Politika Kronaka Soċjali Intervisti Zekzik Poodle Għawdex Qrati u Pulizija Kummerċjali

Każini: Il-Gvern akkużat għat-tieni darba bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem

Is-sidien tal-binja tal-Każin De Paule se jagħmlu bħal dawk tal-King’s Own u se jieħdu l-Gvern quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem wara l-emenda proposta biex tirrevoka s-sentenza ta’ żgumbrament kontra l-istess banda

Yendrick Cioffi / 18 ta' Ġunju 2018 09:33
Il-Każin De Paule ta' Raħal Ġdid
“L-emenda li qed jipproponi l-Gvern biex jevita li każini tal-banda jispiċċaw żgumbrati qed tidħak u tgħaddi biż-żmien lill-membri u lill-partitarji tas-Soċjetà Filarmonika Fra Antoine De Paule ta’ Raħal Ġdid.” Hekk sostna mal-gazzetta ILLUM l-Avukat Hugh Peralta li qiegħed jirrappreżenta lill-familji li huma s-sidien tal-binja.

Il-binja inkwistjoni fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid ilha għexieren ta’ snin tintuża mill-Banda Kristu Re bħala s-sede tas-soċjetà.

Peralta insista illi l-emenda tal-Gvern li permezz tagħha s-Soċjetà De Paule tkun tista tibqa’ tuża l-istess binja minkejja ordni mill-Qorti biex din tiżgombra, hija waħda “temporanja u ċert li fi żmien erba’ snin il-qrati se jindunaw li din is-soluzzjoni tmur kontra l-Kostituzzjoni.”

Kien għalhekk, li meta mistoqsi jekk din l-emenda torbotx idejn is-sidien tal-binja prominenti fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, l-Avukat Peralta żvela kif il-familji se jieħdu dan il-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, għax fi kliemu, l-azzjoni tal-Gvern tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt bażiku tas-sidien li jgawdu l-proprjetà tagħhom.

Dan se jkun it-tieni każ miftuħ kontra l-Gvern minn sidien ta’ binja li qed tintuża bħala każin, wara li din il-gazzetta kienet żvelat li anke l-familji sidien tal-binja mikrija lill-Banda King’s Own tal-Belt Valletta ħadu l-każ tagħhom quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.

ll-każ tal-King’s Own huwa differenti minn dak tad-De Paule għax il-każ infetaħ wara li s-sidien tilfu l-każ li fetħu f’Malta għax skonthom mhux qed jieħdu biżżejjed kera.

‘Liġi li taqbeż għal min jikser il-liġi’

“Min jikser l-istess liġijiet li għamel il-Gvern qed ikun ippremjat... hija liġi etikament, politikament u moralment skorretta” saħaq Peralta waqt li insista li s-Soċjetà De Paule kisret il-liġi meta nifdet il-każin ma’ binja oħra mingħajr ma infurmat lis-sidien tas-soċjetà.

Tant hu hekk li f’April li għadda, wara 20 sena telgħin u neżlin il-Qorti, is-Soċjetà De Paule kienet ordnata toħroġ mill-każin sal-aħħar ta’ Settembru li ġej. Kien hawn li dlonk ħareġ għonqu l-Gvern permezz ta’ din l-emenda fil-kodiċi ċivili li tagħti d-dritt lil kwalunkwe banda li qed tiffaċċja ordni ta’ żgumbrament biex tħallas għaxar darbiet aktar f’kera u b’hekk tibqa’ fil-post.

L-emenda kienet miktuba b’tali mod li tirrevoka s-sentenza kontra tad-De Paule.

‘Liġi diskriminatorja li se toħloq preċedent’

Iżda minkejja li l-kera se tkun qed togħla, Hugh Peralta insista ma’ din il-gazzetta li b’din l-emenda l-Gvern qed jgħid ċar u tond li s-sidien ma jistgħux jieħdu lura l-proprjetà li hija tagħhom.

Mistoqsi kemm se jkunu qed jieħdu kera bl-għaxar darbiet aktar, l-Avukat qal li ma jafx l-ammont eżatt, iżda saħaq li hija “relattivament baxxa” u ma tirrispettax u ma tirriflettix il-prezz tas-suq.

