It-tiġrija b’żewġ aħwa…

Il-karattri wara Adrian Delia jikxfu jdejhom

Joe Borg (xellug nett), Gheorg Sapiano (xellug-ċentru) u Peppi Azzopardi (lemin nett) ħarġu favur Delia (lemin-ċentru)
Joe Borg (xellug nett), Gheorg Sapiano (xellug-ċentru) u Peppi Azzopardi (lemin nett) ħarġu favur Delia (lemin-ċentru)

Il-kampanja elettorali bejn l-Eks Kap tal-PN Adrian Delia u d-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg bdiet ħażin wara li l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista imponiet regoli medjokri u ristretti fuq kif jistgħu jitkellmu u jidhru l-kandidati. Fosthom hemm ir-regoli li ma jistgħux jiddibattu bejniethom u, fuq kollox, wara li tispiċċa d-due diligence, iridu jitkellmu biss fuq il-mezzi tax-xandir tal-PN. Huwa għalhekk li l-ħarsa tal-media qed tkun fuq min qed jitkellem favur kandidat jew ieħor. Imma jidher li s’issa m’hemm xejn spettakolari li jista’ jiġi rrappurtat dwar il-kandidati li fuq livell politiku jidhru l-istess ħafna. 

S’issa l-iktar nies ikkuluriti kienu dawk li ħarġu għonqhom għal Adrian Delia, personalitajiet mill-passat, li kienu magħrufin l-aktar bħala apoloġisti u gladjaturi kbar tal-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. 

Fosthom insibu lil Gheorg Sapiano, avukat li kien sieħeb Delia fin-negozju, u kien ukoll magħruf li kien jingħata direct orders biex jikteb direct orders minn Austin Gatt. Kien magħruf ukoll li jagħmel programm televiżiv fuq TVM bl-assistenza – dak iż-żmien – ta’ Manwel Delia, bloger magħruf għall-kitbiet kattivi tiegħu. Sapiano kien ukoll jikteb kolonna satirka mal-bloger Daphne Caruana Galizia fuq il-gazzetta The People. Minkejja kollox, Caruana Galizia fl-istess inimitabbli tagħha, kienet daret kontra Sapiano u Delia għax dawn kienu avukati ta’ ditta li jagħmlu flejjes kbar mill-introjtu ta’ siti pornografiċi kbar.  

Sapiano kien ħareġ għall-politika wkoll mal-PN, imma kien għamel vroma u ġab ftit voti. 

Apparti Sapiano hemm ukoll Father Joe Borg, persuna li sa ftit żmien ilu kien lettur l-Università. Kien ukoll involut fl-editorial board tal-PBS fi żmien Lawrence Gonzi, fejn dak iż-żmien ma jidhirx li kien hemm ‘problema’ li persuni li kellhom kariga politika bħal Lou Bondi jingħataw programmi televiżivi. Apparti l-aġenda anti-Laburista ta’ dak iż-żmien fuq il-PBS. 

Joe Borg kien il-moħħ ukoll tal-RTK, radju tal-knisja li fi żmienu kienet magħrufa għall-kritika ħarxa lejn il-Labour. 

Persuna oħra li mhux qed tiddejjaq titkellem favur Adrian Delia huwa Peppi Azzopardi, personalità li tmur lura għall-programm Xarabank fuq il-PBS. Programm li kien kiser kull rekord ta’ udjenza. Imma min-naħa l-oħra, Azzopardi dejjaq bil-kbir lil-Labour, għall-antipatija li kellu għall-politika Laburista f’kummenti u opinjoni favur jew kontra xi personalitajiet Laburisti. 

Min-naħa ta’ Alex Borg, s’issa m’hemm ħadd li għandu l-istatura imma jista’ jkun li din taħdem favurih. Għax bosta huma dawk li jridu li l-PN ikollu wiċċ ġdid u ma jkunx imxekkel mill-iskeletri tal-passat. 

Min-naħa l-oħra, Borg għandu l-età kontrih u l-fatt li fuq ħafna temi jidher mhux ċar biżżejjed.

More in Politika