Dun David Muscat meħlus mill-akkużi li xerred diskors ta' mibegħda

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda intenzjoni ħażina jew kriminali min-naħa tas-saċerdot

Il-Qorti ħellset lil Dun David Muscat mill-akkużi ta’ diskors ta’ mibegħda wara li kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda intenzjoni ħażina min-naħa tiegħu.

Dun David tressaq il-Qorti f’Jannar li għadda, akkużat li inċita mibegħda u vjolenza b’kummenti tiegħu fuq Facebook dwar l-omosesswalità.

F’wieħed mill-kummenti tiegħu, Dun David għamel referenza għal ritratt ta’ Abner Aquilina, is-suspettat bil-qtil makabru ta' Paulina Dembska fit-2 ta' Jannar li għadda. 

Aquilina jidher liebes flokk bi trijanglu u l-kuluri tal-qawsalla fih u kien għalhekk li Dun David għamel il-konnessjoni tal-bandiera li tintuża mill-komunità LGBTIQ. Fuq Facebook huwa kiteb ċar u tond li "l-gayyaġni" huwa agħar milli li persuna tkun imxajtna.

L-Arċisqof Charles Scicluna kien qal li jħossu xxukkjat bil-kummenti ta' Dun David Muscat. Filfatt huwa ordna lil Dun David Muscat biex ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċità l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Ian Farrugia ħeles lil Muscat mill-akkużi u qal li ma kien hemm l-ebda intenzjoni kriminali min-naħa tiegħu.

More in Qrati u Pulizija