'Nassigurak li Konrad Mizzi ma għamel xejn mingħajr l-approvazzjoni tal-kabinett' - Joseph Muscat

Joseph Muscat jibqa' jiddefendi l-kuntratt kontroversjali li l-Gvern kien iffirma mal-VGH u jelenka x-xogħlijiet li saru

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat xehed fil-Qorti, fil-każ miftuħ mill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, biex ikun iddikjarat null il-ftehim li l-Gvern iffirma mal-VGH u li eventwalment għadda f'idejn Steward Healthcare.

L-eks Ministru Konrad Mizzi, li wkoll kellu jixhed illum, jinsab fi kwarantina u għalhekk għat-tieni darba, ix-xhieda tiegħu ġiet posposta.

Kif għamel meta xehed quddiem l-inkjesta pubblika, waqt ix-xhieda tiegħu, xi ħadd kien qed jaġġorna l-profil fuq Facebook ta' Joseph Muscat b'siltiet mix-xhieda tiegħu.

Aqra wkoll: Fallew ftit wara li bdew; Spjega, pass, pass tas-saga tal-VGH

'Lanqas kien hemm biżżejjed flus biex nixtru l-pirmli u l-mediċina'

Joseph Muscat beda x-xhieda tiegħu jisħaq li meta sar Prim Minstru, is-sistema tas-saħħa kienet niżla biċċiet.

"Lanqas kien hemm biżżejjed flus biex nixtru l-pirmli u l-mediċina aħseb u ara biex noħolqu investiment fis-settur tas-saħħa," insista l-eks Prim Ministru.

Gvern Laburista sab sitwazzjoni fejn il-pazjenti kienu qieghdin jispiccaw fil-kurituri. Id-decizjoni magguri kienet li...

Posted by Joseph Muscat on Monday, 18 January 2021

Saħaq li d-deċiżjoni tiegħu, dak iż-żmien, liema deċiżjoni kienet approvata mill-Kabinett kollu, kienet li l-Gvern idur fuq is-settur privat, mudell li fi kliemu ħalla suċċess fl-amminstrazzjonijiet preċedenti.

L-Avukat ta' Delia, Edward Debono, jistaqsi lil Muscat dwar ftehim li mal-Vitals, qabel inħarġet is-sejħa għall-proposti mill-Gvern.

Kien hemm board tal-ghazla li ha hsieb huwa x-xoghol dwar is-sehem tal-privat fil-qasam tas-sahha. Jien qatt ma ndahlt...

Posted by Joseph Muscat on Monday, 18 January 2021

Muscat ikkonferma li kien iffirmat Memorandum of Understanding qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa, iżda saħaq li dan kien waqa'.

Fi kliemu, dan il-MoU ma kellu xejn x'jaqsam mal-proġett tal-Vitals.

'Id-deċiżjoni kienet tal-Kabinett'

Debono kompla jistaqsi lil Muscat jekk l-aħħar deċiżjoni dwar dan il-ftehim kinitx tiegħu jew inkella tal-Kabinett.

Id-decizjoni dwar is-sehem tal-privat fil-qasam tas-sahha kienet tal-Kabinett u mhux tieghi jew ta' xi Ministru.

Posted by Joseph Muscat on Monday, 18 January 2021

Insista li din kienet deċiżjoni li dwarha qabel il-Kabinett.

Saħaq li hu qatt ma ndaħal fil-proċess tal-għażla.

'Qed jiswa €64,000 kuljum' 

Muscat qal ukoll li mhuwiex minnu li l-Gvern, mit-taxxi, qed iħallas €250,000 kuljum għal dan il-ftehim, kif ġie rrappurtat.

Qal li l-figura vera hija €64,000 kuljum, jew inkella €23 miljun fis-sena.

Insista li l-ftehim se jkun qed jiswa lill-Gvern €250,000 kuljum meta jkunu tlestew ix-xogħlijiet fuq it-tliet sptarijiet u jkunu ntlaħqu l-miri kollha tal-konċessjoni.

M’hu veru xejn li ma sar xejn fl-isptarijiet. Minn dak li niftakar nista nghidlek : Saret skola medika gdid f’Ghawdex....

Posted by Joseph Muscat on Monday, 18 January 2021

Kien hawn, li l-Avukat Debono, insista ma' Muscat li l-ebda mira ma ntlaħqet, iżda Muscat saħaq li dan mhuwiex minnu.

