Robert Brincau jinstab ħati: Sena ħabs sospiża għal tliet snin u jirriżenja minn Direttur tal-Ħabs
Għall-ewwel darba Direttur tal-Ħabs jispiċċa jingħata sentenza priġunerija, sospiża għal tliet snin, waqt li kien jinsab fil-kariga
minn Albert Gauci Cunningham
Id-Direttur tal-Ħabs Robert Brincau instab ħati ta’ numru ta’ reati fosthom li weġġa’ raġel u li kien qed iġorr arma tan-nar mingħajr liċenzja fil-bajja tal-Mellieħa f’Awwissu li għadda. Huwa għalhekk ingħata sentenza ta' sena ħabs sospiżi. Intant, ftit biss wara li saret pubblika s-sentenza tal-Qorti, il-Gvern ħabbar li Brincau offra r-riżenja tiegħu mill-kariga.
Minfloku l-Gvern ħatar lil Christopher Siegersma, li attwalment huwa l-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri.
Il-każ kontra Brincau jmur lura għas-sajf li għadda fl-Għadira wara argument bejn żewġ servizzi rivali tal-ambulanza. Il-mara ta' Brincau hija d-direttur tal-Malta Red Cross li għandha l-kuntratt biex tipprovi l-lifeguards fl-Għadira.
Hu mifhum li infermiera minn servizz ieħor ta' ambulanzi kellhom xi jgħidu ma' Brincau meta dawn allegatament ma tħallewx jassistu għal talba ta' għajnuna fuq il-bajja. Żewġ membri tal-istaff mill-kumpanija Alpha Medical taw stqarrijia ġuramentata quddiem il-Pulizija li fiha qalu li fl-argument Brincau uża arma tan-nar biex jhedded lix-xufier tal-ambulanza.
Skont l-istess stqarrija, Brincau kien qed iġorr l-arma tan-nar fuqu, ħariġha u poġġieha ma' ras ix-xufier.
Brincau tressaq akkużat quddiem il-Qorti lura f'Ottubru 2022, bil-Ministru għall-Intern Byron Camilleri jisħaq illi d-deċiżjoni fuq Brincau, jekk għandux jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu "tittieħed - jekk ikun hemm bżonn - biss wara li jintemmu l-proċeduri fil-Qorti." Il-Partit Nazzjonalista kien talab għar-riżenja immedjata ta' Brincau lura meta kienu ħarġu dawn l-akkużi.
X'ħareġ mill-Qorti?
Quddiem il-Qorti l-Ispettur Ryan Vella akkuża lil Brincau illi kkawża ġrieħi ħfief fuq raġel, li heddu b'arma, li insultah u li kellu fuqu arma fil-pubbliku mingħajr il-permessi meħtieġa, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika proprju nhar il-21 ta' Awwissu.
Xhieda iddeskrivew kif Brincau hedded lil numru ta' ħaddiema tal-ambulanza permezz ta' pistola propju minħabba din ir-rivalità bejn is-servizz ta' ambulanza u l-Malta Red Cross.
Xufier ta' ambulanza xehed u qal li dan ma kienx l-ewwel inident tat-tip tiegħu illi fih membru tal-Malta Red Cross jipprevjeni persuna milli tittieħed lejn l-isptar permezz ta' Alpha Medical. "Jekk il-pazjent jgħidilna li jrid imur Mater Dei, neħduh hemmhekk imma l-Malta Red Cross jinsisti li l-ambulanza tkun dik ta' Mater Dei u mhux ta' Alpha Medical.
Ix-xufier tal-ambulanza qal illi hekk kif kellu l-argument ma' Brincau u wara li qala' daqqa ġo rasu, huwa kien ta' daqqa ta' ponn lill-akkużat li 30 sekonda wara pponta pistola lejh.
Infermiera li kienet fuq il-post kienet bdiet tieħu filmat tal-inċident, bl-akkużat juriha illi jaf li kien qed jinġibed tali filmat.
Il-Qorti nnotat kif kien hemm diversi xhieda li ddeskrivew b'mod eżatt il-pistola qabel biss ġiet esebita quddiem il-Qorti. Anke filmati CCTV urew lil Brincau joħroġ xi ħaġa mill-qalziet tiegħu waqt l-argument.
Brincau, intqal lill-Qorti, ma kellux liċenzja biex iġorr arma iżda huwa qal li f'diversi laqgħat li kellu mal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, ħa l-impressjoni li l-ġarr ta' arma kienet "grey area" fil-liġi li għadha qed tkun diskussa. Il-Qorti nnotat ukoll li ma kien hemm xejn fl-Att dwar l-Armi li kien jagħtih il-jedd li jkun jista' jġorr arma fuqu f'kull ħin, inkluż meta ma jkunx fuq xogħol. "Dan ifisser li biex uffiċjal tal-ħabs ikun jista' jġorr arma meta ma jkunx fuq xogħol ikun jeħtieġ permess mingħand il-pulizija," innutat il-Qorti.