Filmat | ‘Fuqi ma hemm xejn ħażin; Ma nxtrajtx, ma ħadtx flus, ma ħallasni ħadd...'

Nhar is-Sibt, ikun magħruf jekk Adrian Delia ġiex ikkonfermat Kap tal-Partit Nazzjonalista jew le. Ftit jiem qabel, il-gazzetta ILLUM tpoġġi mal-Kap tal-Oppożizzjoni għal intervista bla kantunieri...

Adrian Delia ilu tliet snin Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-partit baqa’ qatt ma ngħaqad warajh. L-ILLUM tistaqsih mill-ewwel kif fi ftit xhur sal-elezzjoni ġenerali, se jirnexxielu jagħmel dak li sa issa ma għamilx.

“Jekk negħleb dan l-ostaklu, ikun irnexxieli nirbaħ tliet elezzjonijiet interni,” beda jwieġeb il-Kap Nazzjonalista. Insista li l-PN għaddej minn proċess ta’ tibdil u dak li ġara fl-aħħar tliet snin ma kienx jirrifletti biss il-personaġġ tiegħu.

Fakkar li l-PN ilu snin inaqqas l-appoġġ tiegħu. “Jiena dħalt fil-politika biex inbiddel il-PN. It-tesserati għalhekk ivvutawli. F’dawn it-tliet snin ma rnexxilnix inbiddlu biżżejjed anke għax kien hemm min ma riedx dan il-mod ġdid, min ma riedx li jagħmel l-ispazju għal uċuh ġodda,” saħaq Delia. “Jiena rrid inbiddel l-arroganza f’umiltà biex nużaw iż-żmien fl-Oppożizzjoni biex ninbidlu ħalli nkunu lesti għal meta l-Gvern jibda jnaqqas. Huwa ċar li l-Gvern kien kapaċi jibqa’ għaddej fil-bnazzi, imma qed issib diffikultà fil-maltemp.” 

Sostna li fi tliet snin kemm ilu Kap, il-PN għamel qliegħ għall-ewwel darba, inbidel l-istatut, ġew involuti aktar nies u l-partit irnexxielu juri li mhuwiex elitist.

“Fiduċjuż li sal-elezzjoni li jmiss se nkunu għamilna biżżejjed bidliet, daħħalna biżżejjed uċuh ġodda biex in-nies jagħrfu li dan mhux il-PN tal-2013, imma l-PN imġedded li jista’ jġedded lill-pajjiżna,” insista Delia.

‘Post Jason Azzopardi mhuwiex fil-Grupp Parlamentari tiegħi’

L-ILLUM tfakkru li l-Grupp Parlamentari sfiduċjah bi kbir. Jekk jerġa’ jkun ikkonfermat Kap, kif se jirnexxielu jpoġġi madwar l-istess mejda mad-Deputati?

Ma tantx deher inkwetat. Insista li hu baqa’ f’kuntatt ma’ ħafna mid-Deputati u “ċert u konvint” li mill-għada tal-elezzjoni se jkomplu bil-ħidma tagħhom.

L-ILLUM tfakkru f’nies bħal Jason Azzopardi, Chris Said u Karol Aquilina li b’mod ċar urew li ma jriduhx! 

Wieġeb li minn dawk li sfiduċjawh hemm min baqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu u ċert li se jaċċettaw ir-riżultat tal-elezzjoni.

“Se jkun hemm oħrajn, imqar wieħed milli semmejtli, li ma jirrispettax id-deċiżjoni tan-nies u huwa ċar li mhuwiex postu f’tim li riesaq għall-elezzjoni ġenerali,” insista Delia.

Iżda l-ILLUM titolbu jkun aktar ċar. X’se jagħmel b’Jason? Mhux se jħallih jikkontesta?

“Ma niddejjaqx inkun ċar u skjett. Jekk Jason Azzopardi mhux talli ma jridx jaħdem talli jigdeb, jiffabbrika u jxerred informazzjoni ħażina, mhux jiena ma rridux iżda hu ma jkunx irid jaħdem, mela allura ma jistax ikun fil-Grupp Parlamentari tiegħi,” insista Delia.

