Il-Partit Laburista jilqa' l-aħbar li l-aġenzija Ġermaniża Scope Rating tat ċertifikat A+ lil Malta

Il-Partit Laburista qal li jilqa' r-rating pożittiv tal-aġenzija internazzjonali Scope Ratings li għal darba oħra tat ċertifikat A+ lil Malta ''għall-fatt li l-Gvern Malti baqa' ''jkun ta' tarka għall-familji u n-negozji quddiem l-isfida qawwija fil-prezzijiet taż-żejt.''

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Fi stqarrija maħruġa nhar is-Sibt, il-Partit Laburista qal li ''jilqa' r-rating pożittiv tal-aġenzija internazzjonali Scope Ratings,'' li għal darba oħra tat ċertifikat A+ lil Malta.

L-aġenzija Ġermaniża sostniet li dan huwa riżultat li se jibqa' stabbli fiż-żmien li ġej minkejja l-isfidi attwali minħabba l-inċertezzi b'tiżultat tal-aħħar żviluppi fix-xena internazzjonali.

Il-Partit Laburista kompla jgħid li fl-istess jum li Scope Ratings ikkonfermat dan ir-riżultat pożittiv għal Malta, ta' min jinnota li l-istess aġenzija ''naqqset l-outlook tal-Polonja għal negattiv.''

Fl-istqarrija kompla jingħad li l-esperti internazzjonali attribwew id-deċiżjoni tagħhom li jagħtu dan ir-riżultat lil Malta għall-fatt li l-Gvern Malti baqa' ''jkun ta' tarka għall-familji u n-negozji quddiem l-isfida qawwija fil-prezzijiet taż-żejt. Skont Scope Ratings, pajjiżna se jibqa' jikber b'rata ferm aqwa minn dik ta' pajjiżi Ewropej oħra.''

Tkompla jingħad ukoll li d-domanda domestika se' tibqa stabbli, filwaqt li huwa mistenni li se jkun hemm żieda qawwija fit-turiżmu, hekk kif il-fatt li Malta huwa pajjiż stabbli se jwassal sabiex persuni jibdew jagħżlu lil Malta bħala l-pajjiż fejn iqattgħu il-btajjel tagħhom minħabba l-instabbilita' fil-Lvant Nofsani, fil-Golf Persjan u f'Ċipru.

Sadanittant, il-Partit Laburista afferma li ''ir-rapport ta' Scope Ratings isostni li l-Gvern Malti għandu track record ta' prudenza fiskali,'' hekk kif huwa mistenni li d-defiċit tal-Gvern se jkompli jonqos u li l-piż tad-dejn se jaqa' għal 40% tal-ġid nazzjonali. Dan minkejja li huwa maħsub li ''se jiżdied bil-qawwi l-investiment pubbliku filwaqt li se jibqgħu s-sussidji.''

Il-Partit Laburista kkonkluda billi jgħid li ''Gvern Laburista huwa garanzija ta' stabbilita' u suċċess,'' hekk kif fi żminijiet ta' kriżi u inċertezza, ''huwa biss Gvern Laburista li jista' jżomm l-ekonomija tibqa' għaddejja b'rata b'saħħitha'' li twassal sabiex titejjeb il-qagħda tal-familji.

 

 

More in Politika