Diversi favur l-introduzzjoni ta’ ċertifikat diġitali tal-vaċċin għall-użu domestiku; L-ILLUM titkellem ma’ sidien, operaturi, sportivi u artisti

Għandna nikkunsidraw l-użu ta’ ċertifikat tal-vaċċin biex attivitajiet jew stabbilimenti magħluqa jkunu jistgħu jergħu jiftħu l-bibien tagħhom? X’jaħsbu nies minn setturi differenti? X’qed jagħmlu pajjiżi oħra? 

Aktar ma joqrob is-sajf u aktar mal-każi jinżammu taħt kontroll, aktar qed tikber id-diskussjoni u jinħass ukoll il-bżonn li ftit ftit il-ħajja terġa’ tibda tersaq lejn in-normalità, aktar u aktar issa li l-pajjiż qed iħares lejn l-1 ta’ Ġunju bħala l-ġurnata li fiha jerġa’ jagħti spinta lit-turiżmu. 

Propju għalhekk li qed tqum id-diskussjoni dwar jekk il-pajjiż għandux jintroduċi l-użu ta’ ‘green pass’ jew ċertifikat tal-vaċċin biex ikun jista’ jintuża mhux biss għas-safar, iżda anke lokalment, pereżempju biex persuna tidħol f’nightclub jew inkella tattendi attivitajiet li bħalissa huma nieqsa għal kollox.

F’pajjiżi oħra wkoll għaddejja din id-diskussjoni u saħansitra hemm pajjiżi li bdew jużaw dan il-prinċipju li ftit tal-ġimgħat ilu, fuq din l-istess gazzetta, tkellem dwaru Howard Keith Debono, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, l-industrija li qalgħet daqqa ta’ ħarta tajba bil-pandemija.

Iżda f’Malta x’se jsir? X’jaħsbu persuni minn setturi varji dwar dan? Jaħsbu li dan jista’ jkun parti mis-soluzzjoni? L-ILLUM tistaqsi...

Abigail Mamo
Abigail Mamo

‘Ilna nipproponuha mis-sena li għaddiet ... hemm pajjiżi li qed japplikawha’

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Mamo, saħqet li l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji ilha mis-sena li għaddiet tipproponi l-użu ta’ ċertifikat jew passaport tal-vaċċini għall-użu domestiku. 

Fakkret li pajjiżi kienu wkoll qed jitkellmu fuq dan u llum hemm pajjiżi li qed japplikawha, kemm b’mod definittiv u anke bħala prova. 

“Xi drabi aħna aktar insegwu dak li jkunu għamlu pajjiżi oħra,” insistiet Mamo. Madanakollu kkonfermat li l-awtoritajiet, fost affarijiet oħra, issa jidher li qed jikkunsidraw din il-proposta.

Insistiet li l-użu ta’ dan iċ-ċertifikat jista’ jintuża f’ħafna oqsma inkluż f’każ ta’ okkażjonijiet bħalma huma t-tiġijiet li bħalissa huma wieqfa għal kollox.

Fil-fatt, Mamo fakkret li l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, fost oħrajn, tirrappreżenta wkoll żewġ setturi li bħalissa huma wieqfa għal kollox, it-tiġijiet u anke dak tal-attivitajiet, bħalma huma l-konferenzi, il-wirjiet, il-fieri etċ.

Insistiet li fil-każ taż-żewġ setturi, faċli ħafna li wieħed jintroduċi kontrolli, bħalma huma ċ-ċertifikat tal-vaċċin u anke r-rapid testing.

Saħqet li anke fil-każ ta’ konferenzi, importanti li jkun hemm dawn il-kontrolli li jiffaċilitaw mhux biss l-attività, għax iserrħu ras min se jattendi imma anke jipprevenu tixrid tal-virus.

“Indipendentament mill-immunità tal-massa, dawn il-kontrolli huma importanti,” saħqet Mamo.

Innutat ukoll kif skont l-aħħar aġġornamenti mediċi li jsiru kull Ġimgħa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, wieħed mill-fatturi ewlenin li qed iwasslu għaż-żieda fil-każi mhux qed ikunu l-ġemgħat iżda każi importati.