Saħaq ukoll li lanqas ma huwa minnu li l-isptarijiet ma għadhomx tal-poplu. Qabbel il-konċessjoni ma' kirja ta' proprjetà u kompla jiftaħar b'dak li sar fl-isptarijiet.

Fakkar li hemm skola medika f'Għawdex li swiet €35 miljun u anke dipartimenti u servizzi ġodda li qabel ma kinux jeżistu.

Insista kif fl-isptar San Luqa żdiedu 28 sodda u anke hemm ħelikopter ambulanza għal Għawdex.

"Ma tafx x'qed jgħid," kompla jgħid Muscat lill-Avukat Debono.

'Il-privatizzazzjoni kienet l-aqwa triq 'il quddiem'

Kompla jisħaq li kienet tkun deċiżjoni "irresponsabbli" kieku l-Gvern irrifjuta offerta mingħand kumpanija ewlenija Amerikana (Steward) li riedet tinvesti f'Malta.

Meta konna ffacjati b’sitwazzjoni fejn kumpanija ewlenija Amerikana li kienet qed tara kif tespandi l-orizzonti taghha,...

Posted by Joseph Muscat on Monday, 18 January 2021

"Jiena nemmen fis-settur privat. Kellu rwol kruċjali fis-saħħa," saħaq Muscat. "Bħala strateġija, il-privatizzazzjoni kienet l-aqwa triq 'il quddiem. Meta kkritikajt lil Vitals, għamilt dan f'wiċċhom."

€100 garanzija...

Il-mistoqsijiet iduru fuq il-€100 garanzija li l-Gvern intrabat li jagħti lil Steward jekk il-konċessjoni tkun itterminata, anke b'ordni tal-Qorti u tkun xi tkun ir-raġuni.

Saħaq li din il-klawżola kienet garanzija għal bank lokali, li xtaq garanzija mill-istat u li, fi kliem Muscat, ma setgħetx tingħata.

Għalhekk il-Gvern qabel li f'każ li l-kuntratt ikun annullat mill-Qorti, il-Gvern jieħu f'idejh l-iskola medika u jagħmel tajjeb għaliha.

"Dik l-unika ħaġa li niftakar dwar din il-kwistjoni," kompla l-eks Prim Ministru.

Adrian Delia dieħel il-Qorti llum
Adrian Delia dieħel il-Qorti llum

Jibda jistaqsi Adrian Delia...

Jibda jistaqsi l-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, bl-argumenti bejniethom jiħraxu xi ftit tant li l-Maġistrat jiġbdilhom l-attenzjoni.

Delia jibda jisħaq li Vitals ma għamlu xejn. Ifakkru li dawn kellhom iżidu 450 sodda fl-isptarijiet.

Dr Muscat jgħidlu li jista' jiċċekkja l-kuntratt.

"Id-dover tiegħek hawn illum hu li twieġeb," jgħidlu Delia.

'Mater Dei dam snin biex inbena u l-konkrit ma kienx tajjeb...'

Delia jistaqsih dwar l-iskola medika u jekk din kinitx se sservi direttament lill-poplu.

Muscat saħaq li l-Gvern qatt ma ried li l-poplu jibda jħallas għas-servizzi mediċi u għalhekk, biex il-proġett ikun wieħed sostenibbli, riedu li jkun hemm investiment u għalhekk għażlu l-iskola Barts biex tħarreġ l-istudenti.

Hija kwistjoni ta' sostenibbilta. Il-qasam tas-sahha jibqa sostenibbli jekk inkunu kapaci ndahhlu l-flus minnu minghajr...

Posted by Joseph Muscat on Monday, 18 January 2021

Delia jistaqsih x'kien il-pjan oriġinali, b'Muscat jerġa' jwieġbu li l-iskola Barts kellha tagħmel il-proġett vijabbli.

Hawn l-argumenti jisħnu u Muscat idur fuq Mater Dei, jisħaq li dan dam snin biex inbena u l-konkrit li ntuża ma kienx tajjeb

"Inti ġejt hawn titkellem," jgħid Muscat lil Delia.

'Ħadu €250 miljun imma nefqu wkoll'

Delia jfakkar lil Muscat li f'ħames snin, VGH u Steward ħadu €265 miljun. Jistaqsih jekk dan hux minnu u jekk hux vera li €6 miljun marru fil-but ta' Ram Tumuluri, id-direttur tal-VGH, bħala settlement fee

Muscat jisħaq li huwa minnu li ħadu €265 miljun iżda saħaq li nefqu wkoll.

