Kirjiet pre-1995 | 'Iħallasna €30 fix-xahar f'kirja f'Tas-Sliema u mar jibni blokka flats'

Sidien irrabjati jgħidu mal-ILLUM li filwaqt illi vera hemm min hu ġenwin, huma qed jiġu mċaħħda mill-proprjetà tagħhom, xi kultant minn nies li qed jabbużaw.  Jappellaw biex il-kirjiet ma jibqgħux jintirtu għax din hija "inġustizzja kbira" u biex isir test tal-mezzi ... 

“Suppost qed nieħdu €4,000 fix-xahar mill-proprjetà u minflok mhu qed nieħdu xejn.” “Iħallas ċuċata fis-sena għax bil-kirja protetta imma mbagħad għandu blokka ta’ seba’ appartamenti.” Dawn kienu żewġ esperjenzi ta’ sidien li tkellmu mal-gazzetta ILLUM jilmentaw kif minħabba l-kirjiet protetti ta’ qabel l-1995 jinsabu fi żvantaġġ meta mqabbla mal-inkwilini u għalhekk qed jisħqu li l-liġi kif inhi qed tikser id-dritt tagħhom li jgawdu l-proprjetajiet li tagħhom huma s-sidien kif inhu stabbilit fil-Kostituzzjoni u anke fil-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-ġimgħa li għaddiet il-gazzetta ILLUM tkellem ma’ diversi inkwilini li jinsabu mħassba dwar il-futur tagħhom fid-dar fejn ilhom snin jgħixu, għax sentenza wara l-oħra tal-Qrati, anke dik Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, qed jinsistu li s-sidien qed ikollhom id-drittijiet tagħhom miksura u dan minħabba liġi li tmur lura għall-1979.

Fil-fatt, kif spjegat diversi drabi din il-gazzetta, il-kirjiet li daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995 huma protetti u għalhekk l-inkwilini għandhom id-dritt li jibqgħu jgħixu fl-istess proprjetà sakemm jonoraq l-obbligi kollha tagħhom. Peress li l-kirja hija protetta, is-sidien ma jistgħux jgħollu l-prezz tal-kera kif iridu. 

‘Nieħu biss €120 fis-sena. Nista’ nikrih €900 fix-xahar’

Wara li tkellmet mal-inkwilini mħassba, din il-ġimgħa l-ILLUM iltaqgħet ma’ diversi sidien. Saħqu kif minkejja li hemm każi li huma ġenwini, hemm ukoll każi fejn inkwilini qed jabbużaw minn din il-liġi.

Sidt li tkellmet magħna spjegat kif fl-2008 wiret appartament f’Tas-Sliema, flimkien maż-żewġ ħutha. F’din il-proprjetà jgħix raġel flimkien mal-familja tiegħu. Dan beda jikri l-appartament fl-1982.

Spjegat kif l-inkwilin iħallas €30 fix-xahar, li jridu jinqasmu bejn it-tlett aħwa. Dan ifisser li s-sidt li tkellmet magħna, minn dan il-post tieħu biss €120 fis-sena.

“Dan meta skont stimi li għamilna, l-appartament jista’ jinkera għal €900 fix-xahar,” kompliet tispjega. “Appartamenti fl-istess triq qed jinbiegħu għal €500,000.”

‘Bil-kirja protetta iżda hu għandu blokka appartamenti’

Ovvjament, minħabba l-liġi kif inhi bħalissa, is-sidien ma jistgħu jgħidu xejn lill-inkwilin, sakemm jonora l-obbligi kollha tiegħu u jħallas il-kera fil-ħin.

Madanakollu, l-istess sidt saħqet kif minn riċerka li għamlet, l-istess inkwilin li qed jgħix f’appartament għal €30 fix-xahar, huwa s-sid ta’ blokka li fiha xejn inqas minn seba’ appartamenti.

“Dan mhux abbuż? Hemm każi ġenwimi, imma hemm ħafna li qed jabbużaw minn din il-liġi,” insistiet magħna din is-sidt. “Għamilt seba’ appuntamenti miegħu biex nidħol fl-appartament ma’ perit. Is-seba’ li huma ħassarhomli.”

