Żbalji, nuqqas ta' konsultazzjoni u Memorandum - Dak li qal l-Awditur fuq il-kuntratt mal-VGH

Nies li ma ġewx ikkonsultati - inkluż il-Kabinett, ħadd ma jinżamm kontabbli, ftehim qabel biss il-Gvern jibda proċess suppost kompettitiv ta' tendering, gideb u aktar.  Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-rapport tal-Awditur dwar l-għoti tal-konċessjoni ta' tliet sptarijiet lill-VGH

Vitals Global Healthcare (VGH) hija kumpanija li qatt ma konna smajna biha sa qabel ingħatat b'konċessjoni ta' tliet sptarijiet pubbliċi għal 99 sena.  Minn hemmhekk bdiet saga li għad trid tinħall, kobba magħquda waħda sew b'ħafna mistoqsijiet u dubji.  Il-ġimgħa li għaddiet l-Awditur Ġenerali (NAO) ippubblika rapport  - minn sensiela ta' tlieta  - li fih jagħti ħarsa lejn l-għoti ta' dawn l-isptarijiet lill-VGH.  Il-gazzetta ILLUM qed tippubblika ħarsa lejn l-iktar punti saljenti minn dan ir-rapport biex dawk kollha li ma qrawhx ikunu jafu x'qed jgħid, x'mistoqsijiet qed iqajjem u x'konklużjonijiet wieħed jista' jasal għalihom. 

Kollox f'idejn Konrad!

Ir-rapport tal-NAO jagħmel ċar u juri tħassib diversi drabi dwar il-fatt li ħafna ma kinux ikkonsultati mill-Ministru tal-Enerġija u s-Saħħa - dak iż-żmien Konrad Mizzi - li taħtu kellu lil Chris Fearne bħala Segretarju Parlamentari għas-Saħħa. Kollox jindika illi kollox kien f'idejn Mizzi. 

 1 - L-NAO qal illi kellu "tħassib gravi" espress f'punt 5.2.13 illi s-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa "ma kien involut bl-ebda mod li huwa importanti fil-formolazzjoni tal-konċessjoni għall-Isptarijiet u fuq il-vijabbilità tal-proġett." L-Awditur jgħid illi l-Ministeru (Mizzi) mexxa 'l quddiem bil-proġett "b'konsultazzjoni limitata" mas-Segretarjat Paralmentari kif ukoll mal-istakeholders fil-qasam tas-saħħa, minkejja li dan kien proġett fil-qasam tas-saħħa. 

2 - L-NAO jgħid li meta wieħed jiftakar li dan il-ftehim mal-VGH kien se jaffetwa tant nies  fil-qasam tas-saħħa li jaħdmu mal-Gvern, il-fatt li Mizzi ma kkonsultax lil Fearne hija xi ħaġa "li ma tistax tinfthiem."

3 - Imma mhux biss!  L-NAO jgħid illi l-Kabinett ma kienx informat b'mod tajjeb dwar il-proġett lanqas u jfakkar li l-Kabinett tal-Ministri kien involut fi kwistjonijiet li l-NAO jgħid li mhumiex importanti. Jgħid hekk: "Il-Kabinett intalab l-appovazzjoni fuq leġiżlazzjoni qabel il-ħruġ tal-Rikjesta għall-Proposti (RfP)  - kwistjoni periferali meta tqis il-kuntest tal-konċessjoni."

4 - Minkejja li nħarġu miljuni mit-taxxi tal-poplu il-Ministeru tal-Finanzi "la kien jaf, la kien ikkonsultat u lanqas kien ipprovdut b'biżżejjed informazzjoni fuq il-proċess ." Ir-rapport jgħid li dan jirrifletti ħażin  fuq il-koordinazzjoni bejn il-Ministeri fuq dan il-proġett. 

5 - Anke fuq ir-rapport ta' vijabbilità  - li dwaru l-NAO jirriżerva l-kritika, uffiċjali tas-Segretrjat Parlamentari dak iż-żmien immexxi minn Chris Fearne jgħidu illi ma kinux jafu b'dan il-proċess li wassal għal rapport ta' vijabbilità.

Kollox maħdum bizilla minn qabel?

Inti u taqra dan ir-rapport ma tistax ma tistaqsix lilek innifsek jekk kollox kienx maħdum minn qabel.  U l-NAO ma tantx iħalli wisq għall-immaġinazzjoni.

