hija ħafna aktar baxxa minn dik f’Jannar.

L-aktar miżuri bażiċi jipprevenu t-trasmissjoni anke tal-varjant Delta

Anke jekk huwa aktar trasmissibbli, il-varjant Delta jittieħed u jinxtered l-istess bħall-varjanti l-oħra u anke bħall-Covid-19 li kważi sentejn ilu beda jagħmel ħerba kullimkien.

Dan ifisser li l-miżuri l-aktar bażiċi ta’ mitigazzjoni, li drajna bihom u saru parti mir-rutina ta’ kuljum, huma importanti wkoll għall-prevenzjoni.

Għalhekk huwa importanti li jintlibsu l-maskri fejn indikat, li tinżamm id-distanza soċjali u li jkun hemm ventilazzjoni tajba, partikolarment fi kmamar, bħalma huma l-uffiċini.

Li wieħed jaħsel idejh ta’ spiss u anke jżomm l-uċuh tal-affarijiet nodfa huwa daqstant ieħor importanti. 

X'qed jiġri?

Kif spjegat, il-varjant Delta nxtered f’madwar 85 pajjiż, inkluż f’Malta hekk kif din il-ġimgħa tħabbar li nstab it-tieni każ ta’ dan il-varjant u li ma jidhirx li kien wieħed importat.

L-ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn dak li qed jiġri f’għadd ta’ pajjiżi minħabba dan il-varjant.

L-Iżrael ikollu jerġa’ jintroduċi l-maskri

Il-varjant Delta huwa responsabbli għal aktar minn 70% tal-każi l-ġodda fl-Iżrael u dan wassal biex il-pajjiż jerġa’ jagħmel mandatorju l-ilbies tal-maskri fuq ġewwa.

Fl-aħħar ġimgħat, hekk kif l-Iżrael laħaq l-immunità tal-massa u laqqam parti kbira mill-popolazzjoni, kien neħħa l-ilbies tal-maskri mhux biss fuq barra iżda anke fuq ġewwa. 

Madanakollu, wara li għal diversi jiem konsekuttivi kienu rreġistrati aktar minn 100 każ kuljum, l-awtoritajiet tas-saħħa ma kellhomx għażla oħra ħlief li jmorru pass lura u jerġgħu jintroduċu l-ilbies tal-maskri fuq ġewwa.

Minkejja din iż-żieda fil-każi, la l-imwet u lanqas l-għadd ta’ pazjenti fl-isptar mhu qed jiżdiedu bir-rata li kienu qed jiżdiedu normalment, kull meta kien hemm żieda fil-każi.

Bħalissa l-Iżrael qed iħaffef il-proċess biex malajr kemm jista’ jkun ilaqqam lil dawk li huma iżgħar fl-età, hekk kif it-tbassir huwa li l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ se jkunu aktar f’riskju minn persuni oħra minħabba li se jkunu għadhom mhux ma tlaqqmux kompletament.

Fir-Renju Unit il-każi jiżdiedu iżda l-imwiet jibqgħu baxxi

Fir-Renju Unit il-varjant Delta wassal għal żieda drastika fl-għadd ta’ każi ġodda. Fil-fatt, kien hemm jiem fejn instabu aktar minn 26,000 każ ta’ Covid-19.

Dan reġa’ ħa lill-Ingliżi għas-sitwazzjoni (f’termini ta’ numri) li kienu fiha f’Jannar li għadda, bid-differenza li r-rata tal-imwiet baqgħet ħafna inqas minn dik ta’ sitt xhur ilu. 

Fil-fatt, jekk f’ġurnata, din il-ġimgħa, mietu 14-il persuna, f’Jannar, meta kienu qed jinstabu l-istess ammont ta’ każi, ġieli kienu rreġistrati ‘l fuq minn 1,200 mewta.

Anke jekk l-ammont ta’ persuni li qed ikollhom bżonn kura fl-isptar ukoll qed jiżdied ftit ftit, dan għadu baxx ħafna meta kkumparat ma’ Jannar li għadda.

Il-varjant Delta huwa responsabbli għal 99% tal-każi l-ġodda fir-Renju Unit. Dan wassal biex ir-rilaxx tal-aħħar restrizzjonijiet, li kien ippjanat għall-21 ta’ Ġunju, kellu jiġi pospost għad-19 ta’ Lulju.