Fil-fatt, bħalissa, is-sidien u dan l-inkwilin jinsabu l-Qorti, bis-sidien iridu li jiġi żgumbrat.

‘Il-kirja ma tistax tintiret ... mela aħna ma għandnix it-tfal ukoll?’

Is-sidt spjegat ukoll kif dan l-inkwilin jgħix fl-appartament mal-familja tiegħu, inkluż it-tifel tiegħu u għalhekk, f’każ li hu jiġi nieqes, il-kirja tista’ tintiret għand it-tifel u tibqa’ protetta.

Fil-fatt, skont il-liġi, dawn il-kirjiet protetti jistgħu jintirtu minn iben/bint/ulied l-inkwilini imma għal darba waħda biss. Biex dan iseħħ, l-ulied iridu jkunu jgħixu fil-proprjetà mikrija meta tiġi nieqsa l-persuna (l-omm jew il-missier).

“Din ma tagħmilx sens. Ma tistax tibqa’ tintiret minn wild għal wild, jew inkella meta tintiret għandha tiġi bil-kirja tal-lum,” saħqet is-sidt. “Mela aħna mhux ukoll għandna t-tfal? Jiena għandi t-tifla tiegħi tgħix miegħi għax ma taffordjax tikri. Għaliex ma għandux ikollha wkoll il-post tagħha?”

Qalet ukoll li taf b’każi simili għal tagħha, fejn inkwilin li jikri bil-kirja protetta, xtara proprjetà jew proprjetajiet oħra u għamilhom fuq uliedu biex ma jidhrux fuqu.

“Għandu jsir test tal-mezzi estensiv għal dawn l-aħħar 30 sena. Nassigurak li hemm ħafna li qed jabbużaw mil-liġi kif inhi bħalissa,” temmet tisħaq din is-sidt.

‘Suppost nikru l-proprjetà għal €4,000 fis-sena’

Sid ieħor li tkellem mal-gazzetta ILLUM spjega kif hu u l-qraba tiegħu, li huma sidien ta’ proprjetà kbira, ilhom 11-il sena ma jieħdu xejn, għax l-inkwili ilhom mill-2010 jpoġġu l-kera l-Qorti (kif jiġri f’ħafna każi meta ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet) għax ma aċċettawx l-emenda li daħħal il-Gvern fl-2009.

Fost oħrajn, dawn l-emendi kienu jistabbilixxu li għall-kirjiet ta’ qabel l-1 ta’ Ġunju 1995, ir-rata tal-kera dovuta minn wara l-1 ta’ Jannar tal-2010 kellha titla’ għal €185 fis-sena. Ir-rata tal-kera kellha mbagħad tibda tiżdied kull tliet snin b’mod proporzjonali skont l-indiċi tal-inflazzjoni.

“Dan huwa ballun li se jiżbroffa dalwaqt,” insista s-sid.

Fil-fatt, anke dan il-każ qiegħed quddiem il-Qrati, bis-sidien qed jitolbu mhux biss kumpens mill-Gvern imma anke qed jitolbu lill-Bord tal-Kera għall-iżgumbrament tal-inkwilini.

Qabel iddaħħlet fis-seħħ din l-emenda, is-sid spjega kif l-inkwilini kienu qed iħallsu €130 fis-sena u din il-kirja riedet tinqasam bejn tmien persuni.

Is-sid insista li bil-prezzijiet tas-suq kif inhuma bħalissa, din il-proprjetà inkwistjoni faċilment tinbiegħ għal €1.2 miljun u skont l-aħħar evalwazzjoni li għamlu, il-kera tista’ tammonta għal €4,000 fix-xahar.

“Minflok mhu qed nieħdu xejn,” insista s-sid.

‘Hemm bżonn aktar riżorsi għall-Bord tal-Kera’

Is-sid ilmenta kif minkejja li ilhom snin li fetħu l-każ kontra l-inkwilini, sal-lum ftit li xejn għadu sar progress.

Kien għalhekk li saħaq li hemm bżonn aktar riżorsi u aktar maġistrati li jkunu assenjati biex jaħdmu fuq dan il-Bord.