Kien għalhekk li saħqet li jekk se niftħu għal aktar turiżmu, importanti li jkun hemm din is-sistema ta’ kontrolli li tkun qed taħdem.

Ma naqbilx ... jikser id-dritt fundamentali tal-għażla tal-persuna

Iċ-Chaiperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef, qal ċar u tond li ma jaqbilx ma’ ċertifikat tal-vaċċin domestiku.

Insista li huwa kontra dan it-tip ta’ kontroll, għax fi kliemu dan jikser id-dritt fundamentali tal-għażla tal-persuna li ma tkunx ħadet il-vaċċin.

Saħaq ukoll li jista’ jkun hemm persuni li għal raġunijiet varji jkunu ħadu l-vaċċin iżda xorta waħda jkollhom dritt li ma jagħtux il-kunsens biex ikollhom dan id-dokument biex jippreżentawh mal-bieb biex jidħlu t-teatru, mużew jew inkella fi spazji kulturali pubbliċi oħrajn.

“Għandu jkun hemm miżuri oħrajn, tajbin biżżejjed li jimmitigaw is-sitwazzjoni f’dawn l-ispazji u oħrajn fejn jattendu n-nies,” insista Micallef. 

‘Aħna favur kull proposta li tippromwovi s-saħħa u s-sigurtà u toħloq bilanċ’

L-ILLUM tkellmet ukoll mal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija għar-Ristoranti u l-Lukandi (MHRA), Andrew Agius Muscat li saħaq kif huwa favur kull prinċipju li jippromwovi s-saħħa u s-sigurtà u li fl-istess ħin jgħinu biex persuni jkunu jistgħu jiddevertu.

“Importanti biss li ma tispiċċax toqtol l-iskop għaliex toħolqu,” insista Agius Muscat waqt li appella għal bżonn ta’ diskussjoni u biex ma tinħoloqx burokrazija żejda. 

Filwaqt li rrikonoxxa li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa hija kontra dan il-prinċipju, Agius Muscat qal li din mhijiex xi ħaġa li dwarha taqta’ linja.

“Ma hemmx soluzzjoni perfetta. Trid tiżen il-vantaġġi u l-iżvantaġġi,” kompla jinsisti.

Kien hawn li tenna li l-importanti huwa li f’dan l-istadju jinħoloq bilanċ bejn il-bżonn li l-ħajja tkompli għaddejja u għalhekk jinfetħu wkoll negozji li ilhom magħluqa u s-saħħa u s-sigurtà.

Temm jisħaq li din il-miżura tista’ tkun biss parti minn proċess sħiħ li eventwalment għandu jwassal għan-normalità.

Luciano Busuttil
Luciano Busuttil

‘Għaliex le? Għandu jintuża mill-atleti u minn dawk li l-isport huwa ħajjithom’

Iċ-Chairperson ta’ SportMalta, Luciano Busuttil ukoll kien favur li jkun introdot ċertifikat tal-vaċċin domestiku li jkun jista’ jibda jintuża biex atleti u nies oħra li l-isport huwa ħajjithom, jerġgħu jibdew jitħarrġu u jipprattikaw l-isport li jħobbu.

Insista li diversi pajjiżi oħra wkoll bdew jużaw jew inkella qed jikkunsidraw l-użu ta’ dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin mhux biss għas-setturi tad-divertiment imma anke fl-isports u t-taħriġ.

Busuttil fakkar li ħafna mill-isport bħalissa huwa wieqaf għal kollox (anke jekk ħafna minnu se jkompli mill-10 ta' Mejju) u insista li dan iċ-ċertifikat jista’ jgħin biex anke fil-każ ta’ sport li huwa meqjus ta’ riskju għoli għall-Covid-19, bħal futbol u l-waterpolo, ikun jista’ jkompli t-taħriġ u eventwalment il-logħob.

Fil-fatt, bħalissa, anke jekk taħriġ ta’ sport ieħor bħat-tennis jista’ jsir u ddeskriva dan bħala pass importanti ‘l quddiem, fakkar li hemm sport ieħor li huwa wieqaf għal kollox.

Insista li apparti l-atleti li jieħdu sehem u jirrappreżantaw lil Malta anke f’kampjonati internazzjonali, hemm ukoll persuni li għalihom l-isport huwa ħajjithom u li, fi kliemu, mingħajr sport mardu mentalment. 