“Hija liġi diskriminatorja u se toħloq preċedent,” insista l-Avukat Peralta waqt li fakkar li hawn diversi għaqdiet oħra, mhux biss baned li jaqdu funzjoni importanti u filantropika fis-soċjetà.

Għall-kuntrarju ta’ dak li kiteb u qal il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici, fl-Abbozz ta’ Liġi ppubblikat fil-11 ta’ Mejju, meta saħaq li l-emenda qed toħloq bilanċ bejn id-drittijiet tal-proprjetarju u dawk tal-kerrej, l-Avukat insista li s-soluzzjoni tal-Gvern ma tirrispettax id-drittijiet tal-ftit.

‘Il-piż għandha tħallas għalih is-soċjetà u mhux is-sidien’

Filwaqt li qabel mal-Ministru Bonnici li l-każini tal-banda jaqdu rwol importanti fis-soċjetà, Peralta insista li “l-piż tas-servizz soċjali li joffri l-każin tal-banda għandha tħallas għalih is-soċjetà u mhux is-sidien.”

Temm jisħaq li jekk wieħed jemmen verament li l-każini tal-banda jagħtu servizz daqstant importanti lis-soċjetà, għandha tkun is-soċjetà li tħallas il-prezz ġust lis-sidien. 

Fi stqarrija, l-istess sidien kienu saħansitra talbu lill-President Marie-Louise Coleiro Preca biex ma tiffirmax din il-liġi għax fi kliemhom tagħmel farsa mill-Kostituzzjoni u s-Saltna tad-Dritt.

Hu mifhum li ġaladarba l-emenda hija indirizzata partikolarment għall-Każin De Paule u minħabba l-fatt li l-Qorti ordnatilhom joħorġu mis-sede sal-aħħar ta’ Settembru, il-Parlament mistenni jivvota dwar din il-liġi qabel jieqaf għall-btajjel tas-sajf.

Il-Ministru jinsisti li l-emenda toħloq bilanċ
Il-Ministru jinsisti li l-emenda toffri ‘saqqu’ lill-każini; l-Oppożizzjoni tmerih

Intant, nhar it-Tlieta li għadda, il-Parlament kompla jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Ordinanza li Tneħħi l-Kontroll tad-Djar bid-dibattitu jagħti attenzjoni partikolari lill-każini tal-baned li jikru l-binja li jużaw bħala sede.

Minkejja li l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici tenna dak li kien qal waqt il-programm Xtra, jiġifieri li l-liġi se tkun qed tipprovdi “saqqu” lill-każini tal-banda f’riskju li jiġu żgumbrati, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Therese Commodini Cachia insistiet li fil-verità, din il-liġi, mhux veru se tkun qed tipproteġi l-każini.

Il-pjan tal-Gvern li jgħolli mill-ġdid il-kera tal-każini kienet żvelatu l-gazzetta ILLUM meta rrappurtat kif 20 każin tal-banda jinsabu taħt il-mannara.

Il-kera tista’ togħla aktar....

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bonnici spjega kif meta l-kera li qed iħallas każin ta’ banda tkun iddikjarata jew mill-Qorti jew mill-Bord tal-Kera bħala baxxa, tidħol fis-seħħ din il-liġi li tevita li soċjetà mużikali tispiċċa bla każin.

Waqt li kien qed jispjega kif il-kera, għal dawn il-każini, se tkun qed togħla għal mhux inqas minn €5,000 u mhux aktar minn 1% tal-valur tal-proprjetà, qal li l-Gvern jinsab lest li jiddiskuti figuri oħra meta l-abbozz ikun studjat emenda emenda fl-istadju ta’ Kumitati Parlamentari.

Dan ifisser li l-kera għal dawn il-każini tista’ togħla aktar minn dawn iċ-ċifri.

