Qorti | Ta' De Paule ordnati mill-Qorti biex joħorġu mill-każin sa Settembru

Mistennija ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex is-soċjetà tkun sospiża

Is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid għandha ċans sa Settembru li ġej biex toħroġ mill-proprjetà li għal dawn l-aħħar snin kienet qed tuża bħala s-sede tagħha.

Id-deċiżjoni ttieħdet mill-Imħallef Anthony Ellul fil-Qorti tal-Appell wara kawża li nfetħet fl-1997 mill-familji li kienu ilhom jikru l-każin mill-1945.

Il-Qorti ħadet din id-deċiżjoni wara li saru xi xogħlijiet strutturali fl-istess każin mingħajr l-awtorizzazzjoni.

Intant, f’kummenti lill-midja, is-Segretarju tas-Soċjetà, Gordon Dalli qal li mistennija ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja biex is-soċjetà tkun sospiża.

Qal ukoll li l-binja tiswa l-miljuni u għalhekk is-soċjetà ma tistax tixtriha.

Din l-istess Soċjetà Filarmonika kienet irregalat l-vara titulari ta’ Kristu Re lill-knisja parrokkjali ta’ Raħal Ġdid, madwar sentejn ilu.

More in Qrati u Pulizija