Appella biex il-PN ma jiqafx ma’ Jason Azzopardi. “Irridu naraw l-istudenti tagħna jekk hux se jkunu siguri. Qed nitilfu l-kont tal-imwiet fost l-anzjani. Ejja nitkellmu fuq il-weġgħat tan-nies,” kompla Delia. “Nassigurak li Jason Azzopardi la se jżomm lili u lanqas lill-Grupp Parlamentari milli jagħmel xogħlu.”

Il-gazzetta tfakkru li Azzopardi kien wieħed minn dawk id-Deputati li l-aktar iġġieled kontra l-korruzzjoni. Kien ma’ Simon Busuttil spalla ma’ spalla biex talbu inkjesta dwar Keith Schembri u li din il-ġimgħa waslet għall-arrest tiegħu. Kif jista’ jarmi nies bħal dawn?

“Jason Azzopardi qed jagħmel xogħlu bħala Avukat u j’Alla l-klijenti tiegħu kuntenti bih. Jason Azzopard gideb fuqi, iffabbrika informazzjoni fuqi ... inutli nibqa’ naħli l-ħin. Ċar daqs il-kristall. Ma jistax ikun parti mill-Grupp Parlamentari tiegħi,” tenna.

Insista li jekk ikun ikkonfermat Kap u jkun hemm Deputati li ma jkunux iridu jaħdmu miegħu, ikunu qed jgħidu ċar u tond li ma jinteressahomx mill-vot tat-tesserati u mill-PN.

Chats ma’ Yorgen: ‘Nirriżenja biss jekk għamilt il-ħażin’

L-ILLUM żvelat kif f’idejn il-Europol hemm eluf ta’ Whatsapp chats, fosthom aktar minn 700 messaġġ bejn Fenech u l-eks Kap tal-Midja tal-PN Pierre Portelli u ma’ Delia nnifsu. Jekk jirriżulta li kien hemm chats bejnu u bejn Fenech jew bejn Fenech u Portelli, Delia jirriżenja?

“Assolutament le,” ħatafna fil-kelma. “Inti li kien hemm chat għidtli u mhux li jien għandi chat li fiha xi ħaġa ħażina. Mela reat għax ngħidlek hello u bye? Reat kieku qed nitkellmu dwar xi ħaġa li tindika li parteċipi f’xi ħażen.”

Kompla jisħaq li ma jistax jifhem għaliex għandu jirriżenja jekk jirriżulta li xi ħadd li xi darba kien Kap tal-Midja tiegħu kellu chat ma’ xi ħadd ieħor, anke jekk dik ic-chat ma tindika xejn ħażin.

Mill-ewwel darba li ħriġt għall-politika, kien hemm min ma ridnix inkun Kap tal-PN u qala’ minn kollox dwari u gideb u vvinta dwari. Jekk nibqgħu nirrepetu l-istess allegazzjonijiet, se nibqgħu ngħidu li hemm dellijiet. Jekk irridu nkunu serji, jiġi xi ħadd, bi prova waħda u nerfa’ r-responsabbilità

Iżda l-ILLUM twaqqfu minnufih u tfakkru li “dak ix-xi ħadd ieħor” huwa Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hu ħażin fih innifu, tinsisti miegħu. Tfakkru li l-allegazzjoni hija li Portelli mar jiġbor flus mingħand Yorgen Fenech, biex jintużaw kontra David Casa. 

“Nirriżenja biss jekk għamilt xi ħaġa ħażina. Ma nxtrajtx, ma ħadtx flus, ma ħallasni ħadd biex ngħid xi ħaġa. Qatt ma kont irrikattat,” insista Delia waqt li tenna li ma kellu l-ebda ħbiberija ma’ Fenech. “Għandna Prim Ministru li qed jisirqek €250,000 kuljum b’kuntratt illegali u ma jirriżenjax, għandna Ministru għall-Finanzi li ma jridx jieħu responsabbilità għal din is-serqa, Ministru għas-Saħħa li qed jgħid li qed nagħmel teatrin għax tlabtu jiġġieled miegħi kontra dan il-kuntratt. Jien nirriżenja jekk nagħmel xi ħaġa ħażina.”

