VGH/Steward | L-ewwel €1.8 miljun kull sena ‘fuqna’

Il-Gvern intrabat li jibqa’ joħroġ €1.8 miljun fis-sena għall-Isptar ta' Għawdex...

Minkejja li l-isptar ta’ Għawdex ingħata lill-Vitals Global Healthcare fl-2015, fil-kuntratt li kien iffirmat bejn il-Gvern u l-istess VGH, il-Gvern intrabat li jibqa’ joħroġ l-ispiża rikorrenti għall-istess sptar. Skont il-Baġit imressaq fl-2014 għas-sena 2015, il-Gvern alloka €1,846,000 għall-‘kostruzzjoni u tagħmir’ fl-isptar ta’ Għawdex. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li dan l-ammont baqa’ joħroġ hekk kif stipulat fil-kuntratt mal-VGH fl-2016, liema partijiet minnu kienu ċċensurati. Il-partijiet iċċensurati jinkludu dik illi fiha l-Gvern qabel li xorta jibqa’ joħroġ €1.8 miljun fis-sena u magħhom iżid persentaġġ li jkun ikopri l-inflazzjoni.

Dan il-fatt jista’ jispjega aħjar u jikkonferma l-istejjer li kienu ppubblikati fuq din il-gazzetta dawn l-aħħar ġimgħat, primarjament dik li trattat tender biex jinxtara apparat li se jintuża fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, wara li l-Gvern kien iffirma l-ftehim mal-VGH.

Nhar il-Ħadd 25 ta’ Frar 2018 din il-gazzetta rrappurtat kif nhar it-30 ta’ Jannar 2018, fl-istess ħin li kienu għaddejjin in-negozjati ma’ Steward Healthcare għall-bejgħ ta’ tliet sptarijiet il-Gvern ħareġ tender ta’ €807,000 għal lista sħiħa ta’ apparat u prodotti għall-proċeduri tal-Laparoscopy u Thoracoscopy. Dan jiżdied, kif fil-fatt kienet irrappurtat din il-gazzetta wkoll, mal-madwar €3.6 miljun li kien intefaq f’tagħmir mediku fl-istess sptar fl-2012, 2013 u 2014, fosthom b’nefqa ta’ €760,400 f’sodod elettroniċi biss. Jiżdied ukoll proġett f’titjib fit-teatri tal-operazzjonijiet fl-istess sptar. F’dan il-każ il-finanzjament kien maqsum bejn dak lokali u dak minn fondi Ewropej. Fil-każ tat-tender ippubblikat aktar kmieni din is-sena il-finanzjament kien kollu mill-baġit lokali.

Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi l-Gvern intrabat li jixtri consumables, u allura apparat li mhux dejjiemi, sal-ammont tal-ispiża li kien joħroġ sal-2014, u l-privat iħallas dak kollu li jiswa iktar minn hekk. “Il-Gvern fil-fatt ma ħareġ xejn żejjed, milli kien qed joħroġ sa qabel,”  sostniet il-persuna li tkellmet mal-ILLUM.

Fl-2017 kien irrappurtat illi l-Gvern intrabat li jagħti lill-konċessjonarju madwar €60 miljun fis-sena biex jixtri servizzi mediċi. Dan qatt ma kien ikkonfermat jew innegat mill-Gvern, bħalma qatt ma kien innegat jew ikkonfermat li t-tagħmir tal-isptar, inkluż dak kollu li kien għadu kif inxtara, inbiegħ għal €1.

Il-Gvern kien intrabat li jżomm il-ħaddiema kollha hu fuq il-kotba tiegħu u allura jħallas il-pagi hu.

Sadanittant l-aħħar tender  ta’ €807,000 li ħareġ u li dwaru l-ILLUM irrappurtat ma baqax jidher fuq is-sit etenders.gov.mt ftit wara l-istorja ppubblikata.

F’kuntatt ma’ din il-gazzetta Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa kkonfermat li t-tender ġie temporanjament  ‘sospiż’ wara oġġezzjoni fuq bażi li xi speċifikazzjonijiet ta’ apparat li l-Gvern qed jitlob li jixtri kellhom jinbidlu. Hi ċaħdet illi l-fatt li ma baqax jidher għandha xi ħaġa x’taqsam mal-istorja u insistiet li dan it-tender se jerġa’ jkun ippubblikat fiż-żmien li ġej.

Intant aktar kmieni din il-ġimgħa kien ikkonfermat li Steward Healthcare neħħiet lil xi ħaddiema mill-Isptar Karin Grech. Iċċarat li dawn il-ħaddiema kienu parti mill-amministrazzjoni tal-istess sptar u mhux ħaddiema fuq il-kotba tal-Gvern.

F’kuntatt mas-sit illum.com.mt il-kumpanija Steward Healthcare sostniet li hija kommessa li tara li jkun hemm ir-riżorsi kollha dejjem disponibbli għall-pazjent għalkemm żiedet tgħid ukoll li biex isir il-progress jeħtieġ jittieħdu deċiżjonijiet diffiċli.

More in Politika