L-armla tan-nutar Ivan Barbara bdiet proċeduri legali kontra mara li kitbet dwarha kummenti dispreġġjattivi.
Din il-mara, fuq Facebook akkużat lil Rosanne Barbara Zarb u ddeskrivietha bħala ħalliela li għandha tispiċċa l-ħabs. Il-kumment deher fuq grupp fuq Facebook u li fih membri għadd ta’ klijenti tan-nutar li qed jisħqu li ġew ingannnati.
Barbara Zarb fetħet il-libell li għandu jibda jinstema’ fis-6 ta’ Lulju quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.
L-armla hija nvoluta f’kawża li fetħu xejn inqas minn 23 persuna li kienu klijenti ta’ żewġha. Bejniethom, dawn il-persuni għandhom madwar €165,000 f’depożiti li saru mal-konvenji u li issa huma marbuta fil-kontijiet tan-nutar.
Ivan Barbara kien wieħed mill-vittmi tal-COVID u miet f’April tal-2021 waqt vjaġġ lejn l-Indja ma' martu biex jiffinalizza l-adozzjoni.
F’Ottubru tas-sena li għaddiet, kien infetaħ dan il-każ, bil-klijenti jingħataw aċċess għal inkjesta maġisterjali għax qed jisħqu li ġew iffrodat.
L-armla qed tiċħad dawn l-akkużi.