Is-sidien tal-każin De Paule jieħdu l-Gvern quddiem il-Qorti Kostituzzjonali

Iridu li l-emenda li daħħal il-Gvern ma tapplikax għall-każ tagħhom u jisħqu li s-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule għandha toħroġ mill-każin

Is-sidien tal-binja li ilha snin tintuża mis-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid, ressqu rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, bl-għan li l-każin ikun żgumbrat minkejja l-liġi li daħħal fis-seħħ il-Gvern biex isalva lil dawk il-każini li jkunu qed jiffaċċjaw ordni mill-Qorti biex jiżgombraw.

Mal-gazzetta ILLUM, l-Avukat Hugh Peralta, spjega kif permezz ta’ dan ir-rikors, kontra l-Avukat Ġenerali u s-Soċjetà De Paule, is-sidien qed jitolbu lill-Qorti tiddeċiedi biex l-emenda, li ddaħħlet fis-seħħ ftit tax-xhur ilu, ma tapplikax fil-każ tagħhom u għalhekk iżżomm mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, li kienet ordnat lis-Soċjetà Fra Antoine De Paule biex sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, toħroġ mill-każin.

Wara li f’April li għadda l-Qorti tal-Appell kienet ordnat l-iżgumbrament tal-każin, il-Gvern, kien ħareġ għonqu u ppreżenta emenda fil-Kodiċi Ċivili li tagħti d-dritt lil kwalunkwe banda li qed tiffaċċja ordni ta’ żgumbrament biex tħallas għaxar darbiet aktar f’kera u b’hekk tibqa’ fil-post.

L-emenda, li llum il-ġurnata hija parti mil-liġi, kienet miktuba b’tali mod li tirrevoka s-sentenza kontra tad-De Paule.

F’Ġunju li għadda, l-istess sidien kienu qed jinsistu li din l-emenda qed tikser il-Kostituzzjoni tant li kienu saħansitra kitbu lill-President tar-Repubblika, Marie-Louise Coleiro Preca biex ma tiffirmahiex.

Mal-ILLUM, Peralta kien insista li l-Gvern qed jidħak u jgħaddi biż-żmien lill-membri u lill-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule, għax fi kliemu, fi ftit snin, il-Qrati kienu se jindunaw li din is-soluzzjoni tmur kontra l-Kostituzzjoni.

“Min jikser l-istess liġijiet li għamel il-Gvern qed ikun ippremjat... hija liġi etikament, politikament u moralment skorretta” kien saħaq Peralta. Dan hekk kif id-deċiżjoni dwar l-iżgumbrament kienet ittieħdet wara li s-Soċjetà De Paule kienet wettqet xogħlijiet strutturali fil-każin mingħajr ma infurmat lill-każin.

Il-gazzetta ILLUM, fis-27 ta’ Ottubru li għadda, żvelat kif din l-istess emenda li daħħal il-Gvern is-sajf li għadda, salvat ukoll lill-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema mill-iżgumbrament hekk kif huma wkoll instabu ħatja li wettqu xogħlijiet strutturali mingħajr il-permess meħtieġ mingħand is-sidien.

Il-każin armat fil-festa titulari
Il-każin armat fil-festa titulari

Jekk jitilfu l-każ f’Malta x’se jiġri?

Iżda jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi kontra s-sidien u favur il-Gvern, is-sidien tal-każin De Paule ma jidhirx li se jieqfu hawn. Fit-18 ta’ Ġunju li għadda, l-Avukat Peralta kien diġà qal mal-gazzetta ILLUM li s-sidien lesti jieħdu l-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, għax fi kliemu, l-azzjoni tal-Gvern qed iċċaħħad lis-sidien mid-dritt bażiku tagħhom li jgawdu l-proprjetà tagħhom.

Skont il-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem: "Kull persuna naturali u legali hija intitolata għat-tgawdija paċifika tal-pussess tal-proprjetà tagħha. Ħadd m'għandu jiċċaħħad minn dak li huwa ta' pussess tiegħu, ħlief fl-interess pubbliku jew suġġett għall-kundizzjonijiet provduti bil-liġi jew prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali.

Jekk dan iseħħ, mhux se jkun l-ewwel darba li sidien ta’ binja li qed tintuża bħala każin tieħu lill-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fil-fatt, wara li tilfu l-każ f’Malta, is-sidien tal-Każin King's Own tal-Belt Valletta kienu ħadu lill-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea li fit-23 ta’ Ottubru li għadda ddeċidiet favurihom u ordnat lill-Gvern iħallas xejn inqas minn €592,000 bħala danni finanzjarji, €8,000 f'taxxi fir-rigward ta' dawn id-danni kif ukoll €10,700 fir-rispett ta' spejjeż. B'kollox €610,700.

Preċedent ikrah għal 20 każin…

Dan il-każ kien ftit differenti minn dak tal-każin De Paule għax ma kienx jinkludi xogħlijiet strutturali li saru bla permess iżda kirja baxxa li kienet qed tħallas is- Soċjetà Filarmonika.

Fil-fatt, meta fetħu l-każ f’Malta, is-sidien tal-King’s Own kienu qed jisħqu kif minkejja li kienu għaddew aktar minn 70 sena, il-każin kien għadu qed iħallas biss €1,164 fis-sena.

