Hackers jgħollu t-temperaturi tal-friġis f’supermarkets Ewropej sa 50°C
Attakki ċibernetiċi fuq sistemi tat-tkessiħ laqtu aktar minn 100 ħanut madwar l-Ewropa
minn Jaelle Borg
Immaġina tidħol supermarket filgħodu u ssib li l-friġis, minflok żammew l-ikel kiesaħ matul il-lejl, laħqu temperaturi ta’ 50 grad Celsius.
Din mhijiex ħsara ordinarja fis-sistema tal-elettriku, iżda dak li ġara f’għadd ta’ supermarkets Ewropej wara sensiela ta’ attakki ċibernetiċi li ħallew ikel imħassar, friġġijiet vojta u negozji jikkalkulaw it-telf finanzjarju.
L-attakki, li seħħew matul il-lejl bejn il-Ħadd u t-Tnejn, 2 ta’ Novembru, laqtu sistemi tat-tkessiħ f’aktar minn 100 ħanut, b’rapporti ta’ problemi f’mill-inqas disa’ pajjiżi Ewropej.
Fost il-pajjiżi milquta hemm il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Iżvezja, l-Irlanda, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, il-Portugall u n-Netherlands.
F’xi każijiet, it-temperaturi tal-friġis u l-freezers telgħu sa 50 grad Celsius, u dan wassal biex supermarkets ikollhom ineħħu mill-bejgħ jew jarmu kwantitajiet kbar ta’ prodotti li kellhom jinżammu kesħin.
Ħanut fl-Iżvezja jsib l-ikel kollu fil-freezers imħassar
Wieħed mill-aktar każijiet impressjonanti ġie rrappurtat fl-Iżvezja, fejn ħanut tal-katina ICA sab li t-temperaturi tal-freezers kienu telgħu għal 50 grad.
Skont il-maniġment, l-attakk seħħ għall-ħabta tas-2am, iżda l-problema ġiet innutata diversi sigħat wara, meta parti mill-ħsara kienet diġà saret.
Il-ħanut kellu jarmi l-prodotti li ma setgħux jibqgħu jinbiegħu b’mod sigur.
Fil-Belġju, supermarket ma kienx l-uniku negozju li ġarrab ħsarat. Biċċerija fil-lokalità ta’ Hove rrappurtat li tilfet madwar €15,000 f’laħam wara li t-temperatura tal-friġġijiet tagħha telgħet għal madwar 18-il grad.
Il-problemi laqtu wkoll ktajjen kbar bħal Carrefour, Delhaize, Colruyt, Intermarché, Coop u SuperValu.
Carrefour ikkonferma problemi f’madwar 15-il ħanut mis-700 li għandu fil-Belġju, filwaqt li fl-Irlanda ġew affettwati 13-il supermarket SuperValu.
Fil-Portugall, seba’ ħwienet Intermarché ġew milquta, filwaqt li fl-Italja ġew irrappurtati problemi f’diversi supermarkets, fosthom fi Sqallija.
Anke ħanut IKEA fil-Belġju kien fost in-negozji li rrappurtaw problemi fis-sistemi tat-tkessiħ.
Kif jista’ hacker jikkontrolla friġġ minn pajjiż ieħor?
Dak li jagħmel dawn l-attakki partikolarment inkwetanti huwa li l-hackers mhux bilfors ikollhom għalfejn jidħlu fiżikament fil-ħwienet.
Ħafna sistemi moderni tat-tkessiħ kummerċjali huma konnessi mal-internet biex it-tekniċi jkunu jistgħu jiċċekkjaw it-temperaturi, jirċievu twissijiet dwar ħsarat u jagħmlu tibdiliet mill-bogħod.
Din it-teknoloġija tgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-manutenzjoni, iżda tista’ wkoll toħloq opportunitajiet għall-attakki ċibernetiċi jekk is-sistemi ma jkunux protetti kif suppost.
Fil-Belġju, il-kumpanija Sabcobel, li tieħu ħsieb sistemi tat-tkessiħ kummerċjali, spjegat li l-attakkanti rnexxielhom jattivaw il-modalità tat-tneħħija tas-silġ, magħrufa bħala defrost mode.
Minħabba f’hekk, is-sistemi ma baqgħux iżommu l-prodotti fit-temperaturi meħtieġa.
Il-kap eżekuttiv tal-kumpanija, Stephan Moelans, spjega li f’ċerti installazzjonijiet, aġġornament tas-software waħdu mhuwiex biżżejjed biex tissolva l-vulnerabbiltà, u hemm bżonn ukoll tibdiliet fiżiċi fis-sistemi.
Il-manifattur Daniż Danfoss, li t-teknoloġija tiegħu tintuża f’għadd mis-sistemi affettwati, indika wkoll li software antik kien fattur importanti f’xi wħud mill-każijiet.
It-tieni mewġa ta’ attakki fi ftit ġimgħat
Din mhijiex l-ewwel darba li supermarkets Ewropej spiċċaw fil-mira ta’ attakki ta’ dan it-tip.
Fit-12 ta’ Ottubru, attakk simili fi Franza laqat mijiet ta’ ħwienet, fosthom supermarkets tal-katina Intermarché, u kkawża telf sostanzjali ta’ ikel.
F’xi każijiet, is-sistemi tat-tkessiħ laħqu temperaturi estremament għoljin, b’rapporti wkoll ta’ nirien.
L-investigaturi għadhom ma stabbilewx jekk l-attakki fi Franza u dawk li seħħew din il-ġimgħa humiex marbuta, jew jekk humiex parti minn operazzjoni koordinata.
Sa issa, l-ebda grupp ma ħa r-responsabbiltà għalihom.
Il-prosekuturi federali Belġjani fetħu investigazzjoni, filwaqt li awtoritajiet oħra Ewropej qed jeżaminaw il-vulnerabbiltajiet fis-sistemi u kif jistgħu jiġu evitati aktar attakki.
L-Unjoni Ewropea twissi dwar theddida għall-provvista tal-ikel
L-attakki qajmu tħassib fil-Kummissjoni Ewropea, mhux biss minħabba t-telf finanzjarju għan-negozji, iżda wkoll minħabba l-effett potenzjali fuq il-provvista tal-ikel.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura u l-Ikel, Christophe Hansen, wissa li attakki bħal dawn għandhom jittieħdu bis-serjetà għaliex jistgħu jfixklu l-katina tal-provvista tal-ikel u jdgħajfu l-fiduċja tal-konsumaturi.
L-inċidenti juru wkoll kif attakk ċibernetiku m’għadux neċessarjament ifisser biss serq ta’ informazzjoni jew sistemi tal-kompjuter li jieqfu jaħdmu.
Meta tagħmir essenzjali jkun konness mal-internet, attakk jista’ jkollu konsegwenzi fiżiċi immedjati, bħalma huma ikel li jitħassar, telf finanzjarju u tfixkil fil-ħidma tan-negozji.
Għalkemm l-attakki ġew irrappurtati f’diversi pajjiżi Ewropej, sa issa ma ħarġux rapporti kkonfermati ta’ supermarkets f’Malta milquta minn dawn l-inċidenti.
L-awtoritajiet Ewropej qed ikomplu jinvestigaw min jista’ jkun responsabbli u jekk jistgħux iseħħu attakki oħra fuq sistemi simili.