Insista li hu dejjem kien ċar, spjega kollox, iżda hemm min irid jibqa’ jirriċikla l-istess allegazzjonijiet dwaru.

‘Jiġi xi ħadd bi prova waħda kontrija u nirriżenja’

Iżda l-ILLUM tfakkru li anke r-rapport tad-Due Diligence jgħid li hemm mistoqsijiet mhux imwieġba dwaru. Tfakkru fl-allegazzjoni dwar il-kont f’Jersey. 

“Mill-ewwel darba li ħriġt għall-politika, kien hemm min ma ridnix inkun Kap tal-PN u qala’ minn kollox dwari u gideb u vvinta dwari. Jekk nibqgħu nirrepetu l-istess allegazzjonijiet, se nibqgħu ngħidu li hemm dellijiet. Jekk irridu nkunu serji, jiġi xi ħadd, bi prova waħda u nerfa’ r-responsabbilità,” insista Delia. “Hemm evidenza waħda li jien mexxejt xi kont għal skopijiet illegali? Qalu li kellhom l-FIAU u l-Pulizija. Dan fi żmien li kien hemm Kummissarju li jipproteġi l-kriminali u Avukat Ġenerali li nstab li kisirli d-drittijiet tiegħi.” 

Fakkar f’allegazzjoni oħra, dik li bħala shareholder fil-kumpanija Mġarr Developments hu għandu aktar minn €7.2 miljun f’dejn. “Ma qalux li fil-kumpanija hemm aktar fi proprjetà, għax inkella nkunu ġusti u ma nkunux qed insawtuh lil Delia,” kompla jgħid.

“Taf x’hemm? Chats ta’ Deputat li qed jigdeb fuqi. Ippreżentajtha lill-Qorti. Hemm firem iffalsifikati tiegħi ... dawn fatti iswed fuq l-abjad. Hemm 25 sena u fuqhom ta’ xogħol li għamilt bħala professjonist ... Kelli klijenti fuq klijenti jien! Qlajt flus u ħallast it-taxxa. Ħadd ma jsemmi li għamilt ‘il fuq minn 15-il sena Direttur u Segretarju tal-akbar bank Awstrijak u tawni ċertifikat ta’ eċċellenza,” insista Delia.

Kien hawn li ggarantixxa mal-ILLUM li jekk imqar tinstab prova waħda kontrih, lest jirriżenja. 

‘Fuq l-amminstrazzjoni ta’ qabli ma kienx hemm sondaġġi favorevoli ... ħadd ma għamel elezzjoni’

Tkellimna fuq l-elezzjoni ġenerali, bl-ILLUM tfakkru li s-sena li għaddiet il-PN sofra telfa umiljanti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Possibbli jemmen li jista’ jrebbaħ lill-PN?

“Kellimni wara ħames snin. Żgur li l-attitudni tiegħi ma nbidlitx. Jiena kuljum immur għand in-nies. Kemm kien ikun differenti s-sondaġġ kieku d-Deputati tagħna għamlu l-istess,” kompla Delia. “Ma nbidlitx l-attitudni? Ma saħħaħnix il-finanzi tal-partit? Ma ftaħnix il-bibien għan-nies?”

Inbidlu l-kap għax hemm is-sondaġġi? Sa fejn naf jiena ma kienx hemm sondaġġi favorevoli fuq l-amminstrazzjoni ta’ qabli u ħadd ma għamel elezzjoni kull sena

Kien hawn insista li qatt ma ġara, f’140 sena tal-PN, li Kap tneħħa u ma tħallix jikkontesta l-elezzjoni. 

“Inbidlu l-kap għax hemm is-sondaġġi? Sa fejn naf jiena ma kienx hemm sondaġġi favorevoli fuq l-amminstrazzjoni ta’ qabli u ħadd ma għamel elezzjoni kull sena,” kompla. “Partit mhux hekk jaħdem ... mhux tul it-terminu kollu jkun hemm min itik minn ġewwa u mbagħad jgħidlek li mhux sejjer tajjeb.”