L-argument tas-sidien kien li l-kirja hija baxxa ħafna meta wieħed jikkunsidra l-valur arkitettoniku, kulturali u storiku tal-post, apparti l-pożizzjoni strateġika tiegħu u d-dħul tiegħu. Fil-Qorti kien irriżulta li mill-bar biss, il-Każin idaħħal €45,000 fis-sena.

L-arma tal-Banda King's Own
L-arma tal-Banda King's Own

Kien għalhekk li lura fl-2014, il-Gvern kien daħħal Avviż Legali li permezz tiegħu, il-kirjiet protetti tal-każini, jiġifieri dawk ta’ qabel l-1995, għolew b’10% fuq il-kera tas-sena ta’ qabel għal tliet snin. Mill-2016, il-kera tal-każini bdiet togħla b’5% kull sena sal-2023 u kull każin kellu jibda jagħti 5% tad-dħul tiegħu (minn kull attività ekonomika li seħħ fil-każin mikri) lis-sid.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) irrikonoxxiet li l-King’s Own kienet qed tħallas id-doppju ta’ dak li kienet tħallas qabel, biex fl-2015 ħallset €2,876 u €3,017 fl-2016.

Madanakollu dan xorta waħda ma kienx sodisfaċenti u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet favur is-sidien, deċiżjoni li tista’ sservi ta’ preċedent, hekk kif fid-29 ta’ April li għadda, il-gazzetta ILLUM kienet irrappurtat kif f’Malta hawn madwar 20 każin li jinsabu taħt il-mannara minħabba li huma maqbudin b'kirjiet ikkontrollati u allura meqjusin bħala baxxi ħafna.

Uħud, minn dawn il-każini tal-banda diġà qed jaffaċċjaw każijiet pendenti l-Qorti, fosthom l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun. L-Għaqda Mużikali San Leonardu diġà għaddiet minn taqtigħ ta’ qalb, tant li ħasbitlu u minn jeddha kellha ssib sid alternattiv.

X’kienet tinkludi l-emenda li daħħal il-Gvern?

Kienet din il-gazzetta li żvelat kif fil-11 ta’ Mejju li għadda, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, ressaq emenda għall-Kodiċi Ċivili bl-għan li jipproteġi lil dawk il-każini li jkunu ġew ordnati jiżgumbraw mill-proprjetà.

Fil-fatt, din l-emenda kienet tressqet ftit ġimgħat wara d-deċiżjoni tal-Qorti kontra s-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule.

Permezz ta’ din l-emenda, il-każini tal-banda li jintalbu jiżgumbraw, qed jingħataw id-dritt li jibqgħu jokkupaw il-fond jekk jaqblu li jħallsu kera li tammonta għal  10 darbiet aktar il-kera li tkun qed titħallas qabel is-sentenza.

Din tapplika kemm jekk is-sentenza ngħatat mill-Bord tal-Kera jew minn xi Qorti.

L-emenda tistipola li l-kirja, għal dawn il-każini, ma għandhiex tkun inqas minn €5,000 fis-sena u lanqas ma tkun tammonta għal aktar minn 1% tal-valur tal-fond fl-1 ta’ Jannar 2018.

Is-sid, apparti kera ogħla, ingħata wkoll il-jedd li jitlob varjazzjoni fil-kundizzjonijiet tal-kera biex tagħmel tajjeb f’każ ta’ ‘sproporzjonalità’ li tirriżulta minn dak imsemmi hawn fuq.

L-emendi li ddaħħlet fis-seħħ tgħid ukoll li l-Bord tal-Kera jew il-Qorti ma għandhiex tordna l-iżgumbrament tal-każin tal-banda meta l-alterazzjonijiet strutturali jkunu jikkonsistu f’xogħlijiet “relatati ma’ attivitajiet filarmoniċi jew soċjali tal-każin tal-banda.”

Tgħid ukoll li ordni ta’ żgumbrar ma għandhiex tinħariġx meta x-xogħlijiet ikunu “miljorament tal-fond u l-każin tal-banda jipprovdi garanzija...li tkun biżżejjed biex tħalli lis-sid jirrestawra l-fond għall-kundizzjoni li kien fiha qabel.”

L-emenda tisħaq li din ‘il-garanzija’ msemmija għandha tagħmel tajjeb ukoll għal kwalunkwe telf li jsir waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, iżda l-ammont għandu jkun iffissat abbażi ta’ prezzijiet li jkunu kurrenti fiż-żmien meta tingħata s-sentenza miżjuda bl-10%.

Il-liġi toffri protezzjoni lil dawk il-każini tal-banda li

  • mill-1 ta’ Jannar 2018 ikunu ilhom jeżistu għal aktar minn 50 sena,
  • ikunu ilhom jokkupaw il-fond għal aktar minn 50 sena, kemm jekk b’kirja, b’ċens jew b’kombinazzjoni tat-tnejn,
  • ma jkollhom l-ebda proprjetà oħra ħlief imħażen jew fondi simili, u
  • kif spjegat aktar ’il fuq, l-ordni ta’ żgumbrament ma tkunx minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ kera.

Anke jekk mas-sidien tal-binjiet, li ilhom snin jintużaw bħala każini, din l-emenda ma tantx niżlet tajjeb, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici dejjem insista li din qed toħloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju iżda anke dawk tal-kerrej.

More in Politika