Projects Malta inqabżet fil-proċess għal ftehim mal-VGH u kollox kien f'idejn Konrad Mizzi - William Wait

William Wait, eks Direttur ta' Projects Malta, jgħid illi kuntrarjament għan-norma, il-Ministeru mexxa' kollox fir-rigward tal-proġett mal-VGH

L-eks Ministru Konrad Mizzi, intervistat mill-gazzetta ILLUM | Ritratt: James Bianchi
L-eks Ministru Konrad Mizzi, intervistat mill-gazzetta ILLUM | Ritratt: James Bianchi

Il-proċess ta' privatizzazzjoni ta' tliet Sptarijiet pubbliċi kienet kollha f'idejn l-eks Ministru Konrad Mizzi bil-Projects Malta tingħata l-ġenb b'mod assolut.  Intant €100 miljun f'garanzija lanqas biss għaddiet mill-Ministeru tal-Finanzi. 

Hekk irriżulta fil-Qorti illum fil-każ kontra l-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare, kumpanija bla esperjenza fil-qasam tas-saħħa li l-Ultimate Beneficiary Owner tagħha fil-British Virgin Islands qatt ma kien magħruf u li r-rappreżentant tagħha f'Malta instab ħati ta' serq minn klijenti fil-Kanada.  Huwa d-Deputat Nazzjonalista u eks Kap tal-PN Adrian Delia li fetaħ din il-kawża, sabiex dan il-kuntratt li mbagħad għadda għand Steward Healthcare jiġi ddikjarat null.

Din ix-xhieda taha William Wait quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale.  Wait huwa eks Direttur ta' Projects Malta.

Mistoqsi mill-avukat Edward Debono dwar jekk il-proġett kienx fait accompli huwa wieġeb:  "Ma nafx għax jiena kont involut fi stadju iktar tard.  Meta waslet ir-rikjesta għall-proposti, ma kontx qed naħdem hemm."  Wait qal li Projects Malta inqabżet mill-proċess u l-proġett mar dritt għand il-kabinett.

"Jiġifieri l-irwol ta' Projects Malta kien wieħed sempliċiment segretarjali?" staqsa l-Imħallef, bit-tweġiba tkun, "iva". 

Normalment, kompla jispjega, Projects Malta kienet tappunta kumitat ta' evalwazzjoni u ieħor operazzjonali "imma f'dan il-każ projects Malta kienet għadha tibda u kienet imwaqqfa minn Konrad Mizzi.  Il-proġett tmexxa kollu mill-Ministeru."

L-avukat Debono staqsa:  "Jiġifieri qed tgħid li f'kuntratt ta' €2 biljuni Projects Malta kienet biss għax-show?'

Wait qal li Projects Malta irċeviet ir-rikjesta għall-proposti f'envelop issiġillat li ttieħed dritt Kastilja, għal quddiem il-Kabinett. 

"Jiġifieri bikhom u mingħajrkhom il-proġett kien kollu f'idejn il-Ministeru ta' Konrad Mizzi," irrimarka l-avukat Edward Debono.  "Iva, apparti mill-aspett amministrattiv."

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi Alfred Camilleri sostna li l-Ministeru ma kellux x'jaqsam mal-garanzija ta' €100 miljun li qal illi fil-verità ma kinitx garanzija.  "Aħna ma konniex involuti imma l-fatt li ma nafx jekk din kinitx approvata minn xi ħadd ieħor ma jfisser xejn."

Camilleri qal li l-proġett al-VGH  ma kellux x'jaqsam ma' Projects Malta minħabba li kien proġett tal-Gvern "mill-bidu sal-aħħar."  Saħaq li kienet konċessjoni wara rikjesta għal proposti u l-awtorità f'dan il-każ kien u għadu l-Ministeru."

Camilleri jammetti iżda li dan ma' kienx xiri normali imma konċessjoni ta' servizz.  Huwa jfakkar kif il-leġiżlazzjoni dwar dawn it-tip ta' konċessjonijiet iddaħlet sena wara.

More in Politika