Alex Borg jaffaċċja l-ewwel sfidi

Wara t-telfa elettorali, Alex Borg jidher determinat li jibni tim ġdid madwaru hekk kif jibda jħares lejn il-battalji politiċi li jmiss u t-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista

Lanqas kien għadu daħal lura l-Istamperija wara r-rebħa ta’ Robert Abela, li Alex Borg, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ma bediex iħabbel xagħru dwar l-isfidi li jmiss. F’April kien qed jitlob li l-mexxej Laburista Robert Abela jerġa’ jibdielu u ma jagħmilx l-elezzjoni f’Mejju. Kien jaf li ċ-ċansijiet li jirbaħ kienu minimi u kellu bżonn aktar ħin biex jipprepara u jsaħħaħ il-Partit Nazzjonalista. F’moħħu kellu li jaħtar viċi kap ġdid u kien hemm ukoll diskors dwar segretarju ġenerali ġdid. Issa jidher li Alex Borg – li jidher ċar li se jsib il-fiduċja assoluta tal-kunsilliera u l-membri – qed jitfa’ għajnejh fuq persuna ġdida li jista’ jħabbatha ma’ Ian Borg u Alex Agius Saliba. 

Il-persuna li jibqa’ jissemma fil-kurituri tal-istamperija ġewwa Tal-Pietà huwa Darren Carabott, il-membru parlamentari li tela’ mill-ewwel distrett sparat. Carabott għandu fama bħala wieħed rasu fuq għonqu, kariżmatiku u jaf jitkellem. Avukat żagħżugħ u bbrilla kull darba li deher f’xi dibattitu. Jidher serju u integru. Kien tela’ l-ewwel darba fl-elezzjoni tal-2022 u f’din l-elezzjoni tela’ b’4,923 voti fl-ewwel għadd. 

Il-fatt li Alex Perici Calascione, il-Viċi Kap preżenti issa ġie elett fil-parlament jagħmilha iktar faċli li xi ħadd bħal Carabott jiġi aċċettat. 

Għall-kariga ta’ segretarju ġenerali, hemm pressjoni wkoll biex il-pożizzjoni timtela b’xi ħadd li għandu ftit esperjenza imma huwa relattivament wiċċ ġdid u mhux marbut ma’ xi episodju partikolari fil-passat tal-Partit Nazzjonalista. Filwaqt li Charles Bonello, li huwa pesuna li kien jaħdem fis-segretarjat ta’ Lawrence Gonzi u li huwa meqjus bħala persuna dedikata, hemm ix-xewqa u l-ħsieb li jkun hemm demm ġdid f’din il-kariga. 

Fuq kollox, ix-xi ħadd li jista’ jwassal lill-PN għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, kif ukoll għall-ikbar sfida possibbli, dik tal-elezzjoni ta’ ħames snin oħra mhu ħadd ħlief Alex Borg innifsu. Il-kap li dak iż-żmien ikollu 35 sena, ikun tgħallem u jkun saħħaħ aktar lill-PN. 

More in Politika