Għalhekk, appella lit-tesserati biex jibqgħu jemmnu f’dak li vvutaw għalih tliet snin ilu. Qal li jemmen li l-PN kapaċi jmur għall-elezzjoni b’saħħtu, anke għax il-Gvern qed jonqos ħafna, speċjalment fejn tidħol il-pandemija. 

“Nixtieqhom jagħtuni aktar saħħa biex inwettaq dak li ma rnexxilix sal-lum. Allaħares il-PN imur lura għal dak li kien fl-2013. Hemm is-sondaġġi kienu fatti. Telquna aktar minn 36,000 elf ruħ.”

‘Nittama li Bernard ikun trasparenti bħali’

L-ILLUM staqsietu hux qed jindika li Bernard Grech se jieħu l-partit lura għal dak li kien fl-2013. Wieġeb li l-problema mhux Grech iżda min hemm warajh.

“Ma għandi xejn kontra Grech. Nittama li jkun trasparenti bħali u jiffaċċja l-midja kif nagħmel jien. Allaħares ikollna Kap tal-PN li jaħrab mill-ġurnalisti u mid-dibattiti kif għamel Joseph Muscat u kif jagħmel Robert Abela,” insista Delia waqt li akkuża lill-Maniġer tal-Kampanja ta’ Grech li qed jagħmel pressjoni kbira biex ma jkunx hemm dibattitu bejniethom.

‘Jiena għall-PN niġbor il-flus mhux nagħtih li jifdal’

Il-gazzetta staqsiet lil Delia minn fejn qed jiffinanzja l-kampanja tiegħu. Fakkritu li Grech għamel crownfunding u se jkun qed jippubblika rapport awditjat dwar in-nefqa.

“Jiena jekk se niġbor il-flus se niġborhom għall-partit u mhux nagħtih li jifdal,” beda jwieġeb waqt li wiegħed li kif għamel fl-2017 se jagħti rendikont.

Ma għandi xejn kontra Grech. Nittama li jkun trasparenti bħali u jiffaċċja l-midja kif nagħmel jien. Allaħares ikollna Kap tal-PN li jaħrab mill-ġurnalisti u mid-dibattiti kif għamel Joseph Muscat u kif jagħmel Robert Abela

Anke jekk ma weġibx minn fejn qed jiffinanzja l-kampanja, assigura li ħadd ma selfu flus u li ma ħa xejn mill-Partit. “Jiena nagħti mhux nieħu. Tajt ħajti għall-PN u għal dan ma nitħallasx.”

‘Ma għandi l-ebda problema nirrikonoxxi l-ħidma ta’ Simon’

L-ILLUM tistaqsi lil Delia għaliex fir-reazzjonijiet tiegħu dwar l-arrest ta’ Keith Schembri mkien ma semma jew irringrazzja lil Simon Busuttil u anke jekk wara dak li ħareġ din il-ġimgħa, iddispjaċihx li kien talbu jissospendi lilu nnifsu mill-PN.

“Nirrikonoxxi bl-akbar saħħa u lealtà l-ħidma kontinwa u bla heda li wettaq Simon Busuttil fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ma hemmx Simon Busuttil, Adrian Delia jew id-Deputati. Aħna partit wieħed li niġġieldu l-korruzzjoni,” insista l-Kap Nazzjonalista.

Dwar dak li ġara meta ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tar-rapport Egrant, Delia insista li ma għandu l-ebda problema jirrikonoxxi li żbalja iżda insista li hu u Busuttil ma qablux biss fuq l-istrateġija u mhux fuq il-prinċipju, għax hu xtaq li l-ewwel jiġi ppubblikat ir-rapport sħiħ.

X’jagħmel kieku jkun PM?

