Intervista | Kirjiet protetti: ‘Għandu jkun hemm perjodu stabbilit sakemm tibqa’ tapplika din il-liġi’

Il-gazzetta ILLUM tkompli ssegwi l-kwistjoni tal-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995 wara li tkellmet kemm mal-inkwilini, li qed jibżgħu li se jispiċċaw fit-triq u anke mas-sidien li tkellmu fuq kemm il-liġi qed tpoġġihom fi żvantaġġ u kemm hemm inkwilini li qed jabbużaw. Il-Qorti għaliex qed tiddeċiedi favur is-sidien? Inkwilin jista’ jispiċċa żgumbrat? Hemm soluzzjoni? Iwieġeb l-Avukat Cedric Mifsud

L-Avukat Cedric Mifsud
L-Avukat Cedric Mifsud

Wara li fl-aħħar ġimgħat il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-sidien u l-inkwilini dwar il-liġi kontroversjali li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, f’dan il-Ħadd qed tiltaqa’ mal-Avukat Cedric Mifsud biex tifhem aħjar l-aspetti legali wara din il-liġi, għaliex il-Qorti qed tiddeċiedi favur is-sidien u effettivament x’jista’ jsir biex din il-kwistjoni tissolva darba għal dejjem. L-Avukat Cedric Mifsud għandu esperjenza kbira f’dan il-qasam u quddiem il-Qorti irrappreżenta kemm sidien u anke inkwilini.

L-ILLUM tmur dritt għall-punt u tistaqsi lill-Avukat Mifsud għaliex il-Qorti, f’daqqa waħda, qed tiddeċiedi favur is-sidien. Jibda jispjega kif l-ewwel u qabel kollox hemm żewġ liġijiet, jiġifieri Kapitlu 69 li jirregola l-kirjiet ta’ qabel l-1969 u l-Kapitlu 158 li jirregola l-kirjiet ta’ qabel l-1979 (l-aktar li nitkellmu fuqha) u fuq ċens li jiġi kkonvertit f’kirja perpetwa.

“Dawn il-liġijiet kienu daħlu fis-seħħ biex jindirizzaw kwistjonijiet dwar l-akkomodazzjoni li kien hemm dak iż-żmien,” insista l-Avukat.

Fakkar li llum il-ġurnata, il-valur tal-proprjetà tant spolda ‘l fuq li ma jagħmilx sens li jkollok kirja ta’ €200 fis-sena, li terġa’ u tgħid ħafna drabi tispiċċa tinqasam bejn għadd ta’ persuni li jkunu wirtu l-proprjetà.

“Il-qrati qed jaraw nuqqas ta’ proporzjonalità. Meta wieħed jara l-valur tal-kera kkumparat mal-valur tal-kera skont il-liġi, hemm diskrepanza kbira,” kompla Mifsud. 

Hawn ħarisna lejn il-liġi tal-1979 u spjega kif kien hemm diversi persuni li kellhom ċens, li pereżempju skada wara 30 sena u mbagħad ġie kkonvertit f’kera.

“Immaġina li inti sid f’dak iż-żmien. Dħalt f’ċens għal 30 sena u f’daqqa waħda inti sibt ma’ wiċċek liġi li torbtok li trid tikri lill-istess inkwilin. Mhux hekk biss, imma l-istess kirja tista’ tintiret. Fil-fatt, fil-liġi din tissejjaħ akrobazija legali,” saħaq l-Avukat.

L-ewwel każ li fetaħ il-bibien...

Kien hawn li fakkar li ilu jkun hemm sidien li jmorru quddiem il-Qorti biex tiddikjara din il-liġi bħala waħda li tikser il-Kostituzzjoni u d-drittijiet tagħhom. Madanakollu, qabel l-2011, il-Qorti qatt ma ddeċidiet kontra din l-istess liġi.

Fil-fatt, jiftakar każ, qabel l-2011, meta hu kien qed jidher għal inkwilin, fejn il-Qorti Kostituzzjonali kienet qablet mas-sid, iżda l-Qorti tal-Appell kienet iddikjarat li l-liġi hija dik li hi u ma tistax tagħmel xejn.

Iżda l-affarijiet inbiddlu, meta familja li tgħix l-Awstralja u li kellha żewġ proprjetajiet f’Ħal Għargħur u li minnhom ma kienet qed tieħu kważi xejn, ħadet il-każ tagħha quddiem il-Qorti.

Il-każ beda u l-Avukati, inkluż Mifsud innifsu, kienu għamlu referenza għal deċiżjoni li kien hemm mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li kienet iddikjarat li dawn il-kirjiet jiksru d-dritt tas-sidien li jgawdu l-proprjetà tagħhom.

