Ian Borg isejjaħ għall-waqfien mill-ġlied fil-Libanu wara sensiela ta' attakki mill-Iżrael

Filwaqt li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin espliċitament sostna li s-sovranita' u l-integrita' territorjali tal-Libanu għandhom jiġu rrispettati permezz ta' miżuri bħad-diżarmament tal-grupp Hezbollah, huwa ma għamilx referenza diretta għall-Iżrael jew għall-okkupazzjoni illegali tiegħu fil-Libanu

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg ħeġġeġ għall-"waqfien immedjat tal-ostilitajiet" fil-Libanu, filwaqt li esprima t-tħassib profond tiegħu dwar l-aħħar attakki Iżraeljani.

Huwa afferma s-solidarjetà ta' Malta mal-istat Lebaniż u l-popolazzjoni tiegħu, li ġew milquta serjament mill-kunflitt bejn Iżrael u l-grupp Lebaniż Hezbollah fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

''Naffermaw mill-ġdid is-solidarjetà tagħna mal-Gvern Lebaniż u nappoġġjaw l-isforzi li għaddejjin biex tinżamm is-sovranità tal-pajjiż, inkluż id-diżarm sħiħ u effettiv tal-Hezbollah'' qal Borg.

Iżda filwaqt li huwa espliċitament sostna li s-sovranita' u l-integrita' territorjali tal-Libanu għandhom jiġu rrispettati permezz ta' miżuri bħad-diżarmament tal-grupp Hezbollah, huwa ma għamilx referenza diretta għall-Iżrael jew għall-okkupazzjoni illegali tiegħu fil-Libanu. 

Fl-aħħar ġranet, bosta attivisti u osservaturi kkritikaw is-sehem tal-Gvern Malti fi stqarrija maħruġa minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li fi kliemhom tefgħet il-ħtija b'mod disproporzjonat fuq il-grupp Hebzollah filwaqt li naqset milli tirrikonoxxi l-atroċitajiet Iżraeljani.

Nhar l-Erbgħa, ftit sigħat biss wara ftehim ta' waqfien mill-ġlied bejn l-Istati Uniti u l-Iran, attakki Iżraeljani qatlu aktar minn 250 persuna, u ferew aktar minn 1,000 persuna f'ġurnata waħda.

Iżrael sejjaħ dan l-attakk bħala "l-akbar attakk" tiegħu fuq il-Libanu mill-bidu tal-operazzjoni tiegħu fuq l-art.

Huwa maħsub illi l-militar Iżraeljan qiegħed ifittex illi jistabbilixxi okkupazzjoni militari permanenti 'l isfel mix-Xmara Litani sabiex jikkumbatti lill-grupp Lebaniż Hezbollah. Iżda ossevaturi internazzjonali qegħdin iwissu li l-pjanijiet ta' Iżrael jikkostitwixxu f'okkupazzjoni militari illegali li thedded l-integrita' territorjali u s-sovranita' tal-Libanu.

Din mhijiex l-ewwel darba li Iżrael okkupa n-Nofsinhar tal-Libanu, hekk kif dan ir-reġjun tal-pajjiż diġa' kienet taħt okkupazzjoni militari Iżraeljana bejn l-1982 u l-2000.

Matul il-Gwerra Ċivili Lebaniża, in-Nofsinhar tal-Libanu kien wieħed mill-iktar teatri tal-gwerra attivi matul il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-fazzjonijiet Maroniti u Falanġisti fuq naħa, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina u l-fazzjonijiet Għarab u xellugin fuq oħra. 

L-Iran żamm l-Istrett ta' Hormuz magħluq wara l-attakk billi allegaw li dan jikkostitwixxi fi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied, bil-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iżlamika (IRGC) tal-Iran jgħid li se jagħti "rispons li jqanqal dispjaċir" jekk l-attakki Iżraeljani fuq il-Libanu ma jieqfux immedjatament.

Abbas Aragchi, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Iranjan, qal li "t-termini bejn l-Istati Uniti u l-Iran huma ċari" dwar il-Libanu, u li Washington trid tiddeċiedi bejn "waqfien mill-ġlied jew gwerra kontinwa permezz ta' Iżrael. Ma jistax ikollu t-tnejn."

Qamet aktar konfużjoni hekk uffiċjali mill-partijiet tal-ftehim mhumiex jaqblu dwar id-dettalji tal-waqfien mill-ġlied, hekk kif il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu sostna li l-Libanu ma kienx inkluż fil-ftehim tal-waqfien mill-ġlied.

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump żied jgħid li l-vapuri, l-ajruplani u l-persunal militari kollha tal-Istati Uniti se jibqgħu madwar l-Iran sakemm il-"ftehim reali" dwar waqfien mill-ġlied ikun "konformat bis-sħiħ", u wissa dwar kunflitt potenzjali ulterjuri.

More in Politika