Esklussiva | Eluf ta' Whatsapp chats ta' Yorgen f'idejn il-Europol u esebiti fil-Qorti dalwaqt

Fi tmien xhur: Aktar minn 2,000 messaġġ bejn Fenech u membru tal-Kabinett - Aktar minn 800 messaġġ bejn Fenech u Keith Schembri - Aktar minn 700 messaġġ bejn Fenech u Pierre Portelli - ... u l-messaġġi li kellu Delia.  Kollox mistenni jkun esebit fil-Qorti mill-Europol f'Ottubru

Eluf ta' chats investigati u mistennija jkunu esebiti f'Ottubru
Eluf ta' chats investigati u mistennija jkunu esebiti f'Ottubru

Il-gazzetta ILLUM tinsab f'pożizzjoni li tiżvela illi x-xahar d-dieħel fil-Qorti l-Europol, li qed taħdem fuq il-każ tal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, se tkun qed tesebixxi eluf ta' messaġġi permezz tal-Whatssapp li Yorgen Fenech kellu ma' diversi persuni ta' interess u li kienu kemm ċentrali jew parti mill-Gvern ta' Joseph Muscat jew inkella li kellhom karigi u kienu qrib it-tmexxija preżenti tal-Partit Nazzjonalista, primarjament Adrian Delia. 

Il-messaġġi li mistennija jiġu esebiti f'Ottubru saru bejn Jannar u Settembru tas-sena 2019 - f'liema xhur kien diġa' ġie żvelat li Fenech kien sid il-kumpanija bbażata fid-Dubaj, 17 Black. 

Aktar minn 2,000 Whatssapp chat ma' membru tal-Kabinett (preżenti) fi tmien xhur

Fil-fatt sorsi ta' din il-gazzetta  żvelaw  illi se jiġu esebiti aktar minn 2,000 messaġġ fuq Whatsapp li Fenech kellu ma' membru tal-Kabinett f'dan il-perjodu ta' żmien.  Għalissa għadu mhux ċar ma' din il-gazzetta min tista' tkun din il-persuna, imma hu ċar illi kien hemm konverżazzjonijiet diversi bejn it-tnejn.  Lanqas mhu ċar jekk il-messaġġi mibgħutha kinux ta' natura personali. 

Keith Schembri
Keith Schembri

Aktar minn 800 messaġġ lill-"ħabib tal-qalb"

Minkejja li din il-gazzetta ma ratx messaġġi u ma tafx dawn l-eluf ta' messaġġi fuq Whatssapp x'fihom, tista' tiżvela wkoll li hemm aktar minn 800 messaġġ li għadda bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri, li matul dan il-perjodu kien Chief of Staff f'Kastilja u li jirriżulta mix-xhieda li ta hu stess illi hu kien "ħabib tal-qalb" ta' Fenech, filwaqt li mix-xhieda li ħarġet din il-ġimgħa tal-Ispettur Kurt Zahra jirriżulta li l-istess Fenech kellu group chat ma' Schembri u mal-eks PM Joseph  Muscat. 

Kien Fenech li akkuża, waqt li kien qed jiġi interrogat, lil Schembri illi huwa l-mandant tal-qtil ta' Caruana Galizia, li dan ħallas sa €80,000 għal dan l-assassinju u li kien qed jgħaġġlu biex dan l-assasinju jsir. 

'M'għandix amment ... ma niftakarx' - Pierre Portelli

U finalment din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll li f'Ottubru mistennija jiġu esebiti aktar minn 700 messaġġ li Pierre Portelli kellu mal-intraprenditur akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  

Portelli kien il-persuna li ressaq lil Delia 'l quddiem fl-2017 bħala Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li ingħata l-inkarigu ta' Medialink minn Delia u li għandu akkuża fuq rasu - liema akkuża hu qed jiċħad - li saret minn Keith Schembri f'xhieda ġuramentata.  L-eks Chief of Staff f'Kastilja kien qal fil-Qorti illi Portelli kien imur jiġbor flus li allegatament Fenech kien għadda lil Adrian Delia biex  - fost oħrajn - David Casa ma jkunx elett. 

Keith Schembri kien qal hekk fil-Qorti:  "Qabel dan kollu, Fenech kien stmat ħafna ... Fenech qalli li politiċi kienu jmorru għandu, jieklu miegħu, jitilqu fis-sakra u wara jitolbuh il-flus." insista Fenech.

"Il-Kap tal-Oppożizzjoni darba mar u talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' Casa. Kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar. Dan seħħ fuq bażi regolari. Ġieli stennew għal siegħa biex jieħdu l-flus," kompla Schembri.
"Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019."

Portelli kien ċaħad din l-akkuża kif ċaħad Delia u t-tnejn kienu għamlu affidavit jgħidu li dak li qal Schembri ma kienx minnu.
Kien id-Deputat Nazzjonalista David Thake l-ewwel li indika dawn il-flus f'mistoqsija lil Delia fuq Xarabank, filwaqt li Melvin Theuma għamel referenza għalihom ukoll fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza.  Hu jgħid li Fenech qallu dwar dawn il-flus.

Għalkemm is-sorsi tal-gazzetta ILLUM ma setgħux jikkonfermaw jekk din l-allegazzjoni hix se tkun sostnuta jew hemmx messaġġi li jirriflettu dan u li se jiġu esebiti f'Ottubru, qalu lil din il-gazzetta li jista' jkun hemm messaġġi jew xi komunikazzjoni dwar storja  kontra David Casa u li fiha jissemma' wkoll b'mod negattiv l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil u li allegatament kellha tidher (jew dehret) fuq il-faċċata tal-gazzetta l-Orizzont. 

Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Pierre Portelli u mistoqsi dwar messaġġi li jitrattaw stejjer kontra Casa, Portelli sostna illi 'm'għandix amment.  Ma niftakarx li bgħatt messaġġ dwar xi storja lil Yorgen Fenech."

Filwaqt li ma ċaħadx illi kellu kuntatt ma' Fenech fil-perjodu msemmi, meta mistoqsi jekk fil-fatt intbagħatux "ħafna" messaġġi, Portelli wieġeb:  "M'għandix rekords ta' messaġġi ma' Fenech, inneħħi messaġġi li mhumiex importanti u le, ma niftakarx li kelli ħafna messaġġi miegħu."

Pierre Portelli, eks Kap Eżekuttiv tal-midja tal-PN
Pierre Portelli, eks Kap Eżekuttiv tal-midja tal-PN

Anke Delia kien akkużat b'chats fuq il-Whatssapp ma' Fenech ...

L-eks Kap Nazzjonalista nnifsu kien akkużat li kellu chats ma' Fenech u fil-fatt dan kien ikkonfermat mill-Ispettur Keith Arnaud fil-Qorti hekk kif dakinhar is-sit maltatoday kien żvela aktar messaġġi li bagħat Fenech lil Delia fotshom mappa satirika li turi kif il-Maltin jaħsbuha dwar l-Ewropej.  Il-gazzetta The Sunday Times kienet żvelat ukoll kif darba Fenech kien talab lil Delia biex jirranġa ikla bnejniethom bil-gazzetta tirrapporta kif Delia  allegatament qallu li Pierre Portelli se jirranġa kollox. 

Delia dejjem ċaħad dan kollu u qal li ma jistax jiftakar dawn ic-chats u jekk saru kienu frivoli u li bl-ebda mod dawn ma juru jew ifissru xi forma ta' kompliċità ma' Fenech.  Din il-ġimgħa fuq programm televiżiv Delia qal li ma kien hemm xejn ta' rilevanza fil-messaġġi u li hu ħassarhom. 

 

 

More in Politika