Il-Qorti taċċetta li tinfetaħ inkjesta fuq flus ta' konvenji li ngħataw lin-Nutar Ivan Barbara

Tlieta minn nies - eks klijenti ta' Barbara - jgħidu li għaddew €30,650 lil dan in-nutar li ma setgħux jeħduhom lura

Il-Qorti tal-Maġistrati laqgħet it-talba għal inkjesta fuq in-Nutar Ivan Barbara - illum mejjet - wara talba minn tliet klijenti tiegħu li baqgħu mingħajr flus li kienu ħallsu fuq konvenji. 

It-tliet individwi qed jgħidu li huma afdaw lil Barbara b'€30,650 fuq diversi konvenji qabel ma miet fl-Indja fejn kien siefer ma' martu biex ikun jista' jadotta. Dawn il-konvenji kienu ffirmati qabel ma Barbara mar l-Indja. 

F'applikazzjoni iffirmata mill-Avukat David Bonello, intqal li huma kienu għaddew dawn il-flus biex eventwalment dawn jgħaddihom lill-bejjiegħ, meta jkunu konklużi l-kuntratti. Huma qalu illi sabiex ma jitilfux dawn il-proprjetajiet kienu daħlu għal dawn il-konvenji u ħallsu d-depożiti għat-tieni darba wara l-mewt tan-nutar.

Għall-ewwel mart Barbara kienet qaltilhom li hemm kumplikazzjonijiet minħabba ċ-ċertifikat tal-mewt, ftit wara qaltilhom li r-rifużjoni qed tkun ipproċessata imma wara saru jafu li hi rrinunzjat il-wirt li kien ħallielha żewġha. 

Huma qalu li n-Nutar tal-Gvern li investiga l-files kollha ta' Barbara ma għinhomx biex jerġgħu jieħdu flushom lura u għalhekk kitbu lill-Bank of Valletta, fejn dan in-nutar kellu kont. Hemmhekk huma talbu aktar informazzjoni u rifużjoni imma l-bank rreferihom għall-eredi tan-nutar. 

Dawn il-klijenti qed jisħqu li Barbara wettaq att kriminali u qed jargumentaw li hemm raġunijiet biżżejjed biex tinfetaħ inkjesta. Mart Barbara qed tinnega rapporti li hi u żewġha kienu użaw dawn il-flus biex imorru l-Indja bihom. 

Mart Barbara ma weġbitx ukoll dwar akkużi li l-koppja kellhom kont offshore u li hu kien ddepożita flus fil-kont personali tiegħu. 

 

More in Qrati u Pulizija