Traġedja fil-futbol Spanjol: plejer ta’ 30 sena jmut wara ħabta mal-goalkeeper waqt partita

Jesús de Miguel tilef ħajtu wara li weġġa’ serjament fl-aħħar sekondi ta’ logħba bejn Tenerife u Andorra. Il-partita twaqqfet, filwaqt li l-Federazzjoni Spanjola ssospendiet il-logħob kollu skedat għat-Tlieta b’sinjal ta’ rispett

Il-futbol Spanjol jinsab f’luttu wara l-mewt ta’ Jesús de Miguel, attakkant ta’ 30 sena ta’ CD Tenerife, li tilef ħajtu wara ħabta vjolenti mal-goalkeeper tat-tim avversarju waqt partita tat-tieni diviżjoni Spanjola.

L-inċident seħħ it-Tnejn, fl-aħħar sekondi tal-konfront bejn Tenerife u Andorra, meta De Miguel kien qed jiġri wara l-ballun qrib nofs il-grawnd.

Il-goalkeeper ta’ Andorra, Jesús Owono, kien ħareġ sew mill-lasti tiegħu biex ibiegħed il-ballun, iżda spiċċa ħabat b’veloċità kbira mal-attakkant.

De Miguel waqa’ mal-art, inizjalment iżomm sidru, qabel ma baqa’ mixħut mingħajr ma jiċċaqlaq.

Il-goalkeeper ingħata karta ħamra immedjatament. Għalkemm kien diġà beda miexi lejn il-ġenb tal-grawnd, huwa reġa’ ġera lejn De Miguel meta nduna kemm kienet gravi s-sitwazzjoni.

Il-partita twaqqfet hekk kif il-persunal mediku daħal fil-grawnd biex jagħti l-ewwel għajnuna lill-plejer, fost xeni ta’ niket u tħassib miż-żewġ timijiet.

L-istat tiegħu mar għall-agħar matul il-lejl

L-attakkant ittieħed minnufih l-isptar, fejn għall-ewwel kien irrappurtat li jinsab f’kundizzjoni stabbli, minkejja l-gravità tal-ġrieħi tiegħu.

Madankollu, matul il-lejl, Tenerife ħabbar li l-kundizzjoni newroloġika tal-plejer kienet marret għall-agħar.

It-Tlieta filgħodu, il-klabb ikkonferma l-aħbar tal-mewt tiegħu.

Fi stqarrija mimlija emozzjoni, Tenerife esprima x-xokk u n-niket profond tiegħu, filwaqt li qal li ma hemmx kliem li jista’ jtaffi t-tbatija tal-familja u tal-għeżież ta’ De Miguel.

Il-klabb wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-plejer u lill-komunità kollha tal-partitarji ta’ Tenerife.

Il-futbol Spanjol jingħaqad fin-niket

Anke Andorra, it-tim li kien qed jilgħab kontra Tenerife meta seħħ l-inċident, esprima d-dispjaċir tiegħu għall-mewt tal-attakkant u wassal il-kondoljanzi lill-familja, lill-ħbieb u lil sħabu fit-tim.

Il-mewt ta’ De Miguel wasslet għal diversi messaġġi ta’ solidarjetà minn klabbs ewlenin fi Spanja.

Real Madrid ħabbar li se josserva minuta silenzju qabel is-sessjoni ta’ taħriġ tat-Tlieta, filwaqt li Barcelona wkoll esprima n-niket tiegħu għall-aħbar traġika.

Il-Federazzjoni Spanjola tal-Futbol ħabbret li l-partiti kollha li kellhom jintlagħbu t-Tlieta ġew sospiżi b’sinjal ta’ rispett lejn il-plejer.

Fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu kien hemm ukoll Fernando Román, eks sieħbu ma’ Unionistas de Salamanca, li ppubblika ritratti tagħhom flimkien u messaġġ emozzjonanti fejn iddeskrivieh bħala aktar minn sempliċi ħabib.

Karriera mibnija fil-futbol Spanjol

De Miguel kien ingħaqad ma’ CD Tenerife fis-sajf tal-2025, wara li qatta’ parti kbira mill-karriera tiegħu jilgħab fid-diviżjonijiet inferjuri tal-futbol Spanjol.

Il-mewt tiegħu, wara inċident li seħħ waqt il-logħob, ħasdet lill-komunità sportiva u wasslet għal mewġa ta’ messaġġi ta’ solidarjetà minn plejers, klabbs u partitarji.

More in Barranin