Fil-fatt, din kienet l-ewwel darba, jiġifieri fl-2011, li l-Qrati Maltin iddeċidew favur is-sidien. Fost oħrajn, spjega Mifsud, urew lill-Qorti kemm kien il-valur ta’ dawn il-proprjetajiet fil-Għargħur. Urew li jekk ibiegħu l-proprjetajiet bin-nies fihom kemm kien se jinżel il-valur u kemm, bil-prezz tas-suq, setgħu jinkrew dawn l-istess propretajiet.

Bil-prezz ta’ għaxar snin ilu, dawn iż-żewġ proprjetajiet, setgħu jinkrew għal €1,000 fix-xahar. Aħseb u ara llum kemm hu aktar il-valur tagħhom.

“Il-Qorti ġustament iddikjarat li hemm sproporzjonalità fil-liġi bejn l-inkwilini u s-sidien. L-inkwilin huwa ħafna aktar b’saħħtu biex jgħix fil-post, b’kera minima li tista’ tintiret ukoll. Il-Qorti ddikjarat li l-liġi tikser id-drittijiet fundamentali tas-sidien,” insista l-Avukat.

‘Il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tbiddel il-liġi...tiddependi fuq il-leġislatur’

Din kienet il-kawża li fetħet il-bibien għal kawża wara l-oħra li kollha kemm huma taw raġun lis-sidien. Madanakollu, dwar dan baqa’ qatt ma sar xejn. Il-liġi baqgħet dik li hi anke għax il-Qorti Kostituzzjonali ma għandha l-ebda saħħa biex tbiddel liġi. Fil-fatt dwar dan tkellimna wkoll mal-Avukat Cedric Mifsud. 

“Il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tbiddel il-liġi. Fi kliem sempliċi, dejjem tiddependi fuq il-leġislatur mhux bħal pajjiżi oħra fejn il-Qorti Kostituzzjonali tista’ saħansitra tikkanċella liġi,” saħaq l-Avukat.

Imma inkwilin jista’ jispiċċa barra?

Spjega li l-uniku ħaġa li tista’ tagħmel din il-Qorti, li hija l-ogħla waħda f’Malta, hija li tiddikjara li l-inkwilin ma jistax jistrieħ aktar fuq dik il-klawżola tal-liġi biex hu jkompli jgħix f’dik il-proprjetà.

Din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ssibha tista’ tgħid fid-deċiżjonijiet kollha dwar il-kirjiet protetti. Imma effettivament dan xi jfisser? Ifisser li inkwilin jista’ jispiċċa barra fit-triq? Sid jista’ jkeċċi lill-inkwilin?

“Jekk kellna borma u qed inħawduha, komplejna nħawduha iżjed,” insista Mifsud.

L-Avukat fakkar kif fl-2018 kien hemm leġislazzjoni ġdida li fi kliem sempliċi kienet tgħid li jekk inti għandek kirja protetta (taħt l-Artiklu 158), tista’ tmur quddiem il-Bord tal-Kera u titlob ir-reviżjoni tal-kera u jekk inkwilin ikollu biżżejjed mezzi, jkun jista’ jiġi żgumbrat  fi żmien ħames snin.

Kien hemm dan l-istatus quo għal snin twal, anke għax il-Qorti kienet qed tiddeċiedi favur l-inkwilini, imma issa qegħdin f’sitwazzjoni kompletament l-oppost u se tikkawża problemi

“Madanakollu fl-istess liġi qalu li jekk inti kont suġġett għall-kawża kostituzzjonali qabel ma daħlet din il-liġi, is-sid xorta jrid iġibek quddiem il-Bord tal-Kera biex jew jirrevedilek il-kera jew jiżgumbrak ‘il barra fi żmien ħames snin, skont it-test tal-mezzi. Fi kliem sempliċi ġiet retroattiva,” spjega l-Avukat. ‘Il-problema hija li f’daqqa waħda għandek il-liġi li qed taqbeż il-Qorti Kostituzzjonali.”

Mifsud kompla jispjega li kien hemm sentenza fl-2019 fejn sidien ippruvaw jiżgumbraw ‘il barra lill-inkwilini fuq din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Kostituzzjonali.

“Rebħuha fl-ewwel stadju, imma l-Qorti tal-Appell qalet li għandha idha marbuta għax il-liġi hija dik li hi,” qal l-Avukat. Fil-fatt, kompla jispjega, kif il-Qorti tal-Appell kienet irrimarkat li qed tispiċċa f’sitwazzjoni fejn qed tkun imġiegħla tissupera jew televa lilha nnifisha ‘il fuq mill-Qorti Kostituzzjonali, meta din hija l-ogħla Qorti.

