Il-Gvern b’emenda biex jipproteġi lill-każini tal-banda mill-iżgumbrament
Il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern ressaq emenda għall-Kodiċi Ċivili bil-għan li jevita li każin tal-banda jispiċċa fit-triq

minn Yendrick Cioffi
Ftit ġimgħat wara li l-gazzetta ILLUM ippubblikat artiklu dwar id-diffikultajiet li qed jaffaċjaw u li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom każini tal-baned li mhumiex is-sidien tas-sede tagħhom, il-Gvern ressaq emenda għall-Kodiċi Ċivili bil-għan li jipproteġihom.
L-emenda hija indirizzata għal dawk il-każini li jkunu ġew ordnati jiżgumbraw mill-proprjetà. Minkejja dan ma tgħoddx jekk ir-raġuni għall-iżgumbrar kienet in-nuqqas ta’ ħlas ta’ kera.
Jekk l-emenda, inkluża f’Abbozz ta’ Liġi, ippubblikat fil-11 ta’ Mejju li għadda, tidħol fis-seħħ, każini tal-banda li ntalbu jiżgumbraw se jingħataw id-dritt li jibqgħu jokkupaw il-fond, jekk jaqblu li jħallsu kera li tammonta għal għaxar darbiet aktar il-kera li tkun qed titħallas qabel is-sentenza.
Din tapplika kemm jekk is-sentenza ngħatat mill-Bord tal-Kera jew minn xi Qorti.
L-emenda tistipola li l-kirja, għal dawn il-każini, ma għandhiex tkun inqas minn €5,000 fis-sena u lanqas ma tkun tammonta għal aktar minn 1% tal-valur tal-fond fl-1 ta’ Jannar 2018.
Is-sid, apparti kera ogħla, qiegħed jingħata l-jedd li jitlob varjazzjoni fil-kundizzjonijiet tal-kera biex tagħmel tajjeb f’każ ta’ ‘sproporzjonalità’ li tirriżulta minn dak imsemmi hawn fuq.
Kien għalhekk li l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, saħaq li l-emendi proposti se joħolqu bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju iżda anke dawk tal-kerrej wara deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u anke mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Minkejja li l-liġi tipproteġi lil dawk il-każini li kienu diġà jikru qabel l-1995, kien hemm każi, bħal dak tal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta, fejn is-sidien, wara li l-każ inqata’ kontrihom f’Malta, kienu ħadu l-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għax qed jinsistu li l-kirja li qed jitħallsu mhijiex biżżejjed u qed jinkisrilhom id-dritt bażiku li jgawdu l-proprjetà tagħhom.
Minħabba f’hekk, lura fl-2014, il-Gvern kien diġà daħħal Avviż Legali li permezz tiegħu, il-kirjiet protetti tal-każini għolew b’10% fuq il-kera tas-sena ta’ qabel għal tliet snin. Mill-2016, il-kera tal-każini bdiet togħla b’5% kull sena sal-2023 u kull kellu jibda jagħti 5% tad-dħul tiegħu lis-sid.
Aħbar tajba għal ta’ De Paule...
Dan ifisser, li jekk l-emenda tidħol fis-seħħ, is-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid, li kienet ordnata toħroġ mill-każin sal-aħħar ta’ Settembru, se tkun tista’ tibqa’ fis-sede li ilha tokkupa għal aktar minn 70 sena, dejjem jekk tobbliga dak li qed tistipola l-istess emenda (ara aktar ’il fuq).
Il-Qorti kienet ordnat l-iżgumbrament wara xogħlijiet strutturali li kienu twettqu mis-Soċjetà, meta nifdu l-każin ma’ proprjetà oħra mingħajr ma infurmaw lis-sidien.
U jekk isiru xogħlijiet mingħajr il-kunsens tas-sid?
