Il-Qorti kif qed tiddeċiedi fil-każ tal-kirjiet ta' qabel l-1995? L-ILLUM b'ħarsa lejn uħud mill-każi riċenti

Sentenza wara l-oħra tal-Qrati qed jagħtu raġun lis-sidien li qed jisħqu li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 qed tikser id-dritt tagħhom li jgawdu l-propjetà li huma sidien tagħha

Ilbieraħ il-gazzetta ILLUM irrapportat dwar l-inċertezza li qed jiffaċċjaw persuni li jgħixu fi proprjetajiet li għandhom kirja ta' qabel l-1995.

Sentenza wara l-oħra tal-Qrati qed jagħtu raġun lis-sidien li qed jisħqu li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 qed tikser id-dritt tagħhom li jgawdu l-propjetà li huma sidien tagħha u dan kif stabbilit fil-Kostituzzjoni u anke fil-Konvenzjoni Ewropea.

Fost oħrajn, l-ILLUM tkellmet ma' familja li bħalissa tinsab il-Qorti, tipprova tiġġieled lis-sid, li jridhom joħorġu mill-proprjetà li ilhom jgħixu fiha għal madwar 50 sena. Oħrajn irċevew ittra mis-sidien li jridu ħafna aktar kera minn dik li kienu draw iħallsu sa issa, għax il-liġi tipproteġihom.

Fl-istess artiklu, il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn uħud mid-deċiżjonijiet tal-Qorti fuq din il-kwistjoni:

Proprjetà Sliema - Mejju 2019: Tista’ tgħid li dan kien l-ewwel każ li fetaħ il-bibien lis-sidien u li qajjem inċertezza kbira fost dawk li jgħixu f’kirjiet protetti ta’ qabel l-1995. L-inkwilin kien ilu snin jgħix fir-residenza, fi Triq Guze Ellul Mercer, f’Tas-Sliema, flimkien ma’ ommu u baqa’ jgħix hemm anke wara li mietet fl-1986. Hu kien iħallas €203 fis-sena, bil-kera tiżdied skont l-indiċi tal-inflazzjoni, kif stabbilit fl-emendi tal-2009. Skont perit li kienu qabdu s-sidien, id-dar kienet tiswa €300,000 u bil-prezz tas-suq il-kera kienet stmata €1,000 fix-xahar. Is-sidien kienu qalu li kellhom jiċħdu offerta biex ibiegħu d-dar għal €450,000, għax l-inkwilin ma aċċettax li jmur f’akkomodazzjoni oħra. Il-Qorti Kostituzzjonali kienet saħqet li l-liġi kif inhi qed toħloq żbilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u dawk tal-inkwilini. Iddeċidiet li l-liġi qed tikser id-drittijiet tas-sidien u l-Istat intalab jagħtihom kumpens ta’ €20,000. Qalet ukoll li l-inkwilini ma jistgħux jiddependu aktar fuq din il-liġi li, skont il-Qorti, tikser il-Kostituzzjoni.

 Proprjetà Żejtun – Ġunju 2019: L-Istat ġie ordnat jagħti €10,000 f’kumpens lis-sidien ta’ dar antika u kbira fil-qalba taż-Żejtun wara li l-Qorti ddikjarat li l-liġi li tipproteġi l-kirjiet hija waħda li tikser il-Kostituzzjonali. Is-sidien kienuqed jirċievu €286 fis-sena mingħand koppja għall-kirja ta’ din id-dar. Perit li għamel stima tal-kirja qal li din id-dar għandha tinkera għal €522.50 fix-xahar, skont il-prezzijiet tas-suq. Is-sidien kienu qed jisħqu li l-kirja baxxa kienet qed tiksrilhom id-drittijiet tagħhom li jgawdu din il-propjetà li tagħha huma sidien u dan skont il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti ddikjarat ukoll li l-aħħar aġġornamenti fil-liġi tal-kera ma għenux lis-sidien li xorta waħda qed ikunu kostretti jaċċettaw kirja ħafna aktar baxxa mill-prezz tas-suq. Iddikjarat ukoll li filwaqt li d-drittijiet tas-sidien kienu miksura, ftit hemm ċans li s-sidien jerġgħu jidħlu fil-pussess tad-dar hekk kif l-inkwilini llum għandhom it-tfal li jgħixu fl-istess residenza.

