6,000 persuna se jattendu żewġ parties f'Liverpool bħala parti minn proġett pilota

It-tir huwa li x-xjentisti jibdew josservaw u jistudjaw kif dawn it-tip ta' avvenimenti jistgħu jerġgħu jibdew isiru

Aktar tard dan ix-xahar, f’Liverpool se jkunu qed isiru l-ewwel żewġ parties wara aktar minn sena.

Dawn iż-żewġ parties, li se jkunu qed jiġu organizzati bħala proġett pilota, se jsiru fit-30 ta’ April u l-ieħor l-għada, fl-1 ta’ Mejju f’żewġ imħażen f’Barmley-Moore Dock, bħala parti mill-Programm tal-Gvern Ingliż għar-Riċerka dwar l-Attivitajiet (ERP).

Dan bil-għan li anke s-settur tad-divertiment, ftit ftit jerġa’ jibda jiftaħ.

Għal dawn iż-żewġ parties mistennija jattendu 6,000 persuna, jiġifieri 3,000 persuna kull lejl.

Ħabbar dan l-organizzatur, id-DJ Yousef li spjega kif il-maħżen li fih se jkunu qed isiru dawn il-parties jistgħu jilqgħu fihom 6,000 persuna u fuq barra saħansitra 10,000. Minkejja dan, l-għadd ta’ persuni li se jkunu jistgħu jattendu, se jitnaqqas bin-nofs.

Spjega wkoll kif għal dawn iż-żewġ parties saħansitra se jkun hemm preżenti tim sħiħ ta’ xjentisti li se jkunu qed josservaw u jiġbru l-informazzjoni.

Il-persuni kollha li se jattendu se jkunu qed jintalbu jipprovdu test negattiv tal-Covid-19 qabel ma jidħlu, permezz ta’ rapid-tests. Apparti minn hekk, ftit jiem wara l-parties, l-istess persuni se jintalbu jagħmlu test ieħor biex ix-xjentisti jkunu jistgħu jimmoniterjaw l-effett anke tal-protokolli li se jkunu qed isegwu l-organizzaturi.

“L-idea li b’xi mod nistgħu nersqu lejn xi forma ta’ normalità, speċjalment jekk inti mdaħħal fil-mużika jew fid-divertiment, timlik tama u eċitament għax sabiħ li tkun ma’ persuni oħra,” saħaq l-organizzatur.

Dan huwa wieħed biss mill-esperimenti li se jkun qed isir bil-għan li persuni jibdew jitħallew dawn it-tip ta’ avvenimenti, bi proġetti piloti oħra se jkunu qed isiru f’Wembley Stadium għal final tal-FA cup u f’Sheffield għall-kampjonati tal-Isnooker, fost oħrajn.

Esperimenti simili qed isiru wkoll f'pajjiżi oħra inkluż fi Spanja.

More in Barranin