“Dawn huma każi li niltaqgħu magħhom,” saħaq.

Kien għalhekk li saħaq li huwa favur li dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin jibda jintuża mhux biss biex partitarji jkunu jistgħu jassistu għal-logħob, imma l-ewwel u qabel kollox biex l-atleti u l-isportivi jerġgħu jibdew jitħarrġu, partikolarment fil-każ ta’ sports li hu wieqaf għal kollox għax bil-miżuri preżenti, mhux possibbli li jkun ipprattikat

Dominic Micallef
Dominic Micallef

‘Ladarba jkun hemm sistema kkontrollata fl-ajruport din għandha tkun applikata kullimkien, f’kull punt ta’ dħul’

Dominic Micallef, direttur ta’ Aria Complex, wieħed mill-istabbilimenti tad-divertiment ewlenin, saħaq mal-gazzetta ILLUM li ladarba jkun hemm sistema kkontrollata fl-ajruport, din għandha tkun applikata kullimkien, f’kull punt ta’ dħul, mir-ristoranti, għal nightclubs, il-knejjes u anke fuq Tal-linja.

Insista li din għandha tkun sistema sempliċi u diġitali u li tkun tista’ tintuża minn kulħadd. Fakkar li llum kważi kulħadd għandu smartphone u faċilment tista’ tinħoloq App, li pereżempju tkun tinkludi barcode li jkun jista’ jiġi skenjat biex wieħed jaċċessa l-informazzjoni rigward tilqim jew testijiet tal-Covid-19.

Saħaq li għal min ma għandux smartphone jew inkella ma jafx juża dawn is-sistemi diġitali, jista’ jkollu kard sempliċi li taħdem bl-istess prinċipju.

“Bħalma sirt issib hand sanitiser kullimkien u bħalma titteħidlek it-temperatura fi kważi kull stabbiliment li tidħol, ikun hemm dan l-iscanner ukoll,” insista s-sid. “Tkun responsabbilità tal-istabbiliment jew negozju li jinstallah.”

Fakkar li għalkemm f’Malta l-programm tat-tilqim miexi tajjeb ħafna, jibqa’ l-fatt li s-sitwazzjoni ma tiddependix biss mis-sitwazzjoni f’Malta. Fil-fatt, hemm pajjiżi li għadhom lura ħafna u għalhekk wieħed jeħtieġ iħares lejn dawn is-sistemi li ftit ftit jistgħu jerġgħu jibdew jirritornaw il-ħajja lejn in-normalità. 

Fi kliemu, sistema simili se tkun importanti għax-xhur li ġejjin sakemm il-popolazzjoni mhux biss lokali imma dinjija tkompli titlaqqam.

Mistoqsi kemm ilu magħluq, Micallef insista li l-istabbiliment tiegħu ilu minn Marzu tas-sena li għaddiet ma jiftaħ, jiġifieri aktar minn sena. 

X’kien mal-ILLUM Howard Keith Debono?

Mal-gazzetta ILLUM, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, Howard Keith Debono kien tkellem dwar l-importanza li Malta jkollha “exit plan” li jidentifika xenarji differenti u l-miżuri ta’ mitigazzjoni bżonnjużi għalihom, biex is-settur ikun jista’ jippjana għall-futur.  

Dwar il-passaport tal-vaċċin għall-użu domestiku, Howard Keith kien spjega kif l-ewwel li ħarġet b’din il-proposta kienet il-kumpanija internazzjonali Live Nation li taħdem ma’ artisti kbar bħal Beyoncé u oħrajn, biex persuni li jattendu l-kunċerti tagħhom ikollhom f’idhom dan il-passaport. 

Filwaqt li rrikonoxxa li s-settur mhux qiegħed iħares lejn attivitajiet kbar tal-massa, Debono kien saħaq li dan il-passaport tal-vaċċin jista’ jaħdem anke lokalment biex almenu jkunu jistgħu jiġu organizzati attivitajiet fuq skala iżgħar. 

Tenna li dan iċ-ċertifikat għandu jkun parti minn pjan sħiħ u miżuri ta’ mitigazzjoni b’saħħithom li jgħinu biex l-imxija tibqa’ tinżamm taħt kontroll.

