Le, fuq din m’għandekx raġun żgur!

if bniedem jista’ jkun tliet postijiet f’daqqa, spekulatur, raħħal, u driver mal-Gvern, Alla biss jaf. 

Meta l-Prim Ministru Robert Abela ddefenda d-deċiżjoni biex impjegat mixli bi qtil involontarju jerġa’ lura għax-xogħol, kulħadd baqa’ mistagħġeb.  

Robert Abela argumenta li l-persuna li kienet sospiża tirċievi l-paga u jkun aħjar jekk terġa’ lura għax-xogħol milli toqgħod id-dar.  

Abela deher konvint ukoll b’din l-opinjoni mill-fatt li persuni oħra, fosthom uffiċjal għoli ta’ Transport Malta u Segretarju Permanenti li wkoll kienu mixlija, wieħed b’fastidju sesswali u l-ieħor b’reati marbuta ma’ korruzzjoni, kienu reġgħu bdew jaħdmu mal-Gvern. 

Li ma qalx huwa li dawn id-deċiżjonijiet imorru kontra kull loġika u etika. Persuni li jaffaċċjaw proċeduri kriminali m’għandhomx ikunu trattati bl-istess mod. Dan hu prinċipju antik li sirna naċċettaw biż-żmien. 

Il-persuna li jdaħħal lura fl-Awtorità tad-djar jismu Kurt Buhagiar, persuna li issa għandu l-job ta’ driver mal-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità. Li forsi li qed ninsew hu li din hija l-persuna li l-binja li waqgħet fuq Jean Paul Sofia kienet f’isimha. U dan huwa l-bniedem li legalment kien responsabbli u li qed ikun imfittex għal qtil involontarju. Ma ninsewx ukoll kemm dan l-inċident wassal biex ma nafux kemm kien hemm dikjarazzjonijiet solenni mill-Prim Ministru meta affaċċja protesti nazzjonali fuq il-mewt ta’ Sofia. 

Irridu ngħidu wkoll li Buhagiar huwa wkoll sid tal-binja skandaluża f’Għajn Riħana, liema binja sservi ta’ razzett għan-nagħaġ.  

U rridu ngħidu wkoll li fl-2011, Buhagiar kien ġie inkarċerat fl-Italja b’rabta ma’ traffikar ta’ migranti. Kien għamel sena l-ħabs f’Ragusa, Sqallija.  

Kif bniedem jista’ jkun tliet postijiet f’daqqa, spekulatur, raħħal, u driver mal-Gvern, Alla biss jaf. 

Li nafu hu li l-etika morali, il-prinċipji tas-sewwa, ir-rispett għal dak li huwa sewwa u xieraq qed jiġu injorati mill-Prim Ministru. Matul is-snin kellna abbundanza ta’ każijiet miż-żewġ naħat tal-kamra li wrew disprezz lejn dak li huwa mistenni meta jkun hawn każijiet bħal dawn. 

Is-sewwa jitlob li persuna li tkun qed taffaċċja akkużi kriminali tieħu pass lura. Tistenna sakemm il-proċeduri ġuridiċi jaslu fi tmiemhom. Li l-proċeduri ġuridiċi jieħdu ż-żmien, dak veru, li hemm inkjesti li jinkitbu b’sens xejn professjonali, huwa veru wkoll.   

Imma ċerti nies fehmu l-portata u l-piż ta’ akkużi kriminali. Persuna li fehem dan, ċertament kien Chris Fearne, li kif fehem x’kien qed jiġri rriżenja, kemm minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Ministru, kif ukoll irtira l-kandidatura għal Kummissarju fl-Unjoni Ewropea.  

X’differenza mill-oħrajn li ngħataw l-impressjoni li m’hemmx problema li jkollok akkużi kriminali u tibqa’ għaddej f’xogħlok qisu xejn mhu xejn. 

U dan kollu għax il-barometru ta’ x’inhu aċċettabbli jew le jiddeċidih persuna waħda biss: il-Prim Ministru ta’ Malta!  

More in Politika