Kirjiet pre 1995 | 'Huwa ġust li l-Istat se jerfa' l-piż li sa issa nġarr mis-sidien waħedhom' - ADPD

L-ADPD tisħaq li r-riforma proposta mill-Gvern għal-liġijiet li jirregolaw il-kirjiet ta’ qabel l-1995 hi waħda responsabbli u kuraġġuża

"Ir-riforma proposta mill-Gvern għal-liġijiet li jirregolaw il-kirjiet ta’ qabel l-1995 hi waħda responsabbli u kuraġġuża għax biha il-Gvern qed jerfa’ direttament ir-responsabbiltà tan-nuqqasijiet tal-Gvernijiet differenti tul is-snin mit-Tieni Gwerra lil hawn." Hekk saħaq iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo dwar il-proposti tal-Gvern fuq il-kirjiet protetti.

Fi stqarrija, ADPD fakkret li Alternattiva Demokratika għamlet snin twal tikkampanja fuq din il-kwistjoni.

"L-ideat bażiċi fil-proposta tal-Gvern huma tajbin fil-prinċipju. Nistennew li meta l-Gvern jippubblika l-proposti dettaljati fil-forma ta’ liġi dawn ikunu akkumpanjati mill-istudji li saru biex jissostanzjaw il-proposti li se jiġu ppreżentati. Nistennew dibattitu li jkun mgħejjun minn riċerka u studji, li huma essenzjali għal dibattitu matur," kompla jisħaq Cacopardo.

Spjega kif hu tajjeb, minn dak li ntqal s’issa dwar il-proposta, li l-ammont ta’ kera mhux ser jitħalla kompletament f’idejn is-suq u dan għax se jkun limitat sa 2% tal-valur tal-propjetà. 

"Dan il-fatt jindirizza l-problemi kbar li nħolqu bil-liberalizzazzjoni kompleta tal-kirjiet post-1995," saħaq iċ-Chairperson.

L-ADPD tinnota wkoll il-kummenti tal-Gvern li se jkun assigurat li ħadd ma jispiċċa bla saqaf fuq rasu bħala riżultat tal-proposta u dan permezz tal-impenn li l-istat fil-parti l-kbira tal-każi ser jerfa’ l-piż – mit-taxxi li nħallsu aħna lkoll – biex titħallas il-kera reveduta, inkella biex tkun pprovduta akkomodazzjoni alternattiva.

"Il-proposta kif imħabbra se tindirizza problema soċjali enormi li tħalliet tikber għal snin twal. Dan se tagħmlu bi spiża li se tinvolvi l-miljuni ta’ Ewro fis-sena. Sal-lum dan il-piż inġarr mis-sidien tal-madwar 10,000 propjetà effettwata u dan għamluh għal ġenerazzjoni wara l-oħra. Huwa ġust li l-komunità kollha permezz tal-istat issa tibda terfa’ l-piż u dan fi spirtu ta’ solidarjetà nazzjonali ma uħud fost l-iktar vulnerabbli fostna," insistiet l-ADPD.

Għalhekk l-ADPD qed jappoġġa din il-proposta.

Il-gazzetta ILLUM/illum.com.mt b'rappurtaġġ estensiv dwar il-kwistjoni tal-kirjiet pre-1995 fl-aħħar ġimgħat

Ara hawn x'qalu s-sidien

Ara hawn x'qalu l-inkwilini

Ara hawn x'qal l-avukat Cedric Mifsud

Ara d-deċiżjonijiet tal-Qorti fuq din il-kwistjoni u l-Editorjal tal-gazzetta ILLUM dwar din ir-realtà

Aqra wkoll dak li qal illum il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza tal-aħbarijiet.

More in Politika