Id-Direttur tal-Ħabs mistenni jitressaq il-Qorti; Allegat li uża arma tan-nar f'argument fl-Għadira

Robert Brincau qed jiċħad l-allegazzjonijiet u kelliem għall-Ministeru għall-Intern qal li ma hemm l-ebda indikazzjoni li Brincau se jkun sospiż jew inkella se jirriżenja

Id-Direttur il-ġdid tal-ħabs Robert Brincau mistenni jitressaq il-Qorti akkużat li uża arma tan-nar biex biha jhedded raġel waqt argument li kellu miegħu fl-Għadira.

Brincau qed jiċħad li għamel dan iżda wara li l-Pulizija kompliet tinvestiga l-każ, skont The Times of Malta, hu mistenni jitressaq il-ġimgħa d-dieħla quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea.

Il-każ imur lura għas-sajf li għadda fl-Għadira wara argument bejn żewġ servizzi rivali tal-ambulanza. Il-mara ta' Brincau hija d-direttur tal-Malta Red Cross li għandha l-kuntratt biex tipprovi l-lifeguards fl-Għadira.

Hu mifhum li infermiera minn servizz ieħor ta' ambulanzi kellhom xi jgħidu ma' Brincau meta dawn allegatament ma tħallewx jassistu għal talba ta' għajnuna fuq il-bajja.

Żewġ membri tal-istaff mill-kumpanija Alpha Medical taw stqarrijia ġuramentata quddiem il-Pulizija li fiha qalu li fl-argument Brincau uża arma tan-nar biex jhedded lix-xufier tal-ambulanza.

Skont l-istess stqarrija, Brincau kien qed iġorr l-arma tan-nar fuqu, ħariġha u poġġieha ma' ras ix-xufier. 

Min-naħa tiegħu, Robert Brincau qed jiċħad dan kollu u qed jiddeskrivi l-istqarrija bħala gidba.

Intant, minkejja li mistenni jitressaq il-Qorti, il-Ministeru għall-Intern qal mal-istess gazzetta li ma hemm l-ebda indikazzjoni li Brincau se jirriżenja jew inkella jkun sospiż.

More in Qrati u Pulizija