Il-PN jisħaq li l-problema tal-kirjiet ta' qabel l-1995 se tibqa' teżisti u tikber fis-snin li ġejjin

Ivan Bartolo jgħid li r-riforma li ħabbar il-Gvern ma saritx b’konvizjoni

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista saħaq li bil-bidliet żgħar li ħabbar il-Prim Ministru, il-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 se tibqa’ teżisti u tikber fis-snin li ġejjin.

“Nittamaw li din mhijiex xi mossa ta’ qabel l-elezzjoni fejn il-Prim Ministru jipprova jirkeb fuq l-emozzjonijiet tan-nies u l-inġustizzji tas-sidien tal-proprjetajiet u l-inkwilini inkwetati,” saħaq il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo.

Bartolo saħaq li r-riforma li ħabbar il-Gvern ma saritx b’konvizjoni.

Qal li bir-riforma mħabbra Robert Abela se jkun qed jibgħat eluf ta' persuni quddiem il-Qrati u jżid it-tensjoni bejn min jgħix fil-kera u s-sidien tal-propjetajiet mikrija qabel is-sena 1995. 

“Filwaqt li Robert Abela serħilna rasna li ħadd mhu se jispiċċa barra fit-triq, sal-lum wara tmien snin, il-Gvern Laburista ma pprovda lanqas appartament wieħed ġdid, u din l-inkompetenza wasslet biex l-Awtorità tad-Djar għandha quddiemha lista ta' stennija li b'dal-pass mhi se tiġi indirizzata qatt,” insista.

Bartolo saħaq li meta l-ispiża mbassra hija ta' miljun ewro fl-ewwel sena, tliet miljuni fit-tieni sena u ħames miljuni fit-tielet sena, ara kemm kienu jiġu megħjuna aktar nies li kieku “mhux qed jitħallas il-prezz tal-korruzzjoni, li kieku €40,000,000 miljun mhux qed imorru kull sena ta' xejn fil-but tas-SOCAR.”

Tul il-konferenza tkellem ukoll il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott li saħaq li n-nies mhux kuntenti bis-sitwazzjoni kif inhi u qed jistennew li r-riforma tindirizza l-problemi legali u soċjali.

Huwa qal li hemm ħafna affarijiet li m'humiex qed jiġu indirizzati, u lanqas hemm indikazzjoni mill-Gvern jekk id-definizzjoni ta’ inkwilin hix se tinbidel. 

“Hawn bżonn ukoll ta' sistema effiċjenti u inqas burokrazija, bi proċess amministrattiv u mhux wieħed litiġjuż quddiem il-Bord li jirregola l-Kiri, hekk kif se jkun hemm aktar konfront litiġjuż bejn is-sidien u l-inkwilini. Dan minbarra li hemm problema ta’ diskriminazzjoni bejn dawk li huma affetwati bil-kirja l-antika, u kif ukoll dawk li għadhom kif daħlu f’kirja ġdida, b'sitwazzjoni fejn il-Gvern se jgħin sa massimu €10,000,” saħaq Carabott.

Darren Carabott staqsa wkoll jekk il-proċeduri kostituzzjonali li hemm pendenti bħalissa, hux se jiġu affetwati minn din ir-riforma. 

Il-gazzetta ILLUM/illum.com.mt b'rappurtaġġ estensiv dwar il-kwistjoni tal-kirjiet pre-1995 fl-aħħar ġimgħat

Ara hawn x'qalu s-sidien

Ara hawn x'qalu l-inkwilini

Ara hawn x'qal l-avukat Cedric Mifsud

Ara d-deċiżjonijiet tal-Qorti fuq din il-kwistjoni u l-Editorjal tal-gazzetta ILLUM dwar din ir-realtà

More in Politika