Proprjetà Birkirkara – Jannar 2021: L-Istat kien ordnat jagħti €23,000 f’kumpens lil koppja li ma setgħux jieħdu lura l-pussess tad-dar tagħhom f’Birkirkara minħabba kirja protetta. Il-koppja ilha sid tad-dar mill-1966. Koppja barranija kienet kriet din id-dar. Dak iż-żmien ma kinux protetti bil-liġi sakemm saru ċittadini Maltin. Fl-2017, is-sidien riedu l-iżgumbrar tal-koppja iżda l-Bord għar-Regolarizzazzjoni tal-Kera ċaħad din it-talba fl-2019, għax il-kirja kienet protetta. Skont stima ta’ perit li qabbdet il-koppja, id-dar kienet tiswa €370,000 u l-kirja kellha tkun madwar €1,000 fix-xahar, skont il-prezz tas-suq. L-inkwilini kienu qed iħallsu €375 fix-xahar. F’dan il-każ, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat kien saħaq li l-Istat għandu l-poter jagħmel liġijiet u anke jikkontrolla l-użu ta’ proprjetajiet privati biex jirregola sitwazzjonijiet soċjali, f’isem il-ġid komuni. Iżda l-Qorti ddeċidiet li l-liġi kienet qed tpoġġi lis-sidien fi żvantaġġ. Saħqet li mhux ġust li s-sidien ikunu obbligati jerfgħu waħedhom il-piż ta’ sfida soċjali u kkalkulat li l-koppja kienet qed titlef madwar €8,000 fis-sena.

X'qed jgħidu l-mexxejja politiċi?

Il-Prim Ministru Robert Abela (25 ta’ Jannar 2021): “Hemm ukoll dawk in-nies li bħalissa qed jgħixu f’dar b’kirja ta’ qabel l-1995 u hemm inċertezza dwar il-futur tiegħu. Dak huwa t-tħassib tan-nies li qegħdin jitkellmu dwaru u għalhekk inżilna hawn biex nisimgħu, imma mhux nisimgħu biss imma anke biex nagħtu s-serħan tal-moħħ, fosthom lil dawk in-nies li qed jgħixu f’dar b’kirja protetta, li mhu se nħallu lil ħadd waħdu.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech (17 ta’ Jannar 2021): “Hemm eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jinsabu inkwetati għaliex ma jafux jekk għada, jew pitgħada, is-sid tad-dar fejn joqogħdu hux se jiftħilhom kawża biex ikeċċihom mid-dar tagħhom. Prim Ministru għandek bomba tal-ħin li dalwaqt se tisplodi f’wiċċek u f’wiċċna. X’qed tagħmel? Dawn huma realtajiet li qed jinkwetaw in-nies. Prim Minsitru ejja npoġġu flimkien, b’umiltà, b’onestà, b’maturità u nuru lin-nies li kapaċi nogħlew mill-interess partiġġjan.”

Id-Deputat Ivan Bartolo – Kumment lill-ILLUM: "Il-Gvern għandu l-obbligu li mingħajr ma jmiss id-drittijiet tas-sidien li batew biżżejjed mas-snin, u mingħajr ma jintervjeni biex jindaħal f'dak li ddeċidiet il-Qorti, jindirizza mill-aktar fis il-problema li llum saret bomba soċjali tal-ħin, billi jara li I-inkwilini, ħafna minnhom anzjani, li qed jispiċċaw, u li se jkunu qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, ma jispiċċawx barra fit-triq. Għalhekk, wara li f'dawn l-aħħar seba’ snin m'għamel xejn, għandu jassigura sistemi u akkomodazzjoni soċjali għal dawn il-persuni."

More in Politika