Esklussiva | Delia jiftaħ protest ġudizzjarju kontra Jason Azzopardi talli qed 'ixerred gideb u jipprova jħammġu'

Fi Protest Ġudizzjarju Adrian Delia jgħid illi Azzopardi qed ixerred il-malafama fuqu u jgħid li hemm konverżazjonijiet bejnu u Yorgen Fenech, li jippruvaw illi l-akkużat għadda l-flus lil Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni fetaħ Protest Ġudizzjarju kontra d-Deputat Jason Azzopardi fuq "qlajjiet" u "malafama" li d-Deputat allegatament qed jagħmel kontra Delia fis-sigħat ta' qabel il-votazzjoni għada tal-Kunsill Ġenerali, jista' jiżvela dan is-sit. 

L-illum.com.mt huwa infurmat illi Delia fetaħ dan il-protest wara li qed jallega li Azzopardi "ħammġu", "immalafamah" u "gideb fuqu" meta qed jindika ma' nies illi hemm aktar messaġġi bejn Adrian Delia u Yorgen Fenech, l-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Dan is-sit jinsab infurmat illi Azzopardi allegatament qal li hemm aktar messaġġi li se joħorġu fir-rekordings li juru illi l-pagament ta' eluf ta' ewri vera seħħ bejn Yorgen Fenech u Delia - u dan biex allegatament David Casa ma jkunx elett.  Illum fil-Qorti Casa qal li hu m'għandux il-provi li jissotanzjaw din l-allegazzjoni li saret minn tnejn minn nies fil-Qorti u indikata minn ieħor.

Il-persuna li kixfet din il-konverżazzjoni lesta tixhed fuq dak li qallha Azzopardi, jgħid il-Protest. 

Fil-protest ġudizzjarju  - dan is-sit jinsab infurmat - Delia jgħid li kieku vera kellu din l-informazzjoni Azzopradi messu ħa azzjoni dakinhar.  "X’kienet ir-raġuni għala ma marx għand il-Pulizija b’din l-informazzjoni f’Jannar iżda minflok qiegħed proprju jxerred qlajjiet foloz u mhux veri issa? Ir-raġuni veru u proprja hija li Azzopardi qiegħed jara kif jagħmel min kollox sabiex iħammeġ isem Delia," jgħid il-Protest iffirmat mill-avukat ta' Adrian Delia. 

Il-Kap Nazzjonalista jagħmel twissija biex Azzopardi jieqaf ixerred "din il-malafama" u qal li dawn huma tattiċi li ma jagħmlux ġieħ, la lil Azzopardi u wisq inqas lill-PN. 

Għada l-Kunsill Ġenerali se jkompli jitlaqqa' f'jum ta' votazzjoni illi fih il-Kunsilliera se jagħżlu:  Jew it-tesserati jivvutaw f'vot ta' fiduċja f'Delia jew imorru għal elezzjoni għal Kap ġdid, li għaliha Delia mistenni joħroġ ukoll.  

More in Politika