Il-mara tan-nutar Ivan Barbara, Rosanne Barbara Zarb, se tkun akkużata bi sperġurju, jiġifieri li xehded falz fil-Qorti. Dan fid-dawl tal-kawża pendenti li fetħu xejn inqas minn 23 persuna li kienu klijenti ta' żewġha u li tinvolvi misapproprazzjoni ta' fondi. Bejniethom, dawn il-persuni għandhom madwar €165,000 f’depożiti li saru mal-konvenji u li issa huma marbuta fil-kontijiet tan-nutar.
Il-Pulizija qed takkuża lill-armla ta' 48 sena, hekk kif investigazzjoni sabet li hija allegatament gidbet meta bdiet twieġeb mistoqsijiet waqt seduta fil-Qorti. Fid-dikjarazzjoni li għamlet taħt ġurament, Barbara Zarb qalet li hija qatt ma kienet ikkomunikat ml-klijenti ta' żewġha u sostniet li l-klijenti kienu gidbu u awtomatikament assumew li hi u żewġa kienu jaħdmu flimkien, sempliċement għax kienu miżżewġin. Sa' issa jidher li għadu mhux ċar liema parti mix-xhieda tagħha, allegatament hi falza.
Il-Pulizija qed jitolbu lill-Qorti li jekk tinstab ħatja timponi interdett ġenerali fuqha. Dan ifisser li jekk tinsab ħajta ma tkunx tista' taħdem mal-Gvern, ikollha kariga pubblika jew tivvota.
Ivan Barbara kien wieħed mill-vittmi tal-Covid-19 u miet f’April tal-2021 waqt vjaġġ lejn l-Indja ma' martu biex jiffinalizza l-adozzjoni.
Dan l-artiklu qed jiġi aġġornat.