Wara s-semifinali tal-Eurovision Micallef jistaqsi għaliex f'Malta ma jistgħux isiru attivitajiet kulturali

Għal kull serata tal-Eurovision se jkunu qed jattendu madwar 3,500 persuna li jridu jsewgu protokolli ċari

Iċ-Chaiperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef staqsa għaliex f'Malta ma jistax jiġri kif seħħ ilbieraħ f'Rotterdam, meta mijiet ta' nies attendew xorta waħda għall-ewwel semifinali tal-Eurovision, l-istess kif se jiġri nhar il-Ħamis u s-Sibt.

"Jista' jkun li x-xjenza fl-Olanda avvanzata ħafna aktar minn kif titqies mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin?", staqsa Micallef.

Insista li ma jistax jifhem għaliex f'Malta, żgur għax-xahar ta' Ġunju, ma jistgħux isiru attivitajiet kulturali ta' 50, 100, jew 200 ruħ "f'teatru jew sala li jesgħu elf ruħ" u dan minkejja li se tkun qed tintlaħaq l-immunità tal-massa.

"Ma titwemminx, jekk mhemmx mottivi ulterjuri," insista Micallef.

Fil-fatt, għal kull serata tal-Eurovision se jkunu qed jattendu madwar 3,500 persuna, jiġifieri 20% biss ta' kemm tesa s-sala. Dawn se jkunu kollha kemm huma Olandiżi. 

Dawk kollha fis-sala jridu jippreżentaw test negattiv kontra l-Covid-19 li jkun sar 24 siegħa qabel id-dħul. Apparti minn hekk, se jkunu obbligati jagħmlu test ieħor wara ħamest ijiem.

Qabel jidħlu, kull persuna qed tintalab timla kwestjonarju dwar sintomi. Kull min ikollu xi sintomu assoċjat mal-Covid-19, ma jistax jattendi.

​L-udjenza se tkun kollha kemm hi bilqiegħda. Kull persuna ngħatat ħin meta tista' tidħol fis-sala.

​Kulħadd irid jilbes maskra sakemm jidħol jew inkella kull meta jqum minn postu biex imur it-toilet.

Minħabba dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni, mhu se jkun hemm l-ebda distanza soċjali fis-sala u kull persuna (sakemm tibqa' f'postha) tista' tneħħi l-maskra.

 

More in Politika