1 - Ta' interess partikolari f'din is-saga kollha huwa ftehim li sar  - u li kien ippreżentat fil-Qorti minn wieħed mis-sieħba fil-VGH  (Dr. Ratehalli) li huwa datat t-23 ta' Novembru 2014 - tliet xhur qabel il-Gvern ippubblika r-Rikjesta ta' Proposti (RfP)

 2 - Dan il-ftehim kien bejn Ambrish Gupta irrapreżentat minn Ratehalli f'isem AGMC Inc., Portpool Investiments irrapreżentata minn Ram Tumuluri - wieħed mid-Diretturi tal-VGH u Bluestone Special Situation 4 Ltd li hija l-unika shareholder ta' Bluestone Investments Malta li tmexxi lill-VGH flimkien mal-Gvern.  Dan ifisser li l-ftehim kien bejn il-Gvern u n-nies li mbagħad iffurmaw il-VGH, qabel proċess ta' tendering.

3 - Dawn flimkien daħlu fi ftehim biex "tkun żviluppata faċilità ta' klassi għolja ta' saħħa."  Dawn flimkien kellhom ikollhom sehem ta' 70%  fil-proġett.

4 - Il-proġett - x'kumbinazzjoni! - huwa kważi eżatt dak li xhur wara rebħet il-VGH wara proċess suppost kompettitiv.  Dan il-proġett kien - it-teħid u tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, il-bini ta' sptar ieħor ta' 200 sodda ħdejn dak preżenti f'Għawdex biex isir sptar għat-tagħlim, il-bini ta' faċilità li fiha jgħixu l-istudenti u l-akkwist tal-Isptar San Filippu u/jew San Luqa

5 - Gupta qabel li jħallas $425,000 li kellu jgħaddi lil Bluestone b'$150,000 jitħallsu dakinhar li sar il-ftehim.  Gupta sar imbagħad is-sid ta' 25% tal-ishma ta' Bluestone Investments Ltd. 

6 - Konrad Mizzi qal li hu ma kienx parti minn dan il-ftehim, ma kellux kopja tiegħu, ma ffirmahx u ma kienx jaf min iffirmah

7 - Il-Kap Eżekuttiv ta' Malta Enterprise qal li l-entità ma kinitx parti minn dan il-ftehm, ma ffimartux u ma kellhiex kopja tiegħu

8 - L-NAO qal illi saru diversi rikjesti imma dan il-dokument ħadd ma għaddijulu

9 - Wara li l-PM Robert Abela qal li dan ma setax jinstab u ordna li jinstab, ġie mgħoddi lill-Uffiċċju tal-Awditur

10 - L-NAO jgħid li dan ir-rapport u l-fatt li l-Gvern (qabel) ma riedx jgħaddieh "jitfa' l-akbar dellijiet fuq il-validità tal-konċessjoni mogħtija mill-Gvern, għax fir-realtà kollox jidher illi kien maqbul minn qabel u li l-proċess ta' għażla kien biss intenzjonat bħala eżerċizzju superfiċjali li wassal għal riżultat ddeterminat (minn qabel)."

Due dilgence - 'Faqar'

Due Diligence huwa l-proċess li permezz tiegħu ikun studjat il-passat ta' persuna qabel tingħata kariga jew tender. 

1 - L-NAO fir-rapport jgħid li proċess bħal dan jeħtieġ due diliġence li huwa estensiv. Jgħid illi huwa raġovevoli li wieħed jistenna illi fi proċess ta' evalwazjoni bħal din ikun hemm element ta' due diligence fuq kull min juri interess "u aktar u aktar fuq min ikun il-bidder preferut."  L-NAO jisħaq illi f'dan il-każ  id-due diligence kienet "fqira". 

2 - L-NAO jistaqsi kif ċerti mistoqsijiet ma sarux - bħal per eżempju kif il-proġett, skont il-VGH , ma kienx se jkun vijabbli jekk mhux bit-turiżmu mediku fuq strateġija bbażata fuq emfitewsi ta' 99 sena - meta oriġinarjament ir-Rikjesta għall-Proposti kienet tgħid li l-emfitewsi kien ta' 30 sena.

3 - Ir-rapport jistaqsi kif jista' jkun li ma sarux mistoqsijiet fuq il-vijabbilità ta' proġett massiċċ bħal dan meta kien ċar li l-kumpanija lanqas biss kellha 'set up' u mitlubin jagħtu kuntatti ngħata numru u tal-mobile u email personali ta' direttur minflok numru tal-uffiċċju.

4 - Ir-rapport ifakkar - illi l-kumpanija VGH li kellha tagħmel dan il-proġett multi miljunarju u kbir kienet iffurmata sitt ijiem biss qabel ħarġet ir-Rikjesta tal-Proposti (RfP).  Jiġifieri l-VGH ġiet iffurmata nhar it-13 ta' Mejju 2015 u l-R(f)P ħarġet fid-19 ta' Mejju 2015

Rapport ta' vijabilitá "fqir" ukoll

Ir-rapport tal-Awditur huwa skjaċċanti wkoll fejn jirrigwarda r-rapport ta' vijabbilità tal-proġett. 

