Meta Robert Abela tkellem dwar l-elezzjoni żied l-inċertezza.
L-elezzjoni fuq fomm kulħadd. Min jaħseb li l-gvern ta’ Abela ħa jagħmel il-mandat kollu sa Marzu tas-sena d-dieħla u min iħoss li ħa tissejjaħ elezzjoni bikrija, saħansitra għax-xahar id-dieħel.
Hemm numru ta’ indizji li jagħtu x’jifhmu li Abela appik li jsejjaħ elezzjoni.
Il-Partit Laburista llum jiftaħ il-Kungress għal ġimgħa u fih mistenni jiġi approvat il-manifest elettorali. Qed naraw il-PL ukoll japprova u jħabbar l-ismijiet tal-kandidati tiegħu għall-elezzjoni. Qed naraw żieda fil-preżenza tal-kandidati fuq il-midja soċjali u bdew jitfaċċaw numru ta’ kartelluni tal-PL madwar Malta u Għawdex, jirreklamaw is-sit bl-Ingliż tal-PL, il-Kungress u issa anke l-attivitajiet tal-PL għall-1 ta’ Mejju.
Fuq kollox, il-fatt li l-Ministeri vojta b’nies tal-Ministri attivi fuq id-distrett tagħhom.
Diġà qed jissemmew dati f’Mejju jew Ġunju, bħallikieku fatta. Biżżejjed tara kummenti tan-nies fuq il-midja soċjali u qisu kulħadd jaf eżatt x’se jiġri.
Iżda dan kollu kliem fieragħ. Abela biss jaf x’se jagħmel; lanqas ta’ madwaru stess ma jafu eżatt.
Għax Abela hekk iħobb jilgħabhom il-karti, viċin ħafna ta’ sidru ħalli jżomm kontroll sħiħ.
U dil-ġimgħa, pressat biex jikkummenta fuq l-għajdut fuq elezzjoni ġenerali, Abela qal li billi ssejjaħ il-Kungress tal-PL ma jfissirx li ġejja elezzjoni bikrija. L-elezzjoni, qalilna, isejjaħha biss meta jagħmel l-iktar sens fl-interess nazzjonali.
Jekk dak hu l-argument — l-interess nazzjonali — mela Abela jsejjaħ elezzjoni f’Marzu mhux issa.
B’li qal, Abela kompla jżid l-ansjetà li diġà hawn dwar l-elezzjoni. L-inċertezza u l-possibbiltà tal-istaġnar li ma jagħmlux ġid, la għall-ekonomija tal-pajjiż, la għall-amministrazzjoni, u lanqas għan-negozji u l-investiment.
Fid-dawl ta’ din l-inċertezza, Abela jmissu jgħid ċar u tond x’għandu f’moħħu. Ma jistax jibqa’ jkaxkar u jilgħab bid-data tal-elezzjoni. Wara kollox l-element ta’ sorpriża spiċċa għalkollox.
Veru, il-prerogattiva ta’ meta tissejjaħ l-elezzjoni hija tiegħu, u tiegħu biss. Iżda possibbli mhux qed jifhem li hemm limitu għal kollox?
Ftit ġimgħat ilu, meta faqqgħet il-gwerra bejn l-Istati Uniti u l-Iran, bosta ħasbu li Abela ħa jsejjaħ elezzjoni bikrija biex itaffi l-impatt inevitabbli tal-gwerra fuq l-Iran fuq l-ekonomija ta’ gżira żgħira bħal tagħna. Gwerra bħal din taffettwalna kollox; mill-ikel sal-biljett tal-ajru, u sal-apparat domestiku u l-mediċini.
Issa, bi ftehim ta’ paċi fuq il-mejda, Abela forsi jiddeċiedi li l-elezzjoni tista’ tistenna. Iżda ma jridx jinsa lanqas li hemm affarijiet oħra x’jikkunsidra.
Il-fattur Alex Borg, il-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, diġà wera li, għall-kuntrarju ta’ li għamlu l-kapijiet ta’ qablu, irnexxielu jerġa’ jgħaqqad in-Nazzjonalisti u forsi jattira votanti iżgħar fl-età. Forsi mhux biżżejjed biex jirbaħ imma biżżejjed biex inaqqas id-distakk ta’ 40,000.
Nemmnu li wasal iż-żmien li f’dal-pajjiż nintroduċu terminu fiss għal kull leġiżlatura, bid-data tal-elezzjoni tkun magħrufa minn ħames snin qabel.
Sistema bħal din telimina l-ansjetà u l-inċertezza kollha, għalkemm ikun hemm sitwazzjonijiet fejn xorta tkun tista’ tissejjaħ elezzjoni bikrija.
Iżda dawk il-kundizzjonijiet ikunu predeterminati, imnaqqxa fil-liġi stess.