Inkwilini żgumbrati ... ‘hija sitwazzjoni li qed tevolvi’

Jekk għall-kirjiet protetti taħt il-Kapitlu 158, il-mekkaniżmu għar-reviżjoni tal-kera jew l-iżgumbrar huwa rregolat bil-liġi tal-2018, għall-kirjiet ta’ qabel l-1969 dan ma jgħoddx. Dan huma kirjiet antiki mmens, fejn prattikament inkwilin kien ikollu l-ktieb tal-kera u jrid imur kull darba biex jiffirmawlu.

Fil-fatt hawn ukoll kien hemm sentenza importanti. L-Avukat Mifsud spjega kif il-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-inkwilini ma jistgħux jibqgħu jiddependu fuq il-liġi u l-Bord tal-Kera kkonkluda li l-inkwilini ma kellhom l-ebda titlu, għax ma hemmx dan il-mekkaniżmu għar-reviżjoni tal-kera jew l-iżgumbrar.

“Fejn hemm dawn il-kirjiet, b’din l-aħħar sentenza, l-inkwilini iva jista’ jkollhom problema, jistgħu jiġu żgumbrati. Issa jew il-leġislatur se jdaħħal emendi biex jilqa’ għalihom jew inkella se jkun hemm problemi,” insista l-Avukat.

Kompla jisħaq li l-argument dwar jekk inkwilini jistgħux jiġu żgumbrati ‘l barra għadu qed jevolvi.

‘Hemm sidien li għandhom kuxjenza soċjali’

“Hawn ħafna qed jiġu fi ftehim mas-sid tal-kera. Hawn sitwazzjonijiet fejn qed jinħoloq kompromess, fejn jekk kera tista’ tkun €600, qed jitolbu €350. Hemm sidien li ma jridux jiżgumbraw ‘il barra lill-inkwilin, basta jiffirma dikjarazzjoni li l-familja tiegħu ma jistgħux jirtu l-kirja. Għandek ħafna sidien li għandhom kuxjenza soċjali. Ma tantx tara sidien li jkunu jridu jitfgħu ‘l barra lill-inkwilini,” kompla jisħaq l-Avukat.

Madanakollu hemm sidien li jisħqu li l-liġi kif inhi mhijiex ġusta assolutament u hawn għamel referenza għal esperjenza ta’ sid, simili għal dik li rrappurtat dwarha din l-istess gazzetta l-ġimgħa li għaddiet.

“Riċentament kelli każ ta’ sid li qalli jiena għandi tifla. Għaliex għandi ngħidilha mur ħu loan, meta għandi post li jista’ jkun tagħha, imma marbut b’kirja protetta? Naf sidien ta’ proprjetajiet marbuta b’kirja protetta u huma qed jieħdu loan biex iħallsu d-dar li fiha jgħixu,” spjega l-Avukat Mifsud.

Iħallas pagament biex xtrara dar imma hu sid ta’ proprjetà marbuta b’kirja protetta

Semma każ ta’ sid li tkellem miegħu u spjegalu kif ilu għaxar snin iħallas €500 fix-xahar għall-pagament tad-dar u fl-istess ħin għandu proprjetà li minnha qed jieħu ċ-ċiċri minħabba l-liġi li kif inhi.

“Qalli: lili l-liġi qed titrattani b’mod differenti,” kompla jgħid l-Avukat waqt li saħaq li ħafna jaqtgħu qalbhom meta jingħataw parir biex jiftħu każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Apparti minn hekk, imbilli tiftaħ każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, mhux se tieħu l-proprjetà lura imma kumpens mill-Istat.

Fil-fatt, l-Avukat Mifsud spjega kif il-Qorti Kostituzzjonali ma tistax tiddeċiedi kontra individwu. Fakkar f’każ li kellu dwar palazz fl-Imdina fejn bħala Avukat kien qed jidher għall-inkwilin.

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet żgumbrat ‘il barra lill-inkwilin, imma fl-istadju tal-appell, il-Qorti kienet qablet miegħu, bħala Avukat, meta kien argumenta li l-Qorti Kostituzzjonali ma tistax timponi rimedju fuq l-inkwilin.

‘Ir-rimedju mill-Istat irid jingħata ... il-kumpens minn flus il-poplu’

“Huwa l-istat li jrid jagħti rimedju. Il-Qorti Kostituzzjonali tiddikjara biss jekk hemmx xi ksur ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem. Jiena ma nistax nikser id-dritt fundamentali tiegħek, għax il-ksur jiġi minn proċedura jew inkella mil-liġi,” kompla jisħaq. 

Għalhekk hemm il-kumpens, iżda l-Avukat fakkar ukoll li fl-aħħar mill-aħħar il-kumpens qed jingħata mit-taxxi tal-poplu.