Ir-Renju Unit laqqam kważi żewġ terzi tal-adulti tiegħu iżda xorta waħda hemm il-biża’ li beda dieħel fit-tielet mewġa.

Ħafna pajjiżi qed iħarsu wkoll lejn ir-Renju Unit biex ikollhom indikazzjoni ta’ dak li jista’ jiġri. Fil-fatt, dawk li qed ikollhom bżonn jidħlu l-isptar jew inkella li qed iwasslu għat-tixrid tal-varjant, ġeneralment qed ikunu żgħażagħ jew adoloxxenti, hekk kif dawn jew għadhom ma ħadux it-tilqima jew għadhom mhux imlaqqma kompletament. 

Diversi pajjiżi mhux qed jieħdu riskju u qed jimponu wkoll regoli stretti fuq it-turisti Ingliżi. Pereżempju l-Ġermanja, li fetħet il-fruntieri tagħha beraħ għal ħafna turisti mlaqqma, ħalliet lir-Renju Unit barra mil-lista. Malta, qed taċċetta biss lil dawk it-turisti Ingliżi li jkollhom f’idhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin. Fil-każ tal-Ingliżi, Malta mhux taċċetta PCR test. 

Anke fl-Italja qed isir dominanti

Anke fl-Italja, wieħed mill-aktar swieq importanti għat-turiżmu f’Malta, il-varjant Delta qed jinxtered u bħalissa huwa responsabbli għal 17% tal-każi l-ġodda u dan meta sa xahar ilu kien responsabbli għal 4.2% tal-każi.

L-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa qal li kollox jindika li dan il-varjant qed isir id-dominanti. S’issa, il-varjant li ġie rreġistrat għall-ewwel darba fir-Renju Unit għadu dak dominanti u huwa responsabbli minn 74.9% tal-każi.

Minkejja dan, sa issa, il-każi tal-Covid-19 fil-pajjiż jidher li għadhom qed jonqsu u l-istess l-imwiet. 

It-tilqim fl-Italja għadu xi ftit jew wisq lura. Sa issa, ftit aktar minn 31% tal-popolazzjoni hija mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19. 

Il-Ġreċja għadha lura fit-tilqim u l-esperti qed iwissu

L-esperti tas-saħħa fil-Greċja qed iwissu li r-rata tat-tilqim fil-pajjiż mhijiex suffiċenti biex tiġġieled biżżejjed it-tixrid tal-varjant Delta.

Fil-fatt, skont l-informazzjon fuq Our World Data, ftit aktar minn 36% tal-Griegi huma mlaqqma kompletament kontra l-Covid-19 u dan minkejja li l-pajjiż huwa kompletament miftuħ għat-turisti.

L-esperti qed iwissu li hekk kif dan il-varjant huwa aktar trasmissibbli, iċ-ċans huwa li sa Awwissu dan isir dominanti u jkun responsabbli għall-maġġoranza tal-każi.

Fil-Greċja, sa issa nstabu 11-il każ biss ta’ dan il-varjant, iżda l-esperti qed jappellaw biex jitħaffef il-programm tat-tilqim, qabel ikun tard wisq. 

Il-Franċiżi u l-Ġermaniżi mħassba wkoll

Fi Franza wkoll qed jikber it-tħassib wara li l-varjant Delta kkawża mal-20% tal-każijiet ġodda fl-aħħar jiem. Sa ftit jiem qabel, il-varjant kien responsabbli ta’ 10% tal-każi. 

Anke jekk il-każijiet fi Franza qed jonqsu, b’mod partikolari meta wieħed jikkumparahom ma’ dawk tal-aħħar xhur u ġimgħat, il-Ministru Franċiż għas-Saħħa, Olivier Veran, ikkonferma li l-każi ġodda, kawża tal-varjant Delta, qed jiżdiedu. 

Imħassba wkoll il-Ġermaniżi, hekk kif il-President tal-Aġenzija għas-Saħħa Pubblika (Robert Koch Institute), Lothar Wieler, spjega kif bejn l-14 u l-20 ta’ Ġunju, il-varjant Delta kien kaġun ta’ 36% tal-każi l-ġodda fil-Ġermanja. Fil-ġimgħa ta’ qabel, il-varjant Delta kien responsabbli ta’ 15% tal-każi.

Fil-fatt, anke l-esperti Ġermaniżi qed ibassru li sa nofs is-sajf, dan il-varjant se jkun dominanti. 

More in Politika