X’qed jiġri f’Kordin?

Mowbajl ieħor f’idejn l-istess priġunier iqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sigurtà f’Kordin. Il-Ministru Glenn Bedingfield għandu jispjega kif dawn l-apparati qed jidħlu fil-ħabs u x’qed isir biex il-problema tinqered mill-għeruq.

Il-fatt li mowbajl ieħor instab f’ċella fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin iqajjem mistoqsijiet serji dwar is-sigurtà u l-kontroll fi ħdan il-ħabs. Il-problema mhijiex sempliċement li l-priġunieri qed ikollhom mowbajls fil-pussess tagħhom, iżda kif dawn qed jirnexxilhom idaħħluhom, iżommuhom u jużawhom mingħajr ma jinqabdu. 

Nhar it-Tlieta filgħaxija, waqt rejd li sar għall-ħabta tat-8pm mill-Pulizija u uffiċjali tal-ħabs, instab mowbajl ieħor fiċ-ċella ta’ priġunier. Il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield ħabbar is-sejba fuq Facebook, u qal li din kienet parti minn investigazzjoni li ilha għaddejja għal ġimgħat. Iżda l-aktar dettall inkwetanti ħareġ wara: il-persuna li nstabilha l-mowbajl kienet Robert Agius, magħruf bħala “Tal-Maksar”, li x-xahar li għadda kien diġà nstab fil-pussess ta’ mowbajl ieħor.  

Dan ifisser li l-istess priġunier irnexxielu jerġa’ jkollu mowbajl f’idejh ftit aktar minn xahar wara li nqabdu tliet apparati f’ċelel differenti. 

F’Ottubru, il-mowbajls instabu fiċ-ċelel ta’ Robert Agius, George Degiorgio, magħruf bħala “Iċ-Ċiniż”, u Damiano Torrisi. Il-każ kien partikolarment serju minħabba li l-Pulizija kienet qed tinvestiga suspett li Agius u Torrisi setgħu kienu qed jużaw dawn l-apparati biex jikkordinaw attività illegali, fosthom allegat pjan ta’ qtil. Dawn għadhom allegazzjonijiet li jridu jiġu ppruvati, iżda l-fatt li priġunieri b’kundanni għal reati serji setgħu jkollhom aċċess għal komunikazzjoni mhux awtorizzata huwa allarmanti.  

Wara l-ewwel sejbiet, Bedingfield ħabbar li ried jemenda l-liġi biex il-pussess u l-użu tal-mowbajls fil-ħabs isiru reati kriminali. Ħabbar ukoll il-ħsieb li titwaqqaf Professional Standards Unit biex tissorvelja s-sigurtà u l-operat tal-faċilità. 

Dawn huma inizjattivi li jistgħu jkunu utli, iżda mhumiex biżżejjed waħedhom. Il-pussess ta’ mowbajl huwa s-sintomu; il-problema fundamentali hija kif qed jidħol fil-ħabs u min qed jippermetti li dan iseħħ.  

Jeħtieġ investigazzjoni sħiħa li ma tiqafx mal-priġunier li nstab fil-pussess tal-apparat. Min daħħal il-mowbajls? Kien hemm kompliċità minn xi ħadd minn ġewwa? Kif jistgħu apparati bħal dawn jerġgħu jidhru wara tfittxijiet u rejdijiet? U x’qed isir biex jiġi żgurat li dawn ma jintużawx biex jitmexxew attivitajiet kriminali minn wara l-ħitan tal-ħabs? 

Jeħtieġ ukoll li jkun magħruf x’kienu r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta mmexxija mill-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, ippubblikata f’Lulju, u liema minnhom ġew implimentati.  

Glenn Bedingfield ma jistax jillimita ruħu għal posts fuq Facebook kull darba li tinstab irregolarità. Bħala l-ministru responsabbli, għandu jieħu f’idejh il-kwistjoni, jiżgura li l-investigazzjoni ssir u tintemm b’reqqa, u jitlob rendikont ċar mill-amministrazzjoni tal-ħabs. 

Il-ħabs mhuwiex lukanda fejn il-priġunieri għandhom jagħmlu li jridu. Huwa istituzzjoni tal-Istat, fejn is-sigurtà, id-dixxiplina u l-infurzar tar-regoli għandhom ikunu prijorità assoluta. 

Li ssib mowbajl huwa tajjeb. Li ssib min daħħlu, għaliex daħħlu u kif seta’ jerġa’ jidħol huwa dak li verament jgħodd. U sakemm dawn il-mistoqsijiet jibqgħu mingħajr tweġiba, kull sejba ġdida se tkun tfakkira li l-problema f’Kordin għadha ’l bogħod milli tissolva. 

More in Politika