15 maqtula u bosta midruba wara attakk Russu fuq Kyiv

L-attakk qed jitqies bħala wieħed mill-akbar bombardamenti fuq Kyiv mill-bidu tal-gwerra, fejn b'kollox ġew sparati 440 dron u 32 missila

(Ritratt: Arkivji)
(Ritratt: Arkivji)

Mill-inqas 15-il persuna sfaw vittma ta' wieħed mill-akbar bombardamenti fuq Kyiv mill-bidu tal-gwerra, u bosta oħrajn indarbu.

L-attakk, li b'kollox dam 'il fuq minn disa' sigħat għaddej, ikkonsista minn 440 dron u 32 missila sparati fil-belt kapitali tal-Ukrajna, skont Ihor Klymenko, il-Ministru tal-Intern Ukren.

B'kollox kien hemm 27 distrett tal-belt milqutin mill-attakk. Distrett minnhom kellu blokka appartamenti ta' disa' sulari milqut.

Fl-istess ħin, kien hemm attakk fuq Odesa, fejn inqatlet persuna waħda u ndarbu mill-inqas 10.

Min-naħa l-oħra, il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li rnexxielhom jinterċettaw 147 dron Ukren tul il-lejl.

L-attakki Russi fuq l-Ukrajna qed jintensifikaw dawn l-aħħar ġimgħat, bit-tattika li jibagħtu numru sinifikanti ta' droni u distrazzjonijiet biex id-difiża Ukrena ma tkunx tista' tlaħħaq. L-Ukrajna qed twettaq l-attakki tagħha wkoll hekk kif negozjati għal waqfien mill-ġlied fallew.

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy qal li dawn l-aħħar attakki Russi huma "terroriżmu pur" u li qed jitwettqu għar-raġuni waħdenija li l-President tar-Russja Vladimir Putin "jiflaħ ikompli din il-gwerra".

Zelenskyy akkuża lill-potenzi dinjin li qed jagħlqu għajn għal dawn l-attakki u qal ukoll li "suppost it-terroristi jħossu l-uġigħ, mhux nies normali u paċifiċi."

More in Barranin