'Deċiżjoni fuq Brincau tittieħed biss wara li jintemmu l-proċeduri tal-Qorti' - Byron Camilleri

Robert Brincau qed jiġi akkużat li hedded b'arma lid-direttur ta' kumpanija privata tal-ambulanzi u lill-familja tiegħu

B'reazzjoni għall-allegazzjonijiet li d-Direttur tal-Ħabs, Robert Brincau, hedded b'arma lid-direttur ta' kumpanija privata tal-ambulanzi u lill-familja tiegħu, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri saħaq li d-deċiżjoni fuq Brincau, jekk għandux jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu "tittieħed - jekk ikun hemm bżonn - biss wara li jintemmu l-proċeduri fil-Qorti."

Dan qalu meta mistoqsi mill-ġurnalisti hekk kif ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista sejjaħ biex Brincau jiġi sospiż, wara li dan fil-fatt ġie akkużat.

L-Ispettur Ryan Vella akkuża lil Brincau illi kkawża ġrieħi, hedded raġel b'arma, insulentah u heddu waqt li kellu fil-pussess tiegħu arma li ma kinitx liċenzjata, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. Brincau qed ikun akkużat illi fl-istess jum uża apparat elettroniku biex jhedded lil dan id-direttur 

Huwa qed jiċħad dawn l-akkużi u jinsisti li dan kien każ ta' rapurtar falz. 

Camilleri qal li kien hemm kunflitt ċar bejn il-verżjoni ta' dak li qalu l-allegati vittmi u l-verżjoi tal-akkużat. "Issa trid tkun il-Qorti li tiddeċiedi liema verżjoni hi korretta." Żied jgħid li l-allegat inċident ma' sarx fuq il-post tax-xogħol u mhux fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin. 

Żied jgħid li kien hemm rapporti fuq il-każ ta' Brincau li kienu "sensazzjonali aktar minn oħrajn." 

Tajjeb li nfakkru li Brincau ħa post l-eks Direttur kontroversjali Alex Dalli, li kellu jwarrab wara illi fil-Ħabs seħħet l-14-il mewt minn kemm kien ilu jmexxi l-Ħabs hu.

More in Qrati u Pulizija