L-abbozz kif imressaq mill-Gvern jaħseb ukoll għal din is-sitwazzjoni. L-emendi proposti jgħidu li l-Bord tal-Kera jew il-Qorti ma għandhiex tordna l-iżgumbrament tal-każin tal-banda meta l-alterazzjonijiet strutturali jkunu jikkonsistu f’xogħlijiet “relatati ma’ attivitajiet filarmoniċi jew soċjali tal-każin tal-banda.”
Jipproponi wkoll li ordni ta’ żgumbrar ma tinħariġx meta x-xogħlijiet ikunu “miljorament tal-fond u l-każin tal-banda jipprovdi garanzija... li tkun biżżejjed biex tħalli lis-sid jirrestawra l-fond għall-kundizzjoni li kien fiha qabel.”
L-abbozz jisħaq li din ‘il-garanzija’ msemmija għandha tagħmel tajjeb ukoll għal kwalunkwe telf li jsir waqt l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, iżda l-ammont għandu jkun iffissat abbażi ta’ prezzijiet li jkunu kurrenti fiż-żmien meta tingħata s-sentenza miżjuda bl-10%.
Liema każini jipproteġu l-emendi?
Dan l-abbozz ta’ liġi, jekk jidħol fis-seħħ, se jkun qed joffri protezzjoni lil dawk il-każini tal-banda li
- mill-1 ta’ Jannar 2018 ikunu ilhom jeżistu għal aktar minn 50 sena,
- ikunu ilhom jokkupaw il-fond għal aktar minn 50 sena, kemm jekk b’kirja, b’ċens jew b’kombinazzjoni tat-tnejn,
- ma jkollhom l-ebda proprjetà oħra ħlief imħażen jew fondi simili, u
- kif spjegat aktar ’il fuq, l-ordni ta’ żgumbrament ma tkunx minħabba nuqqas ta’ ħlas ta’ kera.
L-abbozz joffri ‘serħan tal-moħħ għall-ħafna każini’
Mal-gazzetta ILLUM, il-President tal-Għaqda Każini tal-Baned, Noel Camilleri saħaq li dan l-Abbozz huwa pass importanti li joffri serħan tal-moħħ lill-dawk il-każini tal-banda li bħalissa jinsabu mhedda bi żgumbrament.
Fakkar li diġà hemm soċjetajiet mużikali li qed jaffaċċjaw każijiet il-Qorti għax is-sidien tal-proprjetà li mingħandhom qed jikru s-sede, mhumiex kuntenti bil-ħlas li qed jirċievu.
Camilleri fakkar li fi stadju ta’ kumitati fil-Parlament, fejn l-Abbozz jiġi diskuss fid-dettall, kemm il-Gvern u anke l-Oppożizzjoni jistgħu jressqu aktar emendi.
Minkejja dan saħaq li jinsab fiduċjuż li l-każini se jingħataw il-protezzjoni li tixraqilhom għax qal li fil-Parlament jidher li hemm qbil dwar l-irwol importanti li l-każini tal-banda joffri fis-soċjetà, b’mod volontarju.
Il-kuntest li wassal għall-emendi...
- Il-Qorti tordna lil ta’ De Paule biex jiżgumbraw mill-każin wara li nifdu l-binja mingħajr ma informaw lill-każin
- Il-gazzetta ILLUM tirrapporta ‘20 każin jinsabu taħt il-mannara’
- Tirrapporta wkoll kif uħud mill-każini li jikru diġà qed jaffaċjaw każijiet il-Qorti
- Tiżvela kif wara li tilfu l-każ f’Malta, is-sidien tal-King’s Own ħadu lill-Gvern quddiem Qorti Ewropea
- Ta’ Stella Maris ukoll qed jistennew li tinqatgħalhom kawża minħabba ‘xogħlijiet’
- Ta’ San Gejtanu u ta’ Duke of Connaught’s b’każijiet pendenti
- Sorsi jgħidu mal-ILLUM li l-kirja tal-każini tista’ togħla (kif jistipula l-abbozz)
- Aktar dettalji hawn