Tinsisti li l-emenda toffri soluzzjoni temporanja
‘Emenda li toffri biss soluzzjoni temporanja’

Iżda fid-diskors tagħha, Therese Comodini Cachia saħqet li “kera li tammonta għal 1% tal-valur tal-proprjetà mhux se ssolvi l-kunflitt bejn il-każini u s-sidien u se toffri biss soluzzjoni temporanja.”

Simili għal dak li qal mal-gazzetta ILLUM l-Avukat Hugh Peralta, Commodini Cachia, insitiet ukoll li ma jagħmilx sens li l-Gvern jgħaddi emendi fil-liġi speċifikament biex idur ma’ deċiżjonijiet li jkunu ngħataw mill-qrati.

“Ikolli ngħid li meta toħloq liġi li tapplika biss meta każin jiġi żgumbrat, tkun qed tirredikola l-Kostituzzjoni u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem,” saħqet il-kelliema tal-Oppożizzjoni.

‘Il-Gvern għandu jerfa’ l-piż hu’

Filwaqt li saħqet li l-Oppożizzjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-każini tal-baned u taqbel li għandhom jingħataw l-għajnuna, insistiet li temmen ukoll f’liġijiet b’saħħithom, għax fi kliemha, la l-Parlament u lanqas il-każini tal-baned ma għandhom żmien x’jaħlu “f’liġijiet dgħajfa.”

Temmet tgħid li kienet tistenna li l-Gvern jerfa’ l-piż huwa stess minflok ma jinforza liġijiet li joħolqu “klassi speċjali” ta’ sidien li ma jistgħux jimmasimizzaw il-potenzjal tal-proprjetà tagħhom.

Minkejja dan, fl-ebda ħin ma indikat kif se tkun qed tivvota l-Oppożizzjoni.

‘Oppożizzjoni negattiva bla soluzzjonijiet’

Iżda d-Dibattitu ma spiċċax hawn, hekk kif id-Deputati tal-Gvern Stefan Zrinzo Azzopardo u Edward Zammit Lewis akkużaw lill-Oppożizzjoni li qed tkun negattiva u ma offriet l-ebda soluzzjoni, inkluż għall-każini tal-baned.

L-arma tal-banda King's Own
Il-każ tal-King’s Own rabat id il-Gvern...

Lura fl-2014 il-Gvern kien diġà daħħal Avviż Legali biex jogħlew il-kirijiet tal-każini.

Permezz ta’ dan l-Avviż Legali, il-kirjiet protetti tal-każini (jiġifieri dawk ta’ qabel l-1995) kienu għolew b’10% fuq il-kera tas-sena ta’ qabel għal tliet snin. Mill-2016, il-kera tal-każini bdiet togħla b’ħamsa fil-mija kull sena sal-2023.

Għall-kutarju tal-emendi diskussi bħalissa, l-Avviż Legali tal-2004 kien jgħodd għall-każini kollha,  anke għal dawk politiċi u sportivi, kemm jekk mikrija mill-Gvern u kemm jekk mikrija mill-privat.

L-istess Avviż Legali kien jistipola wkoll li ħamsa fil-mija tad-dħul li l-każin jagħmel minn kull attività ekonomika li seħħ fil-każin mikri, għandu jmur għand is-sid.

Madankollu, sorsi li kienu tkellmu mal-gazzetta ILLUM kienu qalu li l-Gvern ma kellux għażla oħra ħlief li jerġa’ jgħolli l-kirjiet tal-każini tal-banda, minħabba r-riskju li jitlef każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem miftuħ mis-sidien tal-binja li tintuża mill-Banda King’s Own tal-Belt Valletta.

Il-biża’ hi li jekk din is-sentenza tinqata’ favur is-sidien, għax ma jkunux qed jirċievu biżżejjed kera, sidien oħra li jikru l-proprjetajiet tagħhom lill-każini jiddeċiedu li jagħmlu l-istess.

Fit-tmiem tat-tieni qari, kemm l-Oppożizzjoni u anke l-Gvern ivvutaw favur il-liġi kif mressqa. Issa din il-liġi tmur fi stadju ta’ kumitat għat-tielet u l-aħħar qari.

Stħarriġ
Segwina fuq Facebook