“L-individwu ma jistax jiġi żgumbrat ‘il barra mill-Qorti Kostituzzjonali. Ir-rimedju jrid jiġi mill-istat,” insista.

Il-gazzetta ILLUM ilha snin issegwi din il-kwistjoni tal-kirjiet
Il-gazzetta ILLUM ilha snin issegwi din il-kwistjoni tal-kirjiet
Il-gazzetta ILLUM ilha snin issegwi din il-kwistjoni tal-kirjiet
Il-gazzetta ILLUM ilha snin issegwi din il-kwistjoni tal-kirjiet

‘Hemm abbuż ukoll...’

Ikkonferma wkoll dak li rrappurtat l-ILLUM il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri li hemm inkwilini li jabbużaw minn din il-liġi. Semma każi ta’ inkwilini li jkomplu jżommu l-karta tal-identità fuq post bil-kirja protetta, imma mbagħad huma sidien ta’ proprjetajiet oħra.

“Kelli każ riċentament - din l-ewwel darba li rajtha - li l-inkwilin għandu żewġ kirjiet protetti. Ma nistax nifhem kif ġara hekk,” saħaq. “Hemm abbuż. Kien hemm dan l-istatus quo għal snin twal, anke għax il-Qorti kienet qed tiddeċiedi favur l-inkwilini, imma issa qegħdin f’sitwazzjoni kompletament l-oppost u se tikkawża problemi. Il-leġislatur irid jieħu passi.”

‘Għandu jkun hemm perjodu stabbilit sa meta tapplika din il-liġi ... trid tissalvagwardja wkoll lill-inkwilini’

Nitkellmu kemm nitkellmu fuq sentenzi tal-Qorti, soluzzjoni ma sibna mkien u dan jirrikonoxxih ukoll l-Avukat.

“Dejjem emmint li għandu jkun hemm perjodu stabbilit sa meta din il-liġi titneħħa. Trid tissalvagwardja wkoll lill-inkwilini. Ħafna minnhom huma anzjani li għandhom mas-70 jew 80 sena,” saħaq l-Avukat.

Irrikonoxxa li din il-liġi mhux se tkun popolari, imma fl-istess ħin fakkar kif bħalissa hemm pressjoni qawwija mis-sidien biex din il-liġi tinbidel.

“Dejjem emmint li għandu jkun hemm cut-off-date, ta’ ħames snin jew għaxar snin mil-lum biex din il-liġi ma tibqax tapplika,” spjega l-Avukat.

Dan ifisser li wara li jgħaddi dan il-perjodu, l-inkwilin ma jistax jibqa’ jserraħ fuq il-liġi u iva jista’ jispiċċa barra imma fl-istess ħin għandu perjodu raġonevoli li fih jista’ jippjana.

Irrikonoxxa wkoll li hemm min forsi mezzi ma għandux biex jixtri proprjetà u hawn, insista l-Avukat, jista’ jidħol l-aspett tal-akkomodazzjoni soċjali biex dawn in-nies ikunu mgħejjuna.

Insista li l-ewwel ħaġa li trid issir huwa li wieħed jieħu kont ta’ din il-kwistjoni biex jifhem eżatt kemm hemm persuni li jinsabu f’din is-sitwazzjoni.

‘Hija problema li rridu neħilsu minnha għax inkella se tibqa’ tiswa l-flus’

“Din hija problema li rridu neħilsu minnha għax jekk le se tibqa’ tiswa l-flus,” kompla jisħaq Mifsud.

Fakkar kif hemm klijenti li mhux jieqfu biss mal-Qorti ta’ Malta imma qed imorru wkoll quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

“Kelli każ riċenti fejn is-sid argumenta li fuq deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ngħata kumpens ta’ €10,000, imma dan lanqas ikopri sena kirja bil-prezz kif suppost, aħseb u ara meta wieħed iqis li inkwilin ikun ilu mill-1979 fil-proprjetà,” kompla.

Fil-fatt, dan is-sid ħa l-każ Strasburgu biex jieħu kumpens akbar. F’ċertu każijiet, il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem qed tgħolli l-kumpens u fi drabi oħra le.

“Immaġina minn €10,000 tieħu €50,000. Dawk huma kollha mit-taxxi,” insista l-Avukat Mifsud.

Temm jisħaq li huwa jemmen li jekk ikun hemm perjodu stabbilit sa meta din il-liġi se tibqa’ tapplika, awtomatikament dawn il-każi se jieqfu għax is-sidien ikunu jafu li xi darba se jerġa’ jkollhom kontroll fuq il-proprjetà tagħhom.

More in Politika