L-ILLUM poġġiet quddiem Delia ħames sfidi u staqsietu x’jagħmel jekk hu jsir Prim Ministru. Huwa wieġeb hekk:

  • Kirjiet: Saħaq li jrid ikun hemm mudell ekonomiku ċar. Fi kliemu, ma nistgħux inkabbru l-ekonomija billi nżidu l-popolazzjoni għax dan il-mudell falla mal-ewwel intopp. Insista li żieda fil-popolazzjoni bla pjan tfisser jew bini bl-addoċċ jew jibqa’ jogħla l-valur tal-proprjetà
  • Ambjent u traffiku: “Jiena nemmen li l-ambjent irid ikun fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet ... jiena rrid li l-popolazzjoni tikber b’mod naturali u mhux bil-barranin. Ma nifilħux aktar barranin.” Insista li l-pajjiż għandu bżonn masterplan. “Irridu naraw jekk għandnix bżonn aktar toroq jew inkella neħtiġux sistema ta’ trasport tal-massa. Qal li jeħtieġ ikun hemm rieda biex tiżdied l-afforestrazzjoni u anke pjan mal-kuntratturi għal proġetti infrastrutturali kbar. Fi kliem Delia, l-uniku proġett infrastrutturali tal-Gvern kien dak fuq it-toroq li sakemm ikunu lest mhux se jkunu biżżejjed għall-għadd ta’ karozzi. Dwar Għawdex insista li l-ewwel għandu jkun hemm servizz ta’ fast ferry u r-raba’ vapur permanenti u li dwar il-mina l-ewwel isiru l-istudji kollha u l-aħħar kelma tkun tal-Għawdxin.
  • Pandemija: “Kollox nagħmel differenti. Ngħid il-verità u ma nigdibx. Ma nistgħux nibqgħu ngħidu li ma hawnx it-tieni mewġa. Fuq kollox nisma’ milli qed jgħidu l-esperti, mhux id-Deputat tiegħi jgħid abjad u jien ngħid iswed.”
  • Immigrazzjoni: Qal kif flimkien mal-PPE, bl-għajnuna wkoll ta’ Roberta Metsola qed jaħdmu fuq dokument li jipproponi mhux biss biex min ma ħaqqux l-ażil ikun irritornat f’pajjiżu imma biex għall-ewwel darba jiddaħħal mekkaniżmu biex ikun hemm ‘meaningful responsibility’ bejn il-pajjiżi kollha. “Kull pajjiż ikollu preċiż l-obbligu tiegħu.”

‘Wara Bernard hemm in-nies ta’ qabel l-2013’

Fl-aħħarnett, l-ILLUM staqsietu jekk hux lest jingħaqad wara Bernard Grech jekk ikun elett Kap u x’se jkun l-irwol tiegħu.

“Trid tara jekk Grech ikunx komdu li jiena jkolli pożizzjoni prominenti għax dik tista’ tintuża kontrih kif intużat kontrija meta kien hemm Simon Busuttil. Jiena se nibqa’ nagħti l-appoġġ tiegħi, għax jien leali, lejn kull Kap tal-PN. Ma nittradixxi qatt Kap tiegħi,” insista Delia u appella lit-tesserati kollha biex jagħmlu bħalu.

Qal li jiddisjpaċih biss li l-għaqda ma seħħitx qabel. “Nixtieq dibattitu ma’ Bernard Grech. Jekk trid l-għaqda għaliex ma tgħinix. Jiena poġġejtu fil-clusters, nimbuttah għall-elezzjoni ġenerali, naħdmu flimkien u nimxu ‘l quddiem. Immorru għall-elezzjoni - immorru aħjar kieku ma qlajnix dan kollu - jekk jirnexxilna tajjeb, jekk le, ikollu l-opportunità tiegħu,” saħaq Delia.

Temm jisħaq li jħasbuh biss dawk li telqu lill-Partit u qed jindunaw li wara Bernard Grech hemm in-nies li jirrappreżentaw lill-PN ta’ qabel l-2013.

“Milli qaluli fid-djar, huwa ovvju li dawn ma jerġgħux jiġu mal-PN, anzi nitilfuhom għal dejjem,” temm jisħaq Delia.  

More in Politika