'Ilbieraħ tajna tilqima kull 12-il sekonda'; Rekord ta' aktar minn 7,000 doża f'24 siegħa

Ilbieraħ instabu disa' każi biss ta' Covid-19

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li fl-aħħar 24 siegħa nstabu disa' każi biss ta' Covid-19.

Apparti minn hekk, Fearne ħabbar li l-każi attivi komplew jonqsu biss issa f'Malta hawn 260 każ attiv, figuri li l-aħħar li rajna bħalhom kien f'Awwissu.

Qal li komplew jinżlu wkoll il-pazjenti fl-isptariijet. F'Mater Dei hemm 23 pazjent u fl-ITU hemm tliet persuni li huma morda bil-virus u żewġ persuni li fiequ mill-virus imma li għadhom qed jingħataw il-kura.

Ir-rata ta' pożittività f'Malta hija ta' 1.2% u dan meta hemm pajjiżi Ewropej oħra li din qed tlaħħaq l-20%.

Rekord ta' aktar minn 7,000 tilqima f'ġurnata

Fearne tkellem ukoll dwar il-programm tat-tilqim, hekk kif ilbieraħ ingħataw rekord ta' 7,008 tilqima.

Dan ifisser, kompla jispjega Fearne, illi li kieku wieħed iqassam dawn fuq 24 siegħa, lbieraħ ingħatat tilqima kull 12-il sekonda.

Fil-fatt, 5,595 persuna lbieraħ ħadu l-ewwel doża tal-vaċċin.

"Hija xi ħaġa spettakolari," insista l-Ministru għas-Saħħa.

Dwar il-grupp ta' bejn 30 u 39 sena, li bdew japplikaw għall-vaċċin minn jumejn ilu, Fearne qal li diġà rreġistraw jew tlaqqmu 47,700 persuna, jiġifieri 51% ta' dan il-grupp.

Kważi 60% ta' dawk li għandhom bejn 40 u 49 sena diġà ħadu t-tilqima filwaqt li tlaqqmu wkoll aktar minn 70% ta' dawk li għandhom bjen 50 u 59 sena.

Tlaqqmu wkoll 95% ta' dawk li għandhom aktar minn 60 sena.

"Huma rati li huma l-ogħla fl-Ewropa," qal Fearne. 

Tilqim ta' adoloxxenti li għandhom bejn 12 u 16-il sena

Qal ukoll kif mil-lum bdiet tingħata t-tilqima tal-Johnson & Johnson. Fil-fatt, f'Malta hawn 10,000 doża ta' dan il-vaċċin.

Dwar it-tilqim ta' adoloxxenti li għandhom bejn 12 u 16-il sena, Fearne qal li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina. 

"Għandna sitwazzjoni fejn għandna biżżejjed vaċċin biex minnufih nibdew inlaqqmu lil dan il-grupp malli jkollna l-approvazzjoni," insista Fearne.

X'jiġri f'każ li jkun hemm bżonn booster?

Fearne tkellem ukoll dwar il-possibbilità li fix-xhur li ġejjin ikun hemm bżonn booster tal-vaċċin, anke jekk sa issa ma hemm xejn ċert dwar dan.

Qal li għaddejin il-preparamenti biex jekk dan ikun il-każ, Malta jkollha biżżejjed dożi għal dan.

Aqra wkoll:

More in Politika