'Iżżejjed kollu żejjed'; Howard Keith isejjaħ laqgħa 'straordinarja' tal-MEIA

Dan wara li lbieraħ sar magħruf li l-attivitajiet kollha kulturali kulturali anke jekk ikkontrollati mhux se jkunu qed isiru

II-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Industrija tal-Arti u d-Divertiment, Howard Keith Debono, qal li sejjaħ laqgħa 'straordinarja' tal-Assoċjazzjoni wara li sar magħruf li l-attivitajiet kollha, anke jekk ikkontrollati u fi spazji miftuħa, mhux se jkunu qed isiru minn tal-inqas sa Settembru li ġej.

Kien iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef li lbieraħ ħabbar li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika infurmatu li sa Settembru mhux se jingħataw permess li jsiru attivitajiet kulturali. 

Micallef qal li dan jgħodd ukoll għal dawk l-attivitajiet kulturali fi spazji miftuħa li jistgħu jsiru b'mod ikkontrollat kif qed iseħħ barra minn Malta. Ifisser ukoll li lanqas id-diskoteki, inkluż dawk fil-miftuħ, mhu se jitħallew jifħu.

Dan ma niżel tajjeb xejn man-nies fl-industrija, b'Debono jappella biex il-festi u l-attivitajiet oħra professjonali ma jitpoġġewx f'keffa waħda.

"Iżżejjed kollu żejjed," saħaq Debono waqt li ħabbar li sejjaħ laqgħa straordinarja tal-Assoċjazzjoni għall-ġimgħa d-dieħla. "Din id-darba se noħorġu aktar b'saħħitna," temm jikteb.

F'diversi pajjiżi qed isiru proġetti u testijiet biex ikun stabbilit kif jistgħu jsiru ċertu attivitajiet fuq skala akbar iżda b'mod ikkontrollat. Fost dawn hemm pajjiżi li qed jistudjaw l-użu ta' ċertifikat tal-vaċċin biex ikun jista' jintuża għal dawn l-attivitajiet, jew inkella rapid testing.

Fost dawn, fir-Renju Unit 6,000 persuna attendew żewġ parties f'Liverpool bħala parti minn proġett pilota. Il-persuni kollha li attendew intalbu jipprovdu test negattiv tal-Covid-19 qabel madaħlu, permezz ta’ rapid-tests. Apparti minn hekk, ftit jiem wara l-parties, l-istess persuni ntalbu jagħmlu test ieħor biex ix-xjentisti jkunu jistgħu jimmoniterjaw l-effett anke tal-protokolli.

Kif ġara fil-każ ta' Spanja, li wkoll għamlet esperimenti simili, l-esperimenti jidhru li kienu suċċess hekk kif il-virus ma nxteridx.

Bħalissa, anke għall-Eurovision Song Contest f'Rotterdam qed ikun hemm udjenza, mingħajr distanza soċjali u lanqas maskra. Fis-sala qed ikun hemm madwar 3,000 spettatur għal kull serata, kollha kemm huma mill-Olanda. Dan ifisser 20% ta' kemm tesa s-sala.

Dawk kollha fis-sala jridu jippreżentaw test negattiv kontra l-Covid-19 li jkun sar 24 siegħa qabel id-dħul. Apparti minn hekk, se jkunu obbligati jagħmlu test ieħor wara ħamest ijiem. Qabel jidħlu, kull persuna qed tintalab timla kwestjonarju dwar sintomi. Kull min ikollu xi sintomu assoċjat mal-Covid-19, ma jistax jattendi.

​L-udjenza se tkun kollha kemm hi bilqiegħda. Kull persuna ngħatat ħin meta tista' tidħol fis-sala. ​Kulħadd irid jilbes maskra sakemm jidħol jew inkella kull meta jqum minn postu biex imur it-toilet.

Aqra wkoll:

More in Politika