Delia ma jitlobx biex jixhed dwar l-allegazzjoni ta' flus mingħand Yorgen ... Jgħid li ma għandu l-ebda provi x'juri

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi lill-Kap tal-Oppożizzjoni għaliex ma kienx talab biex jixhed immedjatament quddiem l-Inkjesta Maġisterjali li qed tinvestiga din l-allegazzjoni serja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, ikkonferma mal-gazzetta ILLUM kif hu għadu qatt ma xehed jew talab biex jixhed fl-Inkjesta Maġisterjali li qed tinvestiga l-allegazzjonijiet serji li saru dwar flus li allegatament tah Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, biex jintużaw kontra David Casa fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet.

Sorsi u esperti tal-Qorti li tkellmu mal-gazzetta ILLUM insistew li Adrian Delia, seta' kieku ried, jippreżenta rikors biex mhux jistenna lill-Maġistrat Doreen Clarke ssejjaħlu biex jixhed, iżda jkun hu stess li jitlob li jitla' jixhed biex jagħti l-verżjoni tiegħu dwar din l-allegazzjoni serja li għamel fil-Qorti Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi għaliex ma għamilx dan, anke biex inaddaf ismu minnufih minn din l-allegazzjoni, il-Kap Nazzjonalista wieġeb hekk: "Ma ressaqt l-ebda rikors għax ma għandi l-ebda evidenza jew informazzjoni ċara li tista' titfa' dawl fuq jekk qatt ġejtx avviċinat, irċevejt jew tlabt xi ħaġa. Ma għandi l-ebda informazzjoni fir-rigward."

Qal biss illi li kieku kellu tali informazzjoni jew inkella evidenza oħra, kien iressaqha minnufih.

Fakkar li kien ħa affidavit fejn "ħalef" li ma għandu l-ebda involviment fil-kwistjoni u dejjem żamm lilu nnifsu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet.

Ta' min ifakkar li allegazzjoni simili kien għamilha wkoll David Thake, illum Deputat Nazzjonalista. Thake kien qal li kienet waslitlu informazzjoni li tgħid li kienet saret offerta lill-PN ta' €50,000 jekk Casa ma jkunx elett. Fil-fatt, Thake, diġà xehed quddiem din l-inkjesta.

Apparti Theuma u Thake, meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-eks Chief of Staff ta' Kastilja, Keith Schembri, ukoll qal li Fenech kien qallu li Delia kien talbu €50,000 biex jintużaw kontra Casa.

Schembri kien qal ukoll li l-eks Kap tal-Midja tal-PN u wieħed mill-aktar persuni viċin ta' Delia, Pierre Portelli, kien imur Portomaso biex jiġbor €20,000 kull darba mingħand l-istess Fenech. Anke Portelli ċaħad l-allegazzjoni, għalhekk lanqas hu għadu qatt ma xehed quddiem din l-inkjesta.

Jidher li din il-kwistjoni kollha kienu tqajmet ukoll minn uħud mid-Deputati li sfiduċjaw lil Delia waqt waħda mil-laqgħat jaħarqu tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista fix-xhur li għaddew.

X'kienet żvelat il-gazzetta ILLUM u x'qalilna Delia fl-aħħar jiem?

Wara dan, kien tkompla tpoġġa dubju dwar Delia u Portelli meta fil-midja kienu ħarġu allegati Whatsapp Chats bejn Fenech u l-Kap Nazzjonalista. Fenech kien allegatament talab lil Delia biex jirranġa ikla bejniethom. Dan kien Frar tal-2019. The Sunday Times of Malta kienet irrapportat kif Delia wieġeb lil Fenech jgħidlu li se jgħid lil Portelli biex jorganizza kollox. Delia dejjem ċaħad dan kollu.

Intant, fil-ġimgħat li għaddew, il-gazzetta ILLUM żvelat kif f'Ottubru mistennija jiġu esebiti fil-Qorti aktar minn 700 messaġġ li Pierre Portelli kellu ma' Fenech.

Għalkemm is-sorsi tal-ILLUM ma setgħux jikkonfermaw jekk l-allegazzjoni msemmija hawn fuq hijiex sostnuta f'dawn iċ-chats, qalu li jista' jkun hemm messaġġi jew xi kommunikazzjoni dwar storja kontra David Casa u li fiha jissemma' wkoll l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u li allegatament kellha tidher fuq il-gazzetta l-Orriżont.

Meta mistoqsi dwar dan, Portelli kien qal li "ma għandux amment." Qal ukoll hekk: "M'għandix rekords ta' messaġġi ma' Fenech, inneħħi messaġġi li mhumiex importanti u le, u ma niftakarx li kelli ħafna messaġġi miegħu."

Intant, f'intervista li Delia kellu fl-aħħar jiem ma' Delia, meta mistoqsi dwar din l-allegazzjoni tal-flus mingħand Yorgen Fenech, huwa wieġeb hekk: “Nirriżenja biss jekk għamilt xi ħaġa ħażina. Ma nxtrajtx, ma ħadtx flus, ma ħallasni ħadd biex ngħid xi ħaġa. Qatt ma kont irrikattat.”

Delia kien fetaħ protest kontra Jason Azzopardi u Azzopardi sfidah...

Ta' min ifakkar ukoll li l-Kap Nazzjonalista kien fetaħ Protest Ġudizzjarju kontra d-Deputat Jason Azzopardi jisħaq li dan qed jaqla' qlajjiet dwaru u li qed jimmalafamah meta qed jgħid, f'messaġġi, li hemm aktar chats bejn Delia u Fenech u li għad iridu joħorġu aktar dettalji dwar il-flus imsemmija aktar 'il fuq.

Intant, Jason Azzopardi kien wieġeb lil Delia b'kontro protest. Huwa kien indika li teżisti prova forensika fil-mobile ta' Yorgen Fenech li turi kommunikazzjoni jew laqgħat li saru bejn Delia u Fenech. Sfidah ukoll biex minn minnhom jirriżulta li qed jigdeb, jirriżenja immedjatament.

More in Politika