Insista li l-Gvern jivverifika u mhux sempliċiment joħroġ il-flus biss.

'Vitals issodisfaw il-kriterji tal-għażla'

Għal aktar mistoqsijiet ta' Delia, l-eks Prim Ministru saħaq li l-Vitals issodisfaw il-kriterji kollha tal-għażla, hekk kif imniżżla fis-sejħa għall-proposti.

L-Imħallef Depasquale staqsih min għamel dawn il-kriterji, b'Muscat jisħaq li din kienet deċiżjon tal-Gvern.

L-Imħallef jerġa' jistaqsih jekk hux mill-Ministeru, bil-Prim Ministru jisħaq li kien hemm l-approvazzjoni tiegħu wkoll.

'Min issuġġerixxa lil Steward?'

Delia staqsih ukoll min issuġġerixxa lil Steward, jekk hux il-Vitals stess jew inkella l-Gvern. Muscat saħaq li ma jafx.

Qal li ma kienx jaf min huma Steward. Insista biss li l-Gvern ma kien qed ifittex lil ħadd għall-konċessjoni, għax Vitals kienu għadhom hemm.

Delia jistaqih jekk kienx hemm xi klawżola, fil-kuntratt oriġinali, li kienet titlob l-approvazzjoni tal-Gvern f'każ li xi ħadd ieħor ikun se jieħu l-konċessjoni.

Muscat wieġeb iva.

'Konrad ma għamel xejn minn wara dahar il-Gvern'

L-eks Kap Nazzjonalista jistaqsi wkoll lil Muscat jekk Konrad Mizzi kienx iffirma xi ħaġa minn wara dahar il-Gvern.

'Nassigurak li l-Ministru ma għamel xejn mingħajr l-approvazzjon tal-kabinett. Il-bażi tal-kuntratt ma kienx mibdul," wieġeb.

L-Imħallef Depasquale jistaqsih jekk kienx hemm xi bidla f'dawk li huma time-frames, iżda Muscat qal li ma jistax iwieġeb.

Il-każ ikompli fit-8 ta' Frar

Il-każ se jkun qed ikompli fit-8 ta' Frar. Dakinhar, fost oħrajn, se jixhed Konrad Mizzi. Jekk jerġa' ma jkunx jista' jitla' l-Qorti, din id-darba, Mizzi se jkollu jixhed permezz ta'  videoconferencing.

Aktar qabel

Dan il-ftehim kontroversjali kien ikkundannat ukoll mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li kien sab li l-Gvern iffirma Memorandum of Understanding ma' diversi investituri, li eventwalment iffurmat il-VGH, qabel ma kienet saret is-sejħa internazzjonali għall-proposti.

Il-Gvern kien qed iħallas lill-VGH madwar €70 miljun fis-sena.

Is-sena li għaddiet, MaltaToday irrapportat ukoll kif l-eks Ministru Konrad Mizzi kien daħal fi ftehim ma' Steward, f'Awwissu tal-2019, biex jekk xi darba din il-konċessjoni tkun itterminata b'ordni tal-Qorti, tkun xi tkun ir-raġuni, il-Gvern iħallas garanzija ta’ 100 miljun. Dan il-ftehim ifisser ukoll li d-dejn kollu li tkun għamlet il-kumpanija, jgħaddi f'idejn il-Gvern.

Il-każ kompla ġurnata wara li dak żvelat ukoll il-gazzetta MaltaToday, jiġifieri li jinsabu fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u Steward biex dan il-ftehim jinbidel.

Fil-fatt jidher li l-Gvern qed jippjana biex jieħu lura f'idu l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-isptar Karin Grech u anke l-isptar San Luqa. Hu mifhum li l-Ministri ġew murija d-dettalji ta' dan il-pjan u li effettivament se jfisser li l-isptarijiet jerġgħu jiġu f'idejn il-Gvern.

Madanakollu, skont ir-rapporti, il-Gvern jidher li qed jaqbel li Steward Healthcare, jibqgħu jimmaniġjaw l-isptarijiet u anke jkunu responsabbli miż-żamma tagħhom u t-tagħmir li jkun hemm bżonn.

Aqra wkoll:

More in Politika