L-AG tiċħad it-talba tal-aħwa Degiorgio biex jissottomettu evidenza, jiem qabel ma' tinstema l-kawża

Din l-evidenza allegatament kellha turi lil Alfred Degiorgio fi stat ta' saħħa ħażina, li sussegwentament setgħet wasslet għall-ammissjoni ta' ħtija 

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ċaħad it-talba li saret mill-avukati tal-aħwa Degiorgio li jiġu sottomessi filmati ta' CCTV mil-ħabs u mil-lockup tal-Qorti, fil-każ tal-appell għas-sentenza mogħtija f'Ottubru li għadda fil-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 

Fil-jiem li ġejjin se tibda' l-kawża tal-appell li ressqu l-aħwa fil-konfront ta' sentenza ta' 40 sena priġunerija li ngħatatilhom. Dan l-appell tressaq kważi ġimgħatejn wara li l-aħwa li ammettew l-involviment tagħhom - fl-ewwel jum tal-ġuri - fil-qtil ta' Caruana Galizia. L-aħwa kienu waqqfu s-servizzi ta' għajnuna legali li ngħatawlhom għaliex ma setgħux isibu avukati biex jirrapreżentawhom. Eventwalment huma ingaġġaw avukati privati. 

Intant, fost raġunijiet oħra għaliex l-aħwa se jkunu qed jappellaw din is-sentenza, l-avukati tad-difiża saħqu illi Alfred Degiorgio kien fi stat vulnerabbli minħabba li kien fuq strajk tal-ġuħ. Għal din ir-raġuni l-avukati ressqu petizzjoni biex jiġu ippreżentati filmati tas-CCTV tal-ħabs u tal-lockup fil-Qorit, biex juru l-istat ta' Degiorgio. 

Minkejja dan, id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia fakkar illi l-Imħallef, qabel ma beda l-ġuri, kien ordna li jiġi eżaminat medikament biex jiġi stabbilit jekk kienx b'saħħtu biżżejjed biex ikun preżenti. L-esperti mediċi maħtura mill-Qorti ikkonfermaw illi huwa "bla dubju" kien tajjeb li jkun preżenti u eventwalment jixhed. 

Galea Farrugia qal li l-unika ħaġa li jindika dan il-filmat huwa li Alfred Degiorgio kien qiegħed jiddaħħal il-Qorti permezz wheelchair, "xi ħaġa li l-Avukat Ġenerali mhux qiegħed jikkontesta." 

Huwa irrimarka wkoll fuq il-preżentazzjoni ta' din it-talba, jiem qabel ma beda jinstema' l-każ u li kellu dubji fuq dawn il-filmati.  

More in Qrati u Pulizija