Preċedent ikrah għal 20 każin - Is-sidien tal-King's Own jingħataw raġun mill-ECHR

...u l-Gvern se jkollu joħroġ kemxa flus (€610,000) bħala kumpens għall-proprjetà illi għaliha l-King's Own qed iħallsu €1,164 fis-sena

Il-bieb tal-każin King's Own, fil-Belt Valletta
Il-bieb tal-każin King's Own, fil-Belt Valletta

Sentenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem ippublikata lbieraħ iddeċidiet favur is-sidien tal-Każin King's Own tal-Belt Valletta (tal-Banda Stilla - San Duminku) u ordnat lill-Gvern iħallas xejn inqas minn €592,000 bħala danni finanzjarji, €8,000 f'taxxi fir-rigward ta' dawn id-danni kif ukoll €10,700 fir-rispett ta' spejjeż. B'kollox €610,700. 

Il-Qorti ddikjarat li dan kien ksur tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt ta' persuna fuq il-proprjetà tagħha. Il-Konvenzjoni tgħid: "Kull persuna naturali u legali hija intitolata għat-tgawdija paċifika tal-pussess tal-proprjetà tagħha. Ħadd m'għandu jiċċaħħad minn dak li huwa ta' pussess tiegħu, ħlief fl-interess pubbliku jew suġġett għall-kundizzjonijiet provduti bil-liġi jew prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali."

Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li żvelat kif f'pajjiżna hawn madwar 20 każin li jinsabu taħt il-mannara minħabba li huma maqbudin b'kirjiet ikkontrollati u allura meqjusin bħala baxxi ħafna, bil-konsegwenza li deċiżjoni favur is-sidien tal-King's Own, kif ġara, se toħloq preċedent. 

                             Ara hawnhekk x'kienet żvelat il-gazzetta ILLUM dwar dawn l-20 każin

Kienet il-gazzetta ILLUM ukoll li żvelat kif il-Gvern kien se jressaq emendi biex jipproteġi lil-każini tal-baned filwaqt li żvelat ukoll kif is-sidien tal-Każin De Paule ta' Raħal ġdid bħal tal-King's Own kienu se jtellgħu lill-każin quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR)

Il-King’s Own u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem: L-istorja qabel din id-deċiżjoni...

 Fil-każ tas-Soċjetà Filarmonika King’s Own, is-sidien, wara li tilfu l-kawża f’Malta, ħadu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jisħqu li qed jinkisrilhom “id-dritt bażiku li tgawdi l-proprjetà tiegħek.”

Lura fl-2013, il-Qorti Ċivili kienet ordnat lill-Gvern u l-Każin tal-Banda King’s Own biex iħallsu kumpens, nofs bin-nofs, ta’ €300,000 lis-sidien tal-binja prominenti li tinsab fi Triq ir-Repubblika.

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet biddlet din is-sentenza u saħqet li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet fundamentali, waqt li saħqet li l-Gvern bl-ebda mod ma biddel xi liġi biex jaffettwa l-kuntratt ta’ kirja bejn s-sidien u l-Banda King’s Own, liema ftehim kien ilu fis-seħħ 70 sena.

Apparti minn hekk, l-istess sentenza insistiet li l-Banda ma kellha x’taqsam xejn mat-tfassil tal-liġijiet. 

Is-sidien  li kienu fetħu din il-kawża kienu qed jargumentaw kif minkejja li minn fuq il-kirja għaddew aktar minn 70 sena, il-Każin baqa’ jħallas ftit. Sa dak iż-żmien tal-kawża kien iħallas €1,164 fis-sena.

L-argument tas-sidien kien li l-kirja hija baxxa ħafna meta wieħed jikkunsidra l-valur arkitettoniku, kulturali u storiku tal-post, apparti l-pożizzjoni strateġika tiegħu u d-dħul tiegħu. Fil-Qorti kien irriżulta li mill-bar biss, il-Każin idaħħal €45,000 fis-sena.

 

More in Politika