“Ilna snin b’dan il-każ. Ma tagħmilx sens li kull darba titla’ l-Qorti għal 15-il minuta kollox u l-każ dejjem ikarkar. Lanqas ħaqq taqla’ avukat,” temm jgħidilna s-sid.


Storja qasira tal-liġijiet tal-kera f’Malta

Wara l-ewwel gwerra, Malta tesperjenza l-fenomenu tal-inflazzjoni. Il-kirjiet jibdew jogħlew drastikament.

1925: Il-Gvern jgħaddi l-ewwel liġi biex tikkontrolla ż-żidiet fil-kera billi mpona arbitraġġ fejn ma jkunx hemm qbil dwar iż-żieda tal-kera.

1929: Liġi ġdida għal aktar kontroll tal-kera. Is-sidien ma setgħux jirrifjutaw li jġeddu l-kera jew li jgħolluha mingħahd il-permess tal-Bord tal-Kera. Il-liġi kienet iżżomm lill-Bord milli jgħolli l-kera b’aktar minn 40% mill-kera ġusta f’Awwissu 1914. Sir Ugo Mifsud kien ikkritika ħafna din il-liġi anke għax fi kliemu din kienet se tgerrex lil Maltin milli jinvestu fil-ġebla. Gerald Strickland jisħaq li din hija miżura temporanja għal sena jew sentejn, sakemm is-suq tal-kera jistabbilizza ruħu.

1931: Il-liġi tiġi promulgata mill-awtoritajiet kolonjali u tibqa’ hemm.

Tiġi t-Tieni l-Gwerra u magħha ġġib nuqqas kbir ta’ djar. 1944: L-awtoritajiet kolonjali jippromulgaw l-ordinanza li trażżan il-kera fuq id-djar. L-iskop tagħha kien ukoll li jrażżan iż-żieda fil-kirjiet fi żmien ta’ skarsezza kbira u l-kirjiet ma kellhomx jaqbżu l-kirja ġusta li l-Uffiċċju għall-Valuteazzjonijiet tal-Artijiet kien jiffissa. Fir-rigward ta’ djar qadima (li tkun tlestiet qabel il-31 ta’ Marzu 1939), tali kirja kellha tkun skont il-kirja tad-djar simili fl-istess lokalita li dan l-Uffiċċju kien jistabilixxi. Fir-rigward ta’ djar ġodda, il-kera kellha tiġi ffissata mill-Bord tal-Kera biex tirrifletti 3% tal-valur tal-art u 3.25% il-valur tal-benefikati.

Jidher li dawn ir-restrizzjonijiet, kif kien bassar Sir Ugo Mifsud, wasslu biex il-Maltin ma jibqgħux jinvestu fil-ġebla u l-provvista ta’ postijiet sabiex jinkrew iffjakkat ħafna.

L-awtoritajiet kolonjali fl-1959 ippromulgaw ordinanza li tiddekontrolla d-djar. Bis-saħħa ta’ din l-ordinanza, kull min kien jibni dar ġdida kien ikun ħieles mill-kontrolli imposti mill-ordinanzi tal-1931 u l-1944.

1979: Gvern Laburista jreġġa’ l-arloġġ lura u mpona fuq il-postijiet dekontrollati l-istess tip ta’ limitazzjonijiet fuq it-tiġdid u ż-żieda fil-kera li kienu daħlu fl-1929. Din hija l-liġi li għadha magħna sal-lum u li s-sidien qed jilmentaw kontriha. 

Ħmistax-il sena wara, il-Partit Nazzjonalista jemenda din il-liġi, biex il-liġijiet speċjali tal-kera ma baqgħux jgħoddu għall-kirjiet ġodda li jsiru wara l-1 ta’ Ġunju 1995. Għall-bidu dan il-qafas legali ġdid ma tantx kellu effett imma llum l-istorja hija xorta oħra. L-emendi tal-2009, li saru bi qbil taż-żewġ naħat tal-Kamra ma kinux biżżejjed u qalu dan kemm il-Qrati lokali u anke l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. 

*Dawn il-punti ttieħdu minn artiklu ppubblikat fuq il-gazzetta ILLUM u miktub mill-Avukat (illum Deputat) Joe Ellis, liema artiklu jagħti ħarsa lejn il-liġi tal-kera f’Malta

More in Politika