Għaddejin diskussjonijiet dwar jekk iċ-ċertifikat tal-vaċċin ikunx jista' jintuża għal attivitajiet tal-massa

Fearne saħaq li l-attivitajiet tal-massa mhux se jsiru fil-bidu tas-sajf u għad ma hemm l-ebda data tentattiva għal meta dawn ikunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru

Id-Deputat Prim MInistru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearna qal li għaddejin diskussjonijiet interni biex jiġi deċiż jekk iċ-ċertifikat tal-vaċċin ikunx jista' jintuża għal dawk l-attivitajiet li jġibu flimkien ħafna nies.

Dwar dan il-gazzetta ILLUM ilha ħafna tirrapporta u tkellmet ma' diversi stakeholders, minn oqsma differenti, b'ħafna minnhom jaqblu li ċ-ċertifikat tal-vaċċin ikun jista' jintuża b'mod domestiku.

"Mhux fil-ġimgħat li semmejt imma fil-ġimgħat ta' wara jista' jkun li naslu f'punt fejn niftħu għal attivitajiet li jġibu flimkien numru akbar ta' nies. Hemmhekk jista' jkun li nkunu qed nesiġu li għal dawn l-attivitajiet imorru biss nies li jkunu ħadu t-tilqima," saħaq Fearne.

Qal kif fost oħrajn dan ikun jista' jintuża għal attivijiet sportivi, biex partitarji jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jattendu.

"Dawn l-attivitajiet tal-massa mhux se jsiru fil-bidu tas-sajf u għad ma għandnix id-data ta' meta se jiġru għax għad irridu nistennew u naraw kif se tiżviluppa l-pandemija f'pajjiżna u dak li jkun qed jiġri fil-pajjiżi ta' madwarna," insista Fearne. "Attività tal-massa waħda, li fiha jinxtered il-virus, tista' titfana lura ġimgħat u xhur."

Fil-fatt, il-Ministru fl-ebda ħin ma semma meta se jkunu qed jerġgħu jiftħu n-nightclubs.

Aqra aktar:

More in Politika