X’qed jagħmlu pajjiżi oħra? X’qed tgħid il-Kummissjoni Ewropea?

L-Iżrael li kellu programm ta’ tilqim li għamel suċċess kbir, kien pijunier fejn jidħol l-użu ta’ dan iċ-ċertifikat tal-vaċċin għall-użu domestiku.

Fil-fatt, biex persuna tidħol fi stabbilimenti bħalma huma l-gyms, lukandi jew inkella postijiet ta’ divertiment, fost oħrajn, jeħtieġ li jkollha f’idha dak li qed jissejjaħ bħala “green passaport.”

Dan ‘il-passaport,’ li huwa wkoll diġitali, qed jinħareġ mill-ministeru għas-saħħa u huwa validu għal sitt xhur minn ġimgħa wara li persuna tkun ħadet it-tieni doża.

Il-passaport tal-vaċċin għall-użu domestiku qiegħed jintuża wkoll fid-Danimarka u kien kruċjali biex ftit ftit il-pajjiż beda jerħi r-restrizzjonijiet, kif għadu qed jagħmel, anke għax sa’ nofs Mejju mistenni li jkun laqqam lil dawk kollha li għandhom ‘il fuq minn 50 sena.

Bħal fil-każ tal-Iżrael, dan il-passaport qed jinkludi wkoll informazzjoni dwar jekk persuna tkunx ħadet iż-żewġ dożi tal-vaċċin, jekk qattx kinitx marida bil-virus u jekk riċentament għamlitx test tal-Covid-19 li rriżulta fin-negattiv.

Id-Daniżi qed jintalbu jippreżentaw dan il-passaport, imsejjaħ ‘Coronapas’ anke biex jaċċessaw servizzi bħalma huma l-hairdressers jew inkella jmorru f’ristorant jew iċ-ċinema. Jidher li l-Iżvezja wkoll qed tippjana li tibda tagħmel dan.

Id-diskussjoni dwar l-użu ta’ dawn it-tip ta’ ċertifikati għaddejja wkoll fir-Renju Unit, inkluż biex ikunu jistgħu jsiru attivitajiet tal-massa jew inkella biex persuni jidħlu fi stadiums jew stabbilimenti oħra kbar u ta’ divertiment.

Fil-fatt, il-final tal-FA Cup f’Wembley Stadium, żewġ parties li se jkunu qed isiru f’Liverpool u attivitajiet oħra li se jsiru tul din il-ġimgħa u anke f’Mejju madwar l-Ingilterra se jkunu parti minn studju li se jkun qed isir biex esperti jassessjaw l-effett tal-użu ta’ dan iċ-ċertifikat u miżuri oħra bħar-rapid testing, bil-għan li attivitajiet fuq skala akbar ikunu jistgħu wkoll jerġgħu jinfetħu. 

Intant Franza kienet l-ewwel pajjiż tal-Unjoni Ewropea li introduċiet ċertifikat diġitali għall-ivjaġġar, bl-isem ta’ TousAntiCOVID li mistenni jintuża wkoll għal avvenimenti pubbliċi bħall-kunċerti, festivals u fieri. Mhux mistennija li tkun qed tintuża għal bars u ristoranti.

Id-diskussjoni dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin għall-użu domestiku tqajmet ukoll waqt laqgħa tal-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Intern tal-Parlament Ewropew. Il-Kummissarju Ewropea għall-Ġustizzja Didier Reynders sostna illi l-Kummissjoni Ewropea mhux se tkun qed tirregola l-użu tad-Digital Green Certificate fuq bażi nazzjonali u lilhinn mill-iskop li għalih qed jitwettaq - jiġifieri li jkun iffaċilitat il-moviment tan-nies minn pajjiż għall-ieħor fl-UE.

Insista diversi drabi li anke jekk użat lokalment, dan iċ-ċertifikat għandu josserva l-liġi tal-GDPR u li jkunu jirrispettaw in-neċessità u l-proporzjonalità, kif ukoll li jkollhom bażi legali.

Għal diversi drabi huwa għamilha ċara illi dan iċ-ċertifikat ma jistax jintuża biex joħloq diskriminazzjoni jew inkella jwaqqaf mill-moviment ħieles.

More in Politika