1 - Ir-rapport jgħid illi l-opinjoni ġenerali tal-NAO dwar ir-rapport ta' vijabbilità kien illi dan "jikkostitwixxi analiżi superfiċjali tal-konċessjoni possibbli ta' tliet sptarijiet pubbliċi." 

2 - L-NAO jagħti r-raġunijiet u jgħid illi ma kien hemm l-ebda ħsieb kritiku u analiżi indipendenti u li dan kien evidenti fir-rapport.  Hu qal illi dan ir-rapport ta' vijabbilità kien biss repetizzjoni tal-intenzjoni għall-użu aħjar tas-siti hekk kif espress mill-Ministeru. 

3 - Ipoġġi aktar dubju fuq l-integrità tal-proċess. Hu jikkwota l-minuti ta' laqgħa ta' Projects Malta f'Awwissu 2014 u allura bosta xhur qabel biss inħarġet Rikjesta għall-Proposti (RfP).  Jispjega kif dawn juru illi l-Gvern kien diġa' deċiż kif se jsir il-proġett u n-natura tal-konċessjoni ħafna qabel ma fil-fatt kien sar studju ta' vijabbilità. 

4 - "L-istudju ta' vijabbilità suppost kien evalwazzjoni estensiva interna u iktar konsultazzjoni esterna.  Minkejja dan l-NAO ma kinitx provduta b'informazzjoni jew dokuementazzjoni li tistudja dawn l-istadji kruċjali fil-proċess ta' deċiżjonijiet.  Dan tefa' aktar dubji fuq il-proċess superfiċjali u mhux komplet li kellu jiddetermina l-vijabbilità tal-proġett," isostni l-Awditur f'punt 5.2.27.

Bla awtorizzazzjoni Ministerjali!

Punt ieħor li dwaru l-NAO wera' tħassib serju kien in-nuqqas ta' awtorizazzjoni għall-konċessjoni ta' tliet sptarijiet pubbliċi. 

1 - Ir-rapport jisħaq illi ta' tħassib kbir kien "li ma kienx hemm awtoriżazzjoni Ministerjali għal din il-konċessjoni.  Dan jirriżulta fis-sitwazzjoni assurda fejn tliet sptarijiet jiġu mgħoddija lil terzi mingħajr ħadd ma jassumi responsabilità  għal din id-deċiżjoni" - jisħaq l-Awditur Ġenerali. 

Ir-riskju fuq il-Gvern...minflok fuq il-privat

1 - L-Awditur Ġenerali kien skjett ukoll dwar in-natura ta' ġarr tar-riskju.  Huwa jġib diversi eżempji u anke każi fil-Qorti li juru illi f'privatizzazzjoni l-bilanċ tar-riskju dejjem imur mill-Gvern (pubbliku) għall-privat.  Jiġifieri l-Gvern jagħtik il-proprjetà u l-ishma imma mbagħad tħallas inti jekk tfalli.  Dan jissejjaħ 'Services Concession'

2 - Fil-każ tal-VGH l-NAO jisħaq illi minkejja li din kienet 'services concession' ir-riskju baqa' b'mod qawwi kontra l-Gvern, "bil-VGH iggarantita dħul mill-Gvern irrispettivament mill-bidliet fil-prezzijiet determinati mis-suq filwaqt li r-riżosra umana baqgħet f'idejn il-Gvern - bil-Gvern fil-fatt iħallas il-pagi tal-ħaddiema f'dawn l-isptarijiet (xi ħaġa li ma tiġrix f'privatizzazzjoni ta' din il-kwalità).

Gidba!

Interessanti kif fid-Dikjarazzjoni ta' Unur iffirmata minn Ram Tumuluri huwa ddikjara li huma (inkluż hu) qatt ma kienu f'sitwazzjonijiet ta' falliment u qatt ma kienu misjuba ħatja fuq każi li jirrelataw il-ġudizzju professjonali tagħhom. 

Ram Tumuluri kien imexxi kumpanija oli falliet - hu jgħid li ma fallietx  - iswed fuq l-abjad hemm deċiżjoni mil-Qorti tal-British Columbia fil-Kanada li ssib lil Tumuluri ħati illi fil-lukanda li kien imexxi - u allura li kien qed jidher għaliha hu (Nikita Lake Lodge) insterqu flus ta' bookings li kienu saru minn klijenti. 

More in Politika