Il-Partit Momentum jiżvela ħames proposti ġodda għall-elezzjoni ġenerali li jmiss

 Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Momentum, il-ħames proposti ġew deskritti bħala miżuri li għandhom iwasslu ''għal Malta aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar trasparenti''

Ritratt: Il-Partit Momentum.
Ritratt: Il-Partit Momentum.

Il-Partit Momentum ippreżenta ħames proposti elettorali ġodda li fuqhom se jibbaża l-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Momentum, il-ħames proposti ġew deskritti bħala miżuri li għandhom iwasslu ''għal Malta aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar trasparenti.''

''Momentum illum qed tiżvela ħames proposti elettorali mmirati lejn it-tisħiħ tad-demokrazija, il-protezzjoni tal-ambjent, u l-iżgurar tal-ġustizzja u l-ugwaljanza għal kulħadd,'' ingħad fl-istqarrija maħruġa mill-Partit Momentum nhar l-Erbgħa.

Mark Camilleri Gambin, kandidat għall-elezzjoni ġenerali u s-segretarju ġenerali ta’ Momentum, qal, “Dawn huma wħud mill-proposti li jirriflettu l-impenn ta’ Momentum għal diversi kwistjonijiet relatati mas-soċjetà tagħna, bħal governanza tajba, ġustizzja, demokrazija aħjar u l-bżonnijiet tal-familja, li joffru soluzzjonijiet prattiċi għal xi wħud mill-aktar sfidi urġenti li qed tiffaċċja Malta llum.”

Fost il-proposti, il-Partit Momentum qiegħed jipproponi li jnaqqax fil-Kostituzzjoni l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età u d-diżabilità. Fl-istqarrija, ingħad li ''dan jinkludi l-indirizzar ta’ prattiki inġusti bħat-trattament mhux ugwali tal-pensjonijiet u l-irtirar furzat, u l-iżgurar li kulħadd, irrispettivament mill-età jew l-abbiltà, jiġi ttrattat b’dinjità u ugwaljanza.''

Il-Partit Momentum wiegħed illi jsaħħaħ il-kunsilli lokali billi jagħmilhom iżjed awtonomi, billi qiegħed jipproponi d-diversifikazzjoni tal-mezzi tad-dħul tal-kunsilli lokali sabiex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-gvern ċentrali.

''Sorsi ġodda ta’ finanzjament jinkludu ħlasijiet ta’ liċenzji tal-Airbnb, sehem mill-multi tat-traffiku għall-manutenzjoni tat-toroq, u allokazzjonijiet ibbażati fuq l-impatt tat-turiżmu, il-fluss tat-traffiku, u kunsiderazzjonijiet ambjentali,'' kompliet tgħid l-istqarrija.

Prijorita' oħra elenkata mill-Partit Momentum hija l-ħolqien ta' ambjent tax-xogħol li jippermetti kemm il-karriera kif ukoll il-ħajja tal-familja. ''In-nisa m’għandhomx għalfejn jagħżlu bejn il-bini ta’ karriera u t-trobbija ta’ familja,'' qal il-partit, filwaqt illi kompla jgħid illi ''se nippromwovu politiki fuq il-post tax-xogħol, inkluż xogħol flessibbli, leave tal-ġenituri, u aċċess għall-kura tat-tfal.''

Sbiex jiġi assigurat li ħatriet pubbliċi ta’ livell għoli jkunu bbażati fuq il-mertu, il-Partit Momentum ħabbar ukoll illi qiegħed jipproponi li l-ħatriet pubbliċi ewlenin jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Fi kliem il-partit, dan se jiżgura li jkun hemm ''kunsens wiesa’ u jitnaqqas il-patroċinju politiku.''

''Għal rwoli mhux soġġetti għall-approvazzjoni parlamentari, l-intervisti kollha għandhom jiġu rreġistrati u dokumentati, bi kriterji ta’ kompetenza ċari u sistemi ta’ punteġġ ippubblikati, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jivverifika li l-ħatriet isiru fuq il-mertu,'' kompla jingħad fl-istqarrija.

Il-Partit Momentum enfasizza wkoll fuq l-importanza ta' regolatur tal-midja li tkun ''tassew indipendenti,'' hekk kif fl-istqarrija ingħad illi l-partit qiegħed jitlob il-ħolqien ta’ ''awtorita' regolatorja tal-midja indipendenti ħielsa mill-influwenza tal-gvern u partiġġjana.''

Il-partit ikkritika l-fatt li l-Awtorità tax-Xandir Pubbliku għadha tibqa’ tinkludi rappreżentanti ta’ partiti politiċi, u sostna li dan mhuwiex jiżgura li li ''l-midja taqdi l-interess pubbliku b’ġustizzja, bilanċ, u integrità.''

Camilleri Gambin żied jgħid li “Momentum temmen li dawn il-proposti se jikkontribwixxu għal Malta aktar trasparenti, inklużiva, u responsabbli għall-ambjent, fejn l-istituzzjonijiet iservu lin-nies, u l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu protetti.”

More in Politika