Il-PN jitlob għas-sospensjoni ta' Brincau wara li dan kien akkużat illi pponta arma lejn persuna

Brincau kien akkużat li waqt argument li kellu ma' direttur ta' kumpanija privata tal-ambulanzi huwa heddu illi joqtol lilu u lill-familja tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista talab sabiex id-Direttur tal-Ħabs Robert Brincau jiġi sospiż u dan wara li aktar kmieni llum kien akkużat illi pponta arma lejn persuna waqt argument. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qal li japprezza t-titjib li sar minn Robert Brincau kemm ilu jmexxi l-Faċilitá Korrettiva ta’ Kordin u filwaqt li jifhem is-sensittivitá li jkollok vacuum fi ħdan t-tmexxija tal-Ħabs, "fid-dawl tal-fatt li nbdew proċeduri kontrieh, l-awtoritá morali tiegħu ddgħajfet serjament."

Il-PN permezz tal-Kelliem tal-Intern Joe Giglio sostna li l-governanza tajba titlob li fiċ-ċirkostanzi huwa għandu jkun sospiż sakemm jintemmu dawn il-proċeduri u jinħatar xi ħadd ieħor minfloku. 

"Jekk ma jsirx hekk ser ikun qed jintbagħat messaġġ ħażin u perikoluż," temm  jgħid il-PN. 

Brincau kien akkużat li waqt argument li kellu ma' direttur ta' kumpanija privata tal-ambulanzi huwa heddu illi joqtol lilu u lill-familja tiegħu - f'telfonata li għamillu. 

L-Ispettur Ryan Vella akkuża lil Brincau illi kkawża ġrieħi, hedded raġel b'arma, insulentah u heddu waqt li kellu fil-pussess tiegħu arma li ma kinitx liċenzjata, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. Brincau qed ikun akkużat illi fl-istess jum uża apparat elettroniku biex jhedded lil dan id-direttur 

Huwa qed jiċħad dawn l-akkużi u jinsisti li dan kien każ ta' rapurtar falz. 

Xhieda preżenti l-Għadira - fejn seħħ l-allegat reat -  qalu lill-Qorti illi d-Direttur hedded lill-ħaddiema tal-ambulanza b'pistola wara inċident li kien immotivat minn kompetizzjoni kummerċjali bejn il-Malta Red Cross li tagħha Brinau huwa d-Direttur u l-fornitur privat tas-servizz tal